Saviour Balzan | Mela tajjeb ... Sur Politiku

Stuprajna pajjiż biex il-partiti ikollhom il-flus, jaqdu lill-kbar u jfottu lil pajjiżna biex jirbħu l-elezzjonijiet 

Jien qatt ma tgħallimt nigdem ilsieni. Tajjeb u ħażin hekk ħriġt. Dawn il-jumejn indunajt jew aħjar ikkonfermajt dak li dejjem ħsibt. 

U jien kemm ili nikteb ippruvajt kemm jista' jkun li ma niktibx fuq il-weġgħat personali tiegħi. U hekk sewwa u xieraq. Imma issa daqshekk! 

Mela tajjeb, id-direttur tal-ħabs li, allegatament, poġġa pistola ma' ras xi ħadd għadu f’postu, ta’ qablu li ħalla l-ħabs b’rekord ta’ mwiet - inkluż suwiċidju - telaq biss wara li lanqas kien għad fadal aktar skużi għall-fallimenti tiegħu (ingħata rigal bħala envoy għal-Libja)... imma ħaddieħor tkeċċa. 

U nista' nkompli. 

  ***

Issa din is-sena fit-toroq ta’ Malta diġà mietu aktar minn 22 persuna. Qishom dubbien qed imutu u allajbierek ħadd mhu responsabbli u ħadd ma jaf x'ser jagħmel... ħadd ma ġie sospiż! 

Kull Ministru li tkellem - mill-Ministru Byron Camilleri sa Aaron Farrugia, kulħadd b’ħafna kliem elokwenti li ma jfissru xejn u sadanittant azzjoni żero. 

U nista' nkompli! Akkużi f’Ministeri ta’ abbuż ta’ poter jew dak li jkun jingħata sospensjoni bil-paga ridotta. Imbgħad hemm dawk il-Ministri li ma jiswewx xelin. Ma għandhom xejn x’juru, mhumiex kompetenti, jew preparati, jew inkella konxji kemm qed joħorġu ta’ ġifa u xorta jibqgħu hemm. Għax hekk hemm bżonn! 

Insomma, x’qed nipprova ngħid? Qed nipprova ngħid li wara kull storja hemm storja oħra u ma trid xejn li xi darba ż-żejt jitla f’wiċċ l-ilma. Jew li l-bużżieqa tinfaqa'. 

  ***

Michael Stivala il-boss tal-Malta Developers Association - jiġifieri l-assoċjazzjoni ta’ min jagħmel il-flus minn fuq il-kampanja Maltija -  fuq il-programm tal-lettur u xandar Andrew Azzopardi, fuq l-istazzjon tal-Knisja, qal li hemm għaqdiet ambjentali li qegħdin imħallsa mill-big business. Ostra, x’għarakuża! 

Mela ha ngħid oħra goffa – So fucking what? Biex qed jistagħġeb? 

Il-ħanina! Għal snin twal l-azjendi tan-negozju iffinazjaw lill-Partit Laburista u dak Nazzjonalista bil-famużi pakketti kannella, mimlijin kollha noti tal-€500. Ġabuhom paljazzi tagħhom, servi tagħhom, pupazzi tagħhom... Dan apparti li għandna liġijiet tal-ippjanar li qed jaċċertaw illi dan il-pajjiż ser jinħexa qabel iż-żmien. 

Stuprajna pajjiż biex il-partiti ikollhom il-flus, jaqdu lill-kbar u jfottu lil pajjiżna biex jirbħu l-elezzjonijiet. 

Aħjar noqgħod kwiet u lil Michael ngħidlu: Mike, tippruvax tkun bhal Sandro Chetcuti. Ma għandekx l-ardir, il-wiċċ u l-arroganza li tħares lejn dak li jkun u tipprova tikkonvinċih li l-industrija tal-ispekulatur hija mibnija fuq xi att nobbli.

 ***

Darba għasfur qalli: “Kos hux, Joseph Muscat kien jaqdi lin-nies, għamilhom sinjuri, ma rema' lill-ħadd u xorta daru kontrih.” 

Ma fhmitx mill-ewwel, imbgħad ftit wara ntbaħt għal min kien qed jgħid! 

More in Politika