Carmel Cacopardo | Impjant nukleari fi Sqallija?
Minħabba l-emissjonijiet radjo attivi, riżultat tad-diżastru ta’ Fukushima, kellha sseħħ evakwazzjoni sħiħa f’distanza ta’ 200 kilometru mill-impjant nukleari. Għawdex, kif tafu, hu inqas minn 100 kilometru mill-kosta ta’ Sqallija. Daqshekk huma ċari l-konsegwenzi għalina ta’ impjant nukleari mal-kosta ta’ Sqallija!
Matul il-kampanja elettorali riċenti tal-2022 fl-Italja, waqt id-dibattitu politiku reġgħet infetħet id-diskussjoni dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari.
Id-Deputat Prim Ministru fil-Gvern ta’ koalizzjoni Taljan u l-Ministru għall-Infrastruttura u t-Transport, Matteo Salvini emfasizza li fl-isfond tal-kriżi enerġetika kurrenti, l-Italja għandha tikkunsidra mill-ġdid il-politika tagħha dwar l-impjanti nukleari.
Il-votanti Taljani darbtejn esprimew ruħhom b’mod ċar dwar ir-reatturi nukleari fuq art Taljana. L-aħħar darba li għamlu dan kien f’referendum li sar f’Ġunju 2011, ftit wara d-diżastru nukleari li seħħ f’Fukushima l-Ġappun f’Marzu 2011. Dakinhar 94% ta’ dawk li ivvutaw, għażlu projbizzjoni totali tal-kostruzzjoni ta’ impjanti nukleari fl-Italja.
Il-kriżi kurrenti tal-enerġija qed isservi ta’ pressjoni fuq kulħadd biex jinstabu sorsi alternattivi ta’ enerġija bi prezz li nifilħuħ. L-enerġija nukleari hemm marbuta magħha spejjeż moħbija li rari ħafna jiġu ikkunsidrati, kull meta l-materja tkun soġġett ta’ dibattitu politiku: l-iskart nukleari ġġenerat kif ukoll ir-riskji inerenti, marbuta ma’ ħsara jew funzjonament ħażin tal-impjanti nukleari. L-impatt tal-inċidenti nukleari fi Three Mile Island (Pennsylvania Stati Uniti – 28 ta’ Marzu 1979), Chernobyl (Ukrajina – 26 t’April 1986) u Fukushima (Ġappun – 11 ta’ Marzu 2011) huma xhieda biżżejjed tal-konsegwenzi li nistgħu naffaċċjaw meta tiġi ikkunsidrata l-għażla ta’ enerġija nukleari.
Il-mod kif niddisponu mill-iskart nukleari hu suġġett għal dibattitu kontinwu fuq livell globali. L-ispiża biex dan isir hi waħda sostanzjali u dan b’referenza kemm għall-ispiża ambjentali kif ukoll għal dik finanzjarja. Fil-passat riċenti, viċin tagħna, l- eko-mafja remiet kull xorta ta’ skart inkluż skart nukleari fil-Baħar Mediterranean. Dan għamlitu fi 42 vapur differenti kollha mgħarrqa f’partijiet differenti tal-Mediterran. Il-kaz speċifiku tal-vapur Kunsky mgħarraq ftit il-barra mill-kosta tal-Kalabrija, kien ġie żvelat mill-pentiti tal- 'Ndrangheta/Camorra, Francesco Fonti u Carmine Schiavone snin ilu, fix-xhieda tagħhom lill-awtoritajiet Taljani.
Bosta mir-riskji tekniċi tal-impjanti nukleari llum il-ġurnata kważi nstab tarf tagħhom u dan minħabba l-avvanżi kontinwi fit-teknoloġija. Hemm iżda eċċezzjoni waħda! Kif ġie żvelat, bħala riżultat tad-diżastru ta’ Fukushima, il-forzi naturali jibqgħu kontinwament bit-tmun f’idejhom! F’Fukushima, għal darba oħra ġie ikkonfermat li r-riskji marbuta mat-terrimoti mhux la kemm insibu tarf tagħhom! Dan kollu għandu relevanza kbira għad-dibattitu dwar il-kostruzzjoni ta’ impjanti nukleari wara biebna, f’teritorju Taljan.
Fl-2011 l-awtoritajiet Taljani kienu indikaw li s-sit fi Sqallija, li probabbilment jintuża biex fuqu jinbena impjant nukleari, qiegħed mal-kosta tan-nofsinhar jiġifieri ħdejn il-lokalità ta’ Palma di Montechiaro. Dan ikun madwar 100 kilometru fil-Majjistral ta’ Għawdex.
Kif nafu, Sqallija hi zona fejn it-terrimoti huma frekwenti. Apparti t-terrimoti frekwenti “żgħar” li nisimgħu dwarhom u li xi kultant nindunaw bihom matul is-sena, fi Sqallija seħħew tnejn mill-agħar terrimoti li qatt laqtu lill-Ewropa. Fl-1693 terrimot fix-Xlokk ta’ Sqallija kellu qawwa ta’ 7.4 fuq l-iskala Mercalli, filwaqt li f’Messina fl-1908 terrimot ieħor laħaq qawwa ta’ 7.1. Dawn iż-żewġ terrimoti ħolqu ħerba u wasslu għat-telfien ta’ bosta ħajjiet. L-infrastruttura ukoll sofriet danni kbar!
Id-deċiżjoni dwar jekk il-Gvern Taljan jerġax jipprova jmur lejn in-nukleari biex jiġġenera l-elettriku fl-Italja mhux se tittieħed f’data fil-qrib. Iżda, meta jibdew jinġabru l-firem għal referendum fuq is-suġġett ma tantx ikun baqa’ żmien biex ,għal darba’oħra, nqisu sewwa x’nistgħu nagħmlu.
L-interess tagħna l-Maltin għandu jkun dwar x’impatt jista’ jkollu fuqna, dan l-impjant nukleari, jekk jiżviluppa ħsara jew għal xi raġuni jew oħra jibda jaħdem b’mod erratiku.
Tajjeb li nżommu f’moħħna li minħabba l-emissjonijiet radjo attivi, riżultat tad-diżastru ta’ Fukushima, kellha sseħħ evakwazzjoni sħiħa f’distanza ta’ 200 kilometru mill-impjant nukleari. Għawdex, kif tafu, hu inqas minn 100 kilometru mill-kosta ta’ Sqallija. Daqshekk huma ċari l-konsegwenzi għalina ta’ impjant nukleari mal-kosta ta’ Sqallija!