Carmel Cacopardo | Iż-żiemel ta’ Trojja
Il-persuna nominata għandha tkun aċċettabbli għall-Oppożizzjoni kollha u mhux biss għall-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Grupp Parlamentari għandu kull dritt li ma jaqbilx mal-Kap tiegħu kull meta jħoss il-ħtieġa għal dan
Il-mitoloġija Griega tgħallimna ħafna u huwa tajjeb li kultant nagħtu ftit kas. Waħda minn dawn it-tagħlimiet hi dwar ir-rigali. Kultant dawn ikunu rigali finta għax, xi drabi, warajhom jinħbew motivi li xejn ma jkunu sbieħ! Tagħlima partikolari toħroġ fl-Ilijade, ir-rakkont ta’ Omeru dwar il-gwerra ta’ Trojja, rakkuntata ukoll fl-Anejadi, kapulavur tal-poeta Ruman Virgilju.
Virgilju jagħtina l-parir biex noqgħodu attenti mill-Griegi meta dawn, b’ħafna ħlewwa, jiġu joffru r-rigali. L-osservazzjoni ta’ Virgilju hi referenza għaż-żiemel ta’ Trojja, żiemel tal-injam li s-suldati Griegi ħallew barra s-swar tal-Belt assedjata ta’ Trojja.
Kif nafu, moħbija f’dan iż-żiemel/rigal kien hemm suldati armati Griegi li matul il-lejl, meta fi tmiem l-assedju ta’ Trojja iddaħħal fil-belt b’ċelbrazzjoni, issarraf f’ħerba għax minnu ħargu s-suldati armati. Dan hu t-tifsira taż-żiemel ta’ Trojja!
In-nomina ta’ George Hyzler minn Robert Abela, għan-nom tal-Gvern, biex dan ikun membru tal-Qorti Ewropeja tal-Awdituri hu rigal minn dawn. Bħaż-żiemel ta’ Trojja, dan kien rigal li l-Oppożizzjoni kellha toqgħod attentat minnu: kien intenzjonat li jkollu effetti oħra li mal-ewwel daqqa t’għajn ma jidhrux.
Kważi kulħadd jaqbel li George Hyzler ħadem sewwa bħala Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Anke l-Gvern jaqbel! Tant qabel li offrielu promozzjoni: karrotta tad-deheb li kien diffiċli li jirrifjutaha. Hyzler ingħata promozzjoni biex ikun jista’ jitwarrab minn fejn kien u riżultat ta’ hekk ikun hemm xewka inqas tiġri mas-saqajn. Fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda mod ieħor kif tista’ tinterpreta dak li ġara.
In-nomina ta’ Hyzler bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri hi parti mil-logħba ta’ manuvri politiċi ta’ Abela. Ħafna drabi jimmanuvra b’ta’ madwaru. Permezz tan-nomina ta’ Hyzler imma, irnexxielu jpoġġi lill-Oppożizzjoni f’posizzjoni ta’ diffikultà, li Bernard Grech ma rnexxielux jinduna biha minn kmieni u allura ma rnexxielux jevita.
L-Oppożizzjoni messha ġibdet l-attenzjoni ta’ Hyzler li kien mistenni li hu jservi t-terminu kollu li għalih inħatar bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Fiċ-ċirkostanzi politiċi ta’ llum, Hyzler qatt ma messu aċċetta n-nomina bħala membru tal-Qorti Ewropeja tal-Awdituri. L-iskop tan-nomina messu kien ċar anke għal min għadu jibda fil-politika! Sfortunatament donnu li kulħadd induna x’kien qed jiġri, ħlief l-Oppożizzjoni.
Dan hu l-kuntest għad-dibattitu Parlamentari kurrenti dwar l-emendi proposti għal-liġi dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika.
Uffiċjalment l-emendi proposti kellhom l-iskop li jħollu l-problema f’każ li ż-żewġ terzi ma jintlaħqux (anti-deadlock mechanism). Meta ż-żewġ terzi meħtieġa biex jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jintlaħqux f’żewġ votazzjonijiet konsekuttivi, b’ġimgħa bejniethom, hu propost li minn hemm ‘il quddiem tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi biss biex tkun approvata l-ħatra.
L-emendi proposti qed ifittxu li jeliminaw oġġettiv ewlieni tal-liġi eżistenti. Dan hu li, għalkemm il-Kummissarju tal-Istandards fil-Hajja Pubblika hu approvat mill-Parlament, għandu jgawdi ukoll il-fiduċja tal-Oppożizzjoni. (Jeżistu liġijiet oħra li jipprovdu pożizzjoni ċentrali garantita għall-Oppożizzjoni: fost dawn hemm il-Presidenza tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi kif ukoll lir-rwol ta’ Deputat Speaker.)
Li l-persuna nominata tkun persuna ta’ integrità bħalma hu Joe Azzopardi l-Prim Imħallef Emeritu, mhux biżżejjed. Il-fatt li mhux aċċettabbli għall-Oppożizzjoni hu minnu innifsu raġuni suffiċjenti u valida biex ma jkunx addattat għall-ħatra, sakemm hemm raġuni valida għal din l-oppożizzjoni. Ma hemmx ħtieġa li jkun nominat mill-Oppożizzjoni, imma għandu jkun persuna aċċettabbli għaliha.
Il-Gvern qal li Bernard Grech, l-ewwel qabel man-nomina u mbagħad bidel fehmtu. Anke kieku dan kien minnu, dan hu irrelevanti għax il-persuna nominata għandha tkun aċċettabbli għall-Oppożizzjoni kollha u mhux biss għall-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Grupp Parlamentari għandu kull dritt li ma jaqbilx mal-Kap tiegħu kull meta jħoss il-ħtieġa għal dan. F’partiti politiċi demokratiċi, din mhiex xi ħaġa rari li issir.
L-iskop kollu li l-ħatra tikseb l-approvazzjoni taż-żewġ terzi hu li jinħoloq l-iktar kunsens wiesa’ possibli meta jinħatar Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Li titneħħa din il-ħtieġa għall-kunsens iwassal biex ikun imminat il-proċess kollu.
Riżultat tal-ħtieġa ta’ żewġ terzi biex tkun approvata l-ħatra, l-Oppożizzjoni m’għandiex biss is-saħħa li tkun determinanti fid-deċiżjoni, għandha wkoll l-obbligu li taġixxi b’mod responsabbli. Jiġifieri għandha l-obbligu li ġġib ‘il quddiem raġunijiet validi biex issostni l-pożizzjoni tagħha. Anke l-Oppożizzjoni hi soġġetta għall-kontabilità.
Id-dibattitu Parlamentari sadanittant qed idur mal-lewża. Il-Gvern irid jikkontrolla l-proċess kollu waħdu. Dan minkejja li diġà fil-prattika jikkontrolla d-deċiżjoni finali dwar kull investigazzjoni, kemm riżultat tal-maġġoranza Parlamentari kif ukoll in vista tal-kompożizzjoni tal-Kumitat Parlamentari dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Partit Laburista fil-Gvern donnu iddeċieda li m’għadux essenzjali li min jinħatar tkun persuna aċċettabbli għall-Oppożizzjoni Parlamentari. Il-ħtieġa li jkun hemm kunsens qiegħed jitwarrab. Dan jimmina l-integrità tal-proċess kollu li bih huma regolati l-iStandards fil-Ħajja Pubblika. L-Oppożizzjoni, s’issa, għadha ma spjegatx għaliex qed topponi n-nomina tal-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritu Joe Azzopardi. Għandha obbligu politiku li dan tagħmlu.
Kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-PN ħadu pożizzjoni intransiġenti: Jew kif ngħid jien, inkella insa kollox, qed jgħidu. Flimkien qed iżarmaw dak li ħa ħafna żmien biex inbena.
Dan hu li kapaċi tagħtina sistema Parlamentari ta’ żewġ partiti!