Carmel Cacopardo | X’ser inħallu warajna?
B’din ir-rata il-legat li ser inħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri huwa wieħed negattiv ħafna. Inħarsu sal-ponta ta’ mneħirna, mhemmx viżjoni fit-tul. Dan mhux legat li ser jagħmel il-ġid: ser ikun ta’ ħsara kbira għall-ġenerazzjonijiet futuri
Jekk irridu nirreġistraw progress, il-legat li ser inħallu warajna lill-ġenerazzjonijiet futuri jeħtieġ li jkun ħafna aħjar minn dak li ħallewlna dawk li ġew qabilna. It-triq meħtieġa biex nirreġistraw dan il-progress għandha tkun il-mira tal-istrateġija dwar l-iżvilupp sostenibbli li sa nhar il-Ħamis li għadda kienet soġġetta għall-konsultazzjoni pubblika.
Roman Krznaric, fil-ktieb riċenti tiegħu The Good Ancestor jistaqsina mistoqsija diretta: “X’legat ser inħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri? Ser ikunilhom ta’ għajnuna, jew ser ikissirhom?” Hi mistoqsija li neħtieġu nwieġbu għaliha aħna ukoll, kuljum.
Il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli tfittex li tagħti tweġiba sura għal din il-mistoqsija. Jekk titmexxa sewwa, din il-poltika tista’ tagħti libsa xierqa lill-futur u dan bħala riżultat ta’ ħidma responsabbli li issir illum. Dan isir billi nassiguraw li l-ħtiġijiet tagħna illum nissodisfawhom mingħajr ma nikkompromettu l-possibiltà li anke l-ġenerazzjonijiet futuri jkun possibli għalihom li huma ukoll ikunu f’posizzjoni li jissodifaw il-ħtiġijiet tagħhom.
Dan, fi ftit kliem, jiddependi fuq kemm aħna kapaċi nħarsu fit-tul, il-bogħod, f’dinja li kontinwament tikkostrinġina naħsbu u naġixxu f’termini ta’ mil-lum għal għada. Anzi, jgħidulna “għada min raħ?”
Il-Gvernijiet, minkejja l-ħafna paroli tagħhom, ftit li xejn jagħtu importanza lill-iżvilupp sostenibbli propju minħabba li din mhix dwar illum, iżda iktar dwar għada u lil hinn minnu. Hi dwar kif il-ħidma tal-lum ma tkunx ta’ preġudizzju għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-politiku ma jagħtix biżżejjed kaz ta’ dan għax l-interess tiegħu ħafna drabi ma jwassalx iktar minn ħames snin: Jiġifieri kemm hemm żmien bejn elezzjoni u oħra. Jeħtieġ li nippjanaw ħafna iktar fit-tul, fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan il-punt ġie sottolinejat minn Gro Harlem Brundtland li kienet fi żmien Prim Ministru soċjal-demokratiku tan-Norveġja. Dan għamlitu fir-rapport influwenti li ħejjiet fl-1987 għall-Ġnus Magħquda bit-titlu: Our Common Future. F’dan ir-rapport, fost oħrajn, hi emfasizzat li “Naġixxu b’dan il-mod għax naħsbu li nistgħu neħilsuha ħafif: il-ġenerazzjonijiet futuri ma jivvutawx; la għandhom poter politiku u l-anqas poter finanzjarju; mhumiex f’pożizzjoni li jikkontestaw id-deċiżjonijiet tagħna.” (We act as we do because we can get away with it: future generations do not vote; they have no political or financial power; they cannot challenge our decisions.)
Dan kollu joħroġ ċar mill-kuntrast bejn dak li jipproponi (jew li jħalli barra) l-abbozz ta’ strateġija għall-iżvilupp sostenibbli u l-politika attwali u l-ħidma fil-prattika tal-Gvern.
Ħarsu per eżempju lejn il-politika dwar it-trasport.
L-istrateġija proposta titkellem fit-tul dwar viżjoni u oġġettivi biex jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku. Tidentifika mira għall-2030 biex jonqos in-numru ta’ dawk li jsuqu l-karozzi b’41 fil-mija meta dan ikun imqabbel maċ-ċifri tal-1990.
Kliem dan li ħadd ma’ jista’ jemmnu, iktar u iktar meta wieħed iqabblu mal-ħidma f’direzzjoni kompletament opposta li fis-snin passati.
Il-politika tal-Gvern illum tinkoraġixxi l-użu tal-karozzi privati: Hi politika li kontinwament tibgħat sinjali konfliġġenti. Hu sew li l-istrateġija dwar l-iżvilupp sostenibbli tfittex li tkun indirizzata id-dipendenza fuq il-karozzi. F’kuntrast ma’ dan l-oġġettiv il-politika tal-Gvern permezz ta’ investiment massiċċ fl-infrastruttura tat-toroq kif ukoll permezz tas-sussidju tal-petrol/diesel qed twassal messagg kompletament differenti. Messaġġ li ma jħalli l-ebda dubju li l-użu tal-karozzi hu inkoraġġit.
Il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna mhiex il-kawża tal-problemi tagħna. Fil-fatt din hi l-effett tad-dipendenza tagħna fuq il-karozzi. F’dan il-kuntest hu ġustifikat li l-istrateġija timmira lejn tnaqqis sostanzjali fid-dipendenza fuq il-karozzi. Fil-fatt m’għandniex ħtieġa ta’ daqshekk karozzi biex nivvjaġġjaw daqstant distanzi qosra. Anke l-istrateġija l-oħra, dik dwar it-Trasport tfakkarna li nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati huma għal distanzi li jieħdu inqas minn ħmistax-il minuta.
Insibu iktar sinjali kunfliġġenti fl-abbozz tal-istrateġija dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Numru ta’ miri huma spjegati b’mod ċar, bħall-klima, skart, xiri bi kritierji ambjentali, kwalità tal-arja, bijodiversità, tagħlim għall-ħajja, diġitalizzazzzjoni u l-ħtieġa ta’ għajnuna edukattiva lil studenti emigranti, fost oħrajn. Min-naħa l-oħra, per eżempju, ħlief għal xi kummenti ġenerali ftit li xejn hemm direzzjoni dwar materji li jikkonċernaw l-użu tal-art. Riżorsa għalina skarsa u f’diversi ċirkustanzi użata ħażin kontra l-interess pubbliku.
Fid-dawl tal-gimmicks politiċi kurrenti dwar l-ispazji miftuħa jistona n-nuqqas ta’ referenza għall-ħtieġa li nipproteġu l-ispazju miftuħ diġà eżistenti fiż-żoni urbani u l-irħula tagħna. Dan jinkludi ġonna privati, uħud kbar, li huma taħt assedju mill-ispekulaturi li huma daqstant u kontinwament aġevolati.
Ftit li xejn ukoll hemm referenza għall-importanza li tinħadem l-art agrikola u li din tkun difiża mill-assedju li għaddej mill-forzi spekulattivi. X’utilità hemm li tinvesti €700 million fi spazji miftuħa meta fl-istess nifs qed jintilfu spazji miftuħa kbar kontinwament u dan riżultat tal-falliment tal-ippjanar fl-użu tal-art?
B’din ir-rata il-legat li ser inħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri huwa wieħed negattiv ħafna. Inħarsu sal-ponta ta’ mneħirna, mhemmx viżjoni fit-tul. Dan mhux legat li ser jagħmel il-ġid: ser ikun ta’ ħsara kbira għall-ġenerazzjonijiet futuri. Kif qalet Brundtland: dan isir għax il-ġenerazzjonijiet futuri m’għandhomx vot!
B’dawn in-nuqqasijiet is-siwi tal-istrateġija proposta dwar l-iżvilupp sostenibbli hu wieħed limitat. Ikun iktar utli li titfassal mill-ġdid.