Lara Calleja | Is-Satira bħala Arti: Għalfejn qiegħed jiġi inkriminat artist?
Għalfejn allura, fl-istess pajjiż li fl-2015 irriforma l-liġi taċ-ċensura, qegħdin jittieħdu passi kriminali kontra artist satiriku bħal Bonanno?
X’inhi s-satira f’Malta? U x’valur għandha f’soċjetà li tqis ruħha żviluppata u moderna?
Matthew Bonanno, il-fundatur tal-paġna satirika Bis-Serjetà, ser jittella’ l-Qorti Kriminali għall-ksur tal-Artikoli 48 u 49 tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Komunikazzjoni Elettronika. L-akkuża relatata ma ’kumment li kiteb fuq Facebook dwar il-grupp reliġjuż River of Love u l-estremiżmu perikoluż tagħhom fejn qal li l-grupp imissu jibda jopera minn Buġibba u b’carpet bombing waħda fuq Buġibba jissolvew żewġ problemi f’daqqa. Il-kumment kien qiegħed jalludi għal River of Love bħala grupp estremist u għal Buġibba bħala post imkerrah mill-isfreġju u l-bini eċċessiv.
Qabel l-2015, l-artisti Maltin setgħu u kienu fil-fatt jiġu inkriminati abbażi ta’ liġijiet arkajki taċ-ċensura li jċaħħdu l-libertà tal-espressjoni f’kuntest artistiku. Wara ħafna pressjoni, b’mod partkolari mill-grupp Front Kontra ċ-Ċensura, fl-2015 tneħħew il-liġijiet li kienu jobbligaw lill-artisti jużaw lingwaġġ jew rappreżentazzjoni restrittiva mhux biss fl-għażla tal-vokabularju u l-kontenut, iżda anke fejn jidħlu politika u reliġjon. Il-liġi tal-2015 eliminat dawn iċ-ċensuri inkriminanti u teoretikament sar pass ’il quddiem favur il-libertà tal-espressjoni fil-qasam kreattiv.
Minn dakinhar ’l hawn fil-fatt, l-affarijiet inbidlu sew mhux biss fl-oqsma letterarji u teatrali, fejn l-artisti setgħu jiktbu u jesibixxu temi aktar sensittivi u skomdi, imma anke f’oqsma soċjali. Fil-Karnival pereżempju, il-karrijiet setgħu jiċċajtaw fuq karattri politiċi u n-nies setgħu jilbsu kemm ta’ nies mill-politika kif ukoll ta’ karattri reliġjużi. Tal-aħħar kienet ilha ssir fil-beraħ, speċjalment fil-Karnival tan-Nadur dejjem bir-riskju tal-inkriminazzjoni.
Għalfejn allura, fl-istess pajjiż li fl-2015 irriforma l-liġi taċ-ċensura, qegħdin jittieħdu passi kriminali kontra artist satiriku bħal Bonanno? Bonanno rċieva l-appoġġ pubbliku ta’ bosta, fosthom Evarist Bartolo, Alex Vella Gregory u Pawlu Borg Bonaci. Kien hemm oħrajn li stmerrew il-kumment għall-vjolenza li jalludi għaliha f’pajjiż diġà mifni minn biżżejjed vjolenza. Iżda l-iktar mistoqsija pertinenti li nara fil-kuntest ta ’dan il-kjass sħiħ tibqa’: X’inhu l-valur tas-satira f’Malta? Nafu nirrikonoxxu t-tifsira tas-satira, u li s-satira hija forma oħra ta’ espressjoni artistika? Għalfejn il-liġi qiegħda tinkrimina artist satiriku ġaladarba saru emendi fil-liġi taċ-ċensura li jipproteġu l-istess artist?
Ejja nibdew billi ngħidu li s-satira teżisti f’Malta għax kieku pjattaformi bħal Bis-Serjetà ma jeżistux. Imma x’inhi s-satira eżattament? Kummiedja u satira huma l-istess ħaġa? Il-kummiedja tinkorpora kull kategorija u forma ta' ċajt inkluż ċajt popolin, umoriżmu iswed u parodija, u s-satira fil-fatt ħierġa mill-kummiedja. L-elementi speċifiċi tagħha madanakollu jaqtugħha mill-bqija.
Fosthom insibu pereżempju li s-satira hija kritika li tibbaża ruħha fuq temi aktar imtaqqla bħall-politika u temi soċjali ta' natura iktar sensittiva. Permezz tas-satira, jinħoloq spazju sigur fejn l-artisti jesprimu kritika lejn proċessi soċjali differenti. Tip ta’ satira popolari, apparti dik miktuba, hija ta ’stand-up comedy fejn artisti popolari bħal Mae Martin, George Carlin u Ricky Gervais jużaw il-palk biex jgħaddu kummentarju li jesprimi realtajiet skomdi.
Nistgħu ngħidu u nagħrfu wkoll li s-satira tirrikjedi ċertu għarfien bażiku ta' ċertu temi anke sabiex tiġi apprezzata. U li komponent bażiku tas-satira huwa l-element ta’ skumdità li jwassal il-messaġġ jew aħjar iqanqal it-temi li wieħed ikun qiegħed jindirizza bis-satira tiegħu.
Finalment, l-għan tas-satira hija l-kritika politika u soċjali, li ħafna minnha ġejja minn ambitu ta’ sensibbiltà lejn l-inġustizzja soċjali. Fil-kuntest tas-satirist Bonanno, il-kritika kienet indirizzata lejn il-grupp River of Love li hu kkunsidrat grupp estremist reliġjuż li jgħid pubblikament li n-nies omossesswali huma nies żbaljati li jridu jiġu mfejqa. Il-kumment skomdu ta’ Bonanno pponta wkoll lejn is-sitwazzjoni ta' bini eċċessiv u uża lil Buġibba bħala eżempju ċar ta ’dan.
Tajjeb li wieħed jagħraf kif ser japprezza s-satira bħala arti u tajjeb ukoll li s-satira titħares taħt l-istess liġi li tipproteġi lil kull artist f’Malta.
Għin lil Matthew Bonanno jkopri l-ispejjeż legali tiegħu billi żżur is-sit bis-serjeta.com/donat