Opinjoni | L-importanza tal-ħiliet fil-qasam turistku
"Hemm bżonn ħiliet oħra relatati mal-qasam diġitali u sostenibbli, żewġ oqsma li jinsabu fiċ-ċentru tal-politika u liġijiet li qed naħdmu fuqhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea," saħqet Josianne Cutajar
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-attenzjoni fuq il-ħiliet neċessarji qed tkompli tikber. Dan mhux anqas fis-settur turistiku, settur li kien beda jaffaċċja sfidi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema sa minn qabel il-pandemija. Illum xtaqt naqsam propju ftit ħsibijiet fuq din it-tema illi naħdem fuqha b’mod attiv fil-Parlament Ewropew, speċjalment bħala membru f’isem is-Soċjalisti Ewropej fil-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u t-Taskforce għat-Turiżmu fi ħdan l-istess Kumitat.
Ovvjament, biex is-settur ikompli jissaħħaħ u jagħmel il-qabża li jmiss, hemm bżonn mhux biss biżżejjed ħaddiema li jkunu jistgħu jsostnu lis-settur, imma wkoll ħaddiema ta’ kwalità, bil-ħiliet adegwati. Kif se nilħqu dan il-għan b’mod effettiv hi xi ħaġa li bħalissa qed tiġi diskussa kemm fuq livell Ewropew u anke lokalment. Intant, fl-aħħar ġimgħat segwejna l-aħbar li ħaddiema fis-settur, inkluż dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi, ser ikollhom bżonn skills card u korsijiet apposta biex jaħdmu fl-ambitu turistiku. L-għan ta’ din il-miżura huwa li naraw li mhux biss inħarsu biex inżidu l-kwantità tal-ħaddiema, iżda wkoll il-kwalità – aspett essenzjali biex is-settur turistiku u t’ospitalità jibqa’ jikber b’mod sostenibbli.
Fl-aħħar ġimgħat kelli ċ-ċans nattendi diversi konferenzi li jirrigwardjaw l-ivvjaġġar u t-turiżmu, konferenzi li kollha kemm huma messew b’xi mod mal-ħiliet tal-ħaddiema. Propju din il-ġimgħa kont mistiedna nindirizza dibattitu organizzat mill-Hotrec, assoċjazzjoni Ewropea li tirrappreżenta eluf ta’ negozji fis-settur tal-ospitalità minn madwar l-Ewropa. F’dan l-avveniment, fejn iċċelebrajna l-Jum Ewropew tal-Ospitalità, tkellimt dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li għandna quddiemna fis-settur turistiku. Ma naqasx li niddiskutu wkoll l-isfidi fejn tidħol ir-riżorsa umana, hekk kif ċerti lukandi u stabbilimenti oħra qed ikollhom saħansitra jnaqqsu l-operat tagħhom minħabba nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet neċessarji. Sħaqt li rridu nużaw it-teknoloġija b’mod aħjar sabiex nassistu lill-ħaddiema tagħna biex iwettqu ħidmiethom b’aktar effiċjenza, possibbilment b’partijiet mix-xogħol tagħhom isir permezz ta’ sistemi li jinkludu tekonoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali.
Aktar kmieni dan ix-xahar, imbagħad, segwejt diskussjonijiet li saru, u indirizzajt ukoll, il-Mediterranean Tourism Forum li seħħ f’pajjiżna. Hawn xtaqt insemmi xi punti validi li laqtuni mid-diskussjonijiet li pparteċipajt fihom. Punt minnhom hu propju l-importanza li jkun hemm kundizzjonijiet attraenti fis-settur turistiku, aspett li ma jirrelatax biss mal-pagi, iżda wkoll ma ċerta flessibiltà fejn hi bżonjuża u possibbli. Aspett ieħor hu li filwaqt li nirrikonoxxu r-realtà li għandna bżonn ħaddiema anke minn barra l-Unjoni Ewropea biex nindirizzaw id-domanda li hemm f’ċerti industriji bħat-turiżmu, hu importanti wkoll li ninvestu fil-ħaddiema lokali li jistgħu jsaħħu l-kwalità tal-prodott turistiku lokali. Apparti l-importanza li nħarsu l-awtentiċità tal-prodott offrut, hemm bżonn ħiliet oħra relatati mal-qasam diġitali u sostenibbli, żewġ oqsma li jinsabu fiċ-ċentru tal-politika u liġijiet li qed naħdmu fuqhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar nett, ma nistax ma nsemmix l-esperjenza li kelli f’Londra, fejn attendejt l-avveniment rinomat tal-World Travel Market ftit tal-ġimgħat ilu. Hawnhekk, bħala Membru tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ġejt mistiedna sabiex nipparteċipa f’diskussjoni dwar il-konnettività u l-ivvjaġġar, din id-darba fl-ambitu tal-effetti tal-Brexit u t-terminazzjoni konsegwenti tal-moviment ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. F’dan l-avveniment sħaqt li bħala Maltin, li ġejjin mill-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, affaċċjajna diversi sfidi ta’ konnettività għal għonq it-triq, iżda dan ma waqqafniex milli jkollna settur tat-turiżmu b’saħħtu li jospita viżitaturi mill-irkejjen kollha tal-kontinent u lil hinn. Bl-istess mod, ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għandhom jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw l-isfidi ta’ wara l-Brexit, inkluż l-impatt li ġabu għall-industrija tat-turiżmu, kif ukoll għall-ħaddiema u l-intraprendituri fil-qasam li m’għadhomx igawdu mill-moviment ħieles.
Filwaqt li llum qsamt magħkom xi ħidma riċenti li wettaqt fil-qasam tat-turiżmu, flimkien ma’ ftit punti ta’ kif nistgħu negħlbu wħud mill-isfidi illi jeżistu f’dan is-settur, importanti li nżommu f’moħħna li t-turiżmu joffri wkoll diversi opportunitajiet, kemm fuq livell lokali u anke Ewropew. L-impenn tiegħi lejn turiżmu aktar sostenibbli se jkompli għaddej. Se nkompli nisħaq dwar l-importanza li jkun hemm allokazzjoni ta’ fondi fil-baġit tal-UE li tkun dedikata speċifikament għat-turiżmu, xi ħaġa li żgur tgħin bil-kbir lin-negozji żgħar u medji tagħna biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.