Ralph Cassar | Viċin in-nies ... fis-selfies biss

l-frażi ‘viċin in-nies’ hija frażi li filwaqt li mad-daqqa t’għajn jidher li tfisser ħafna, fil-fatt ma tfisser assolutament xejn

Dan l-aħħar laqtuni tliet stejjer li juru li minkejja r-retorika tal-partiti l-oħra li huma viċin in-nies juru li fil-fatt bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti. 

Il-frażi ‘viċin in-nies’ hija frażi li filwaqt li mad-daqqa t’għajn jidher li tfisser ħafna, fil-fatt ma tfisser assolutament xejn. Jew aħjar tista’ tfisser miljun ħaġa differenti, skont min qed jismagħha. Bħall-użu bl-addoċċ tal-kelma ‘poplu’, qisu hawn xi proxxmu jismu ‘l-poplu’. Qisu kulħadd għandu l-istess interessi, l-istess bżonnijiet, l-istess attitudnijiet u l-istess fehma. Meta nisma’ dawn il-frażijiet mitfugħa bl-addoċċ fid-diskors ta’ xi wħud, dlonk niftakar f’Xarabank, fejn l-importanti kienu t-teatrini għall-gallarija, fejn is-superfiċjalità kienet issaltan. 

L-ewwel storja li xxejjen il-ftaħir ta’ ‘aħna viċin in-nies’ hija dik tal-ingombru minn imwejjed u siġġijiet bl-addoċċ fuq il-bankini u fil-pjazez madwar Malta u Għawdex. Relata ma’ hekk, daqt se nerġgħu naraw l-ingombru u litteralment l-okkupazzjoni tal-bajjiet minn umbrelel u siġġijiet. Fejn qed ikun ‘viċi n-nies’ il-Gvern hawn? Viċin l-interessi ta’ min jitħanżer imma. Din it-tema b’wiċċi minn quddiem ngħid li kienet Alternattiva Demokratika, illum ADPD, li ilha taħdem fuqha għal snin twal. Il-prinċipju huwa sempliċi: fi spazji pubbliċi huma n-nies li għandu jkollhom prijorità. L-imblukkar ta’ bankini u toroq sħaħ, mix-Xatt tal-Gżira sa Triq il-Merkanti l-Belt Valletta mhux aċċettabbli. L-imwejjed u s-siġġijiet jista’ jkun hemm spazju għalihom – imma spazju limitat. M’għandhomx jispiċċaw pjattaformi, tined u strutturi tal-metall permanenti. Dak li jintrama fil-ħinijiet tal-ftuħ għandu jiżżarma ħinijiet oħra. M’għandhomx spazju fejn jarmaw? M’għandhomx fejn iżommuhom? Skużi, mela għamlu pjaċir lil kulħadd u tarmaw xejn. Din hija s-soltu problema ta’ awtoritajiet b’nies appuntati politikament, li xogħolhom huwa li jagħmlu l-pjaċiri minflok jiddefendu l-interess pubbliku. Mill-Awtorità tal-Artijiet, tal-Ippjanar, sal-Awtorità tat-Turiżmu. Huma l-Kunsilli Lokali li għandhom jamministraw l-użu tal-art pubblika fil-belt jew raħal tagħhom u mhux l-awtoritajiet qaddejja tal-interessi u l-bażużliżmu tal-ministru. 

It-tieni storja li tinbiegħ li hija wirja ta’ kemm il-Gvern huwa viċin in-nies hija dik tal-flyovers tal-Imsida. Kumbinazzjoni fl-istess post fejn sar housing soċjali dan l-aħħar. Dak huwa r-rigal tal-Gvern taparsi progressiv tagħna lin-nies: aktar traffiku u aktar tniġġis. Għax fil-verità huwa faċilissimu li tnessi t-tniġġis, għax dan ma jidhirx. Ara xi roqgħa dranaġġ fil-baħar, jew f’xi triq, malajr nimlew il-media soċjali bihom: hemm kulħadd professur itella’ xi ritratt. Imma t-trab fin msejjaħ PM10 u agħar minn hekk il-PM2.5 ġej mit-traffiku, dak ma narawhx b’għajnejna u m’għandux riħa imma jagħmel ħsara kbira immens, speċjalment fuq it-tfal u persuni vulnerabbli. Litteralment joqtol. Il-qalba tal-Imsida hija waħda mill-aktar postijiet imniġġsa f’Malta. Minflok  ma jieħu deċiżjoni kuraġġuża u jagħmel il-qalba tal-Imsida ‘low-emission zone’ kif anke ssuġġerew ħafna snin ilu lill-kabinett ta’ Lawrence Gonzi uffiċjali ta’ dik li kienet il-MEPA, dal-Gvern kompla bit-tradizzjoni Nazzjonalista li jkompli jħajjar aktar u aktar traffiku, aktar u aktar tniġġis, bil-konsegwenza ta’ aktar u aktar mard u ħmieġ. 

Jista’ mhux jgħidilna kemm se jkun hemm spazji miftuħa għax huma spazji bejn toroq traffikużi fejn ma’ kull nifs tieħu doża veleni u trab fin li jinfdulek il-pulmuni u jidħlulek fid-demm. Innutaw kif 'spazji miftuħa' tfisser 'dak li jifdal' bejn toroq mimlijin karozzi li jarmu l-exhaust u t-trabijiet fini dritt għal ġol-pulmuni tat-tfal jilagħbu litteralment taħt u maġenb xi arterja ewlenija tat-traffiku. 

Ir-realtà li aktar toroq u flyovers ma jsolvu xejn, imma jżidu t-traffiku u t-tniġġis. Irridu nidraw li l-prijorità jkunu verament in-nies, verament it-trasport pubbliku, u verament li ninċentivaw lil min irid juża mezzi nodfa ta’ trasport. Ħadd minna, la jien u lanqas  int, m’għandna xi dritt sagrosant ngħaddu minn fejn irridu. Din hija l-verità li jibżgħu jgħidulek, imma tibqa’ l-verità! Hemm soluzzjonijiet, bħal pereżempju sistema ta’ tramm li tgħaqqad Birkirkara minn ġol-qalba tal-Imsida mal-Belt u l-Gżira, San Ġiljan u Tas-Sliema. Imma dan ifisser tagħlaq ċerti toroq jew partijiet minnhom għall-karozzi. U l-Ministru Bonett, bħan-Nazzjonalisti u sħabu l-Laburisti ta’ qablu, la għandu l-viżjoni u wisq inqas is-sinsla jagħmel hekk. Fl-aħħar, mill-aħħar iddur kif iddur, it-tnejn huma l-istess f’dawn l-affarijiet. M’hemmx x’tagħżel bejniethom! Għalihom li tkun ‘viċin in-nies’ tfisser parkeġġ bl-addoċċ, toroq u spazji miftuħa finta mimlija exhaust, u social housing fl-aktar żona mniġġsa ta’ Malta. 

It-tielet storja ilha ġejja s-snin. L-istess, turi li l-PL u l-PN huma l-qaddejja tal-interessi b’saħħithom aktar milli ‘viċin in-nies’. Din hija storja ta’ serq tal-kosta. Anke hawn kienu kollegi tiegħi li fis-snin disgħin ġibdu l-attenzjoni dwar is-serq tal-kosta u l-bini ta’ lidos illegali, kemm taħt il-Labour, u sussegwentement bil-barka tan-Nazzjonalisti, minkejja l-wegħda daħqa fil-wiċċ tagħhom fl-1987 li ‘Malta terġa’ twarrad bis-sbuħija’. Skont rapport f’The Shift fit-8 ta’ April jidher li l-Gvern se jippreżenta riżoluzzjoni parlamentari biex jirregolarizza s-serq tal-kosta fil-Qawra mill-kumpaniji ta’ Anglu Xuereb. Dak li kkapparra għal sebgħa u tletin sena sħaħ, huwa rrappurtat li se jingħatalu jekk iħallas multa ta’ €2 miljun bin-nifs fuq għaxar snin. Tajjeb ukoll! Kollox maħfur, l-aqwa li tħallas xi ħaġa hux. Anglu Xuereb gawda kemm fi żmien Lorry Sant, tħalla jgawdi mill-illegalitajiet tiegħu fi żmien Fenech Adami u Gonzi, u kompla taħt Joseph Muscat u Robert Abela. Xi ħlew hux? Kollha viċin in-nies dawn ovvjament. 

Hemm diversi eżempji oħra li jġibu fix-xejn id-dikjarazzjonijiet ta’ ‘viċin in-nies’, mill-għoti ta’ miljuni ta’ metri kwadri ta’ art għall-bini fl-2006 mill-PN, mill-bdil fir-regoli tal-ippjanar biex isir bini aktar intensiv u jiftaħ it-toqob għal bini kullimkien mil-Labour, sal-għoti tal-Gżira ta’ Manoel għall-iżvilupp u l-korruzzjoni lampanti tal-akkolti ta’ Joseph Muscat f’Kastilja. Viċin in-nies spiċċat tfisser selfies mal-vari, pożi mal-pavaljuni, ritratt mal-murtali u tiekol xi pastizz jew frawla ovvjament dejjem quddiem xi kamera tar-ritratti. 

 

 

More in Politika