Ivan Bartolo | Nagħtu bla ma nistennew xejn lura
'Wasalli f’widnejja għal aktar minn darba kumment, li xi ħadd jipprova jxerred dwari u t-tim tiegħi, li meta ngħinu lil dawk fil-bżonn bl-ikel, inkunu qegħdin nagħmluha għall-voti... Gidba'
Għaliex il-faqar? Veru li l-faqar iġibuh b’idejhom? X’sura fih il-faqar fid-dinja llum? Iżjed ma tkun ċara l-idea ta’ faqar, aktar tkun effettiva t-tfittxija tagħna biex nagħrfu l-foqra u eventwalment ngħinuhom. Ngħinuhom mhux bl-ikel u b’mezzi oħra, imma ngħinuhom jaqbdu l-qasba biex fl-aħħar mill-aħħar jibdew jistadu biha. Dik hi l-viżjoni tagħna; viżjoni li mmissu l-qalb tal-foqra, tant li huma jifhmu li ħaddieħor qed jagħmel minn kollox għalihom bla ma jistenna xejn lura.
Li tagħti bla ma tistenna xejn lura huwa virtù li mhux li kien ilkoll kemm aħna nsegwu. Inzertajt fid-dinja tal-politika. Li tkun politiku full time, jew aħjar li l-politika tagħmilha kelma, mhux dejjem tinżel tajjeb ma’ xi wħud.
Wasalli f’widnejja għal aktar minn darba kumment, li xi ħadd jipprova jxerred dwari u t-tim tiegħi, li meta ngħinu lil dawk fil-bżonn bl-ikel, inkunu qegħdin nagħmluha għall-voti. Persuna tkompli żżid u tgħid li ngħinu biss lin-nies tad-distrett. Gidba. Allaħares qatt naslu nirreduċu l-politika u l-għajnuna f’dan il-livell. Il-biċċa l-kbira tal-bnedmin u l-familji li jiġu jiġbru xirja huma kollha kemm huma barra d-distrett. Dejjem nisħaq mal-key workers li kull persuna li tkun quddiemna tfisser dinja, u ara ma jfettlilniex nikkummentaw fuq xi persuni li għandhom opinjoni differenti minn tagħna. Nagħtu bla ma nistennew xejn lura. Imbagħad il-ferħ li wieħed jirċievi jiġi waħdu awtomatikament. Imma l-għira ġġagħlek tagħmel kollox. Nismagħhom jgħidu li l-għira hija oħt il-ġenn.
Quddiem kull każ li niltaqgħu miegħu, nippruvaw niċċaraw is-suriet tal-faqar li persuna u l-familja tiegħu jew tagħha jkunu għaddejjin minnhom biex nagħrfu l-kejl vera tas-sitwazzjoni tagħhom. Nidentifikaw fejn nistgħu ngħinu u mmiddu jdejna, f’każ li nkunu nistgħu ngħinu. Dak li ma jkunx ta’ jdejna, nirreferuh għand professjonisti biex flimkien nimxu ’l quddiem u naqbżu l-ostakli, meta jirnexxilna. Mhux dejjem faċli.
Meta ngħidu faqar assolut – u minn dawn il-każijiet niltaqgħu magħhom spiss – qed nirreferu għal dawk il-bnedmin li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ riżorsi aċċessibbli, f’xi waqtiet sitwazzjonijiet serji li l-istess ħajja tagħhom tkun tinsab fil-periklu. Faqar assolut jintuża wkoll biex juri kundizzjonijiet ta’ ħajja li ftit li xejn huma aċċettabbli. Dawn jinkludu nuqqas ta’ ikel, djar, ilbies, saħħa u iġjene fost affarijiet oħra.
Imbagħad niltaqgħu wkoll ma’ bnedmin li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ faqar relattiv. Dan it-tip ta’ faqar jixhed sitwazzjoni differenti. Hawnhekk is-sitwazzjoni ma titqiesx fuq il-mertu oġġettiv tagħha nfisha, imma fuq l-isfond tar-riżorsi aċċessibbli f’ambjent soċjali partikolari. Bil-maqlub tal-faqar assolut, il-faqar relattiv jagħti kas tal-konsiderazzjoni l-iżjed importanti tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Dan it-tip ta’ faqar mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà konkreta. L-inugwaljanza tħaddan lis-soċjetà kollha, filwaqt li l-faqar jgħodd biss għal dawk il-membri tas-soċjetà li huma inqas indaqs. Faqar assolut iseħħ meta bnedmin isibu rwieħhom f’kundizzjonijiet ekonomiċi koroh. Faqar relattiv iseħħ meta bnedmin isibu li m’għandhomx ir-riżorsi meqjusa bħala essenzjali fosthom is-saħħa, is-servizzi soċjali u l-edukazzjoni.
L-edukazzjoni hi waħda miċ-ċwievet biex tinqala’ mill-faqar. Hawn min għandu ħitan ogħla u jaqta’ qalbu biex jaqbiżhom. Bniedem illitterat ibati ferm aktar u hemm aktar diffikultajiet biex jinqala’ mill-faqar. Mhux qed ngħid li bilfors irid ikollok xi O jew A Level biex toħroġ mill-faqar. Hemm min ma jafx jaqra u jikteb imma dak li jaraw għajnejh, jagħmluh idejh. Hawn min ma jafx jaqra u jikteb, imma mbagħad hawn min għandu sengħa. Fl-opinjoni tiegħi bniedem jista’ jaspira li joħroġ minn ambjent ta’ faqar basta jingħata l-għajnuna u jkun hemm ir-rieda min-naħa tiegħu. Sa minn meta l-edukazzjoni saret aċċessibbli u obbligatorja għal kulħadd, il-qasma bejn il-klassijiet majnat. Niftakar żmien ikreh fejn biex tidħol l-Università kienet bil-famużi punti. Anki niftakar ċar id-distakk bejn min imur skola tal-Gvern u min imur skola tal-Knisja jew privata. Avolja llum fadal bejn dawk li jifilħu jħallsu u oħrajn le, madanakollu iben il-ħaddiem jista’ jasal għal dak li joħlom bih.
Id-dħul finanzjarju, is-saħħa, il-housing, u r-relazzjonijiet u l-edukazzjonijiet għandhom impatt qawwi fuq il-kwalità tal-ħajja. Xi wħud iġorru aktar minn oħrajn piż doppju. Hemm min iġorr waħdu l-piż tal-ġenituri tiegħu.
Xtaqt nagħlaq din l-opinjoni b’forma oħra li ftit inqisuha bħala parti mill-faqar. Qed nirreferi għas-solitudni, għall-abbandun. Hemm diversi modi ta’ abbandun. Anki jekk tkun sod fil-prinċipju u tkun kapaċi tittollera kalunji, persekuzzjoni, u l-għira tal-ħajja ta’ kuljum, aħna bnedmin tad-demm u l-laħam u nweġġgħu, u mhux ta’ b’xejn ikun hemm min jagħlaq ix-shutter. Nies tossiċi ssibhom kullimkien, u għalhekk trid tkun int u int biss li ma tissakkarx f’ħabs u tinqata’ mill-bqija, waħdek, minsi, għall-kapriċċ t’oħrajn. Jekk tkun għaddej minnha, mhux faċli tifhem dal-kliem straordinarju. Lanqas jien li qed niktbu, mhux dejjem nagħrfu. Imma aħna qed ngħixu f’dinja makabra, fejn il-flus u l-poter saru l-allat tagħna. Addijo l-prinċipju tas-solidarjetà, tal-imħabba u l-għajnuna lil dawk fil-bżonn. Madanakollu ibqa’ għamel il-ġid, bla ma tistenna xejn lura. Ftakar ftit, li min jagħti jirċievi ferm iktar grazzji li mhux dejjem faċli tispjegahom.
U jekk tagħraf min qiegħed fl-abbandun, telefonata, tbissima, attenzjoni ... ma jiswewx flus!