Editorjal | Nifhmu r-riżultat minn qabel
Daqskemm jista’ jkun hemm nies diżgustati bl-eks Prim Ministru Joseph Muscat, daqstant ieħor jista’ jkun hemm nies irrabjati għax mingħalihom qed jaqbdu ma’ Muscat, b’mod speċjali, minħabba l-mod kif saru l-affarijiet
L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024 għandhom sinifikat għall-partiti politiċi Maltin. Sinifikat għax bir-riżultat miksub il-partiti se jgħajtu fil-pubbliku vittorja jew telfa. Jew aħjar il-partiti se jaraw x’se jgħidu n-nies u l-media.
Is-sondaġġi lokali qed jagħtu indikazzjoni li l-Labour, għalkemm rebbieħ, se jitlef ir-raba’ siġġu. Dan żgur se jwassal biex il-PN jiddikjara vittorja wara li jkun reġa’ akkwista t-tielet siġġu. U jidher ukoll li l-Labour se jirbaħ bejn 20,000 u 25,000 vot.
Din huwa r-ritratt tal-mument. Kollox jista’ jinbidel. Jinbidel fis-sens li l-affarijiet li qed jiġru madwarna relatati mal-inkjesta Vitals jistgħu jwasslu biex l-opinjoni pubblika tinbidel. Imma mhux kif qed nimmaġinaw.
Għax daqskemm jista’ jkun hemm nies diżgustati bl-eks Prim Ministru Joseph Muscat, daqstant ieħor jista’ jkun hemm nies irrabjati għax mingħalihom qed jaqbdu ma’ Muscat, b’mod speċjali, minħabba l-mod kif saru l-affarijiet.
Kulħadd għalhekk se jinterpreta r-riżultat kif jidhirlu hu.
Li huwa ċert hu li jekk il-Labour jirbaħ b’aktar minn 25,000 vot, ikun wasal biex iwaqqaf l-emoraġija. Ma jfissirx li m’għandux jirrispondi għar-riżultat, anzi jrid ikun umli u jara x’inhuma r-raġunijiet għaliex l-elettorat qed jirrispondi b’dan il-mod.
Aħna nistgħu nniżżlu lista ta’ x’naħsbu huma r-raġunijiet minn issa għax il-messaġġ hemm barra huwa ċar.
-
Il-korruzzjoni u r-regħba ta’ min kien ta l-impressjoni li huwa xi gladjatur tas-sewwa;
-
il-problemi rikorrenti: bħat-traffiku, l-ambjent u l-kostruzzjoni;
-
il-fatt li n-nies jiġu trattati ta’ bċieċen u bla moħħ;
-
il-barranin.
Dawn huma ftit mill-affarijiet li n-nies qed juru tħassib għalihom.
Dawn biss huma biżżejjed biex il-Partit Laburista jieħu daqqa ta’ ħarta fl-elezzjonijiet.
Imma jidher li dan mhux il-każ, u għalhekk irridu nistennew aktar biex naraw jekk il-PN hux se jagħmel gwadann elettorali.
Jekk le, mela verament hemm raġuni li jkun hemm tħassib serju dwar it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Jekk min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista jagħmel gwadann elettorali, mela verament ikollu raġun Grech jiddikjara vittorja.
Min-naħa l-oħra, b’rebħa pirika Grech jibqa’ żgur fit-tmun tal-PN, Roberta Metsola tkompli bix-xogħol tagħha Brussell, u Abela jiġi assigurat b’rebħa oħra fl-elezzjonijiet nazzjonali ... li jista’ jkun li jsiru qabel iż-żmien jekk titkompla din l-arja ta’ inċertezza dovuta mill-eżitu tal-inkjesti.