Rachelle Deguara | L-arti meta?
"Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ spazju fejn il-bands jinġabru u jdoqqu, kemm biex joħolqu kontenut ġdid, kif ukoll biex jipprattikaw, għandha tingħata importanza"
L-artisti huma l-qafas tas-soċjetà. Soċjetà mingħajr espressjoni artistika hi soċjetà oppressa mingħajr libertajiet, b’ħafna problemi sistematiċi li frott tagħhom l-espressjoni hi limitata. Meta għandek ħafna gruppi ta’ nies li qed jingħaqdu flimkien biex joħolqu l-mużika, lil hinn mill-għan u l-intenzjoni, hu sinjal li n-nies qed jipprijoritizzaw ħinhom għar-rikreazzjoni. Dan għandu jingħata attenzjoni u dak li l-artist joħloq jgħid ħafna fuq żmienna u l-mod kif il-kuntest kien qed jiżvolġi.
Meta nħarsu lura u naraw minn ġie qabilna, nafuhom b’dak li ħolqu u dak li ħallew warajhom, li hi l-arti li ħolqu f’dak iż-żmien.
Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ spazju fejn il-bands jinġabru u jdoqqu, kemm biex joħolqu kontenut ġdid, kif ukoll biex jipprattikaw, għandha tingħata importanza. Dan hu settur kulturali f’pajjiżna li l-istat għandu jkun kburi li jikkontribwixxi bl-għajnuna lejh għax dak li dawn l-artisti qed joħolqu hu wirt kulturali li, minkejja alternattiv, hu wieħed validu daqstant. Sistema siewja tkun ta’ private-public partnership bejn sidien ta’ garaxxijiet li jinsabu vakanti f’Malta, preferibbilment semi-basement jew basement fejn dawn jinkrew mill-Gvern mingħand il-privat u l-Gvern f’sistema ta’ immaniġġjar jista’ jagħmel roster ta’ tlieta sa ħames bands, dipendenti kemm ikun kbir il-garaxx biex jinkrew lilhom fuq miżata ssussidjata.
Hemm ħafna possibbiltajiet kif nistgħu noħolqu hubs kulturali. F’dan il-każ, bil-garaxxijiet ta’ Birkirkara u dawk li hemm il-Marsa, dan il-hub inħoloq b’mod organiku. Il-Gvern seta’ jixtri l-garaxxijiet hu u bir-renta sussidjata li jiġbor jieħu ħsieb il-manutenzjoni. Kien possibbli wkoll li tinfetaħ entrapriza żgħira li ssostni l-bars u xi snacks għall-artisti u l-entrapriża tkun responsabbli tal-manutenzjoni. Din opportunità mitlufa li kellha ħafna potenzjal għall-qasam artistiku Malti.
Alternattiva li tista’ tkun ta’ ġid hi li l-każini jilqgħu ġo darhom bands alternattivi. Din tista’ tkun skema fejn issaħħaħ il-każini għax tiġbed lejhom nies li jistgħu jikkontribwixxu b’mod kokreattiv għall-ispazji, l-aġenda u l-futur tal-każini nfushom. L-introduzzjoni ta’ din l-iskema importanti sseħħ b’intenzjoni u ħsieb fejn l-ebda parti ma tħossha miċħuda, misruqa jew esplojtata mir-riżorsi tagħhom. Importanti li jintlaħaq ftehim mill-partijiet kollha biex din il-kollaborazzjoni tkun suċċess.
Ta’ kull sena naraw jintefqu tant flejjes għall-mużika kummerċjali bħall-Eurovision, u issa dan l-aħħar bl-ispazju ta’ Ta’ Qali għal talenti internazzjonali biex ikollhom spazju fejn idoqqu f’pajjiżna. L-ADPD jirrikonoxxi l-irwol ta’ artisti li mhux mainstream u l-bżonn li huma jkunu ssapportjati, u la nkunu fil-Parlament ħa nirsistu biex il-bżonnijiet tagħhom ikunu ta’ prijorità għaliex dak li huma joħolqu ma nistgħu qatt noħduh for granted.
Fl-2019 il-Ħodor fl-Ewropa diġà kienu tkellmu fuq il-kunċett tad-Dħul Bażiku Universali (Universal Basic Income). Jien, li jien artista u ħdimt ma’ diversi artisti differenti fil-kapaċità ta’ manager kulturali, naf kemm xogħol l-artist hu fundamentali għaċ-ċittadini għax jgħinna nieqfu u forsi nirriflettu. U jekk iċaqlaqna jew jintrigana biżżejjed, ix-xogħol jinstigana biex naqbdu konverżazzjoni fuq affarijiet li huma importanti għalina u għall-benessri ta’ ħajjitna.
Hekk kif l-inugwaljanzi soċjali madwar l-Ewropa qed jiżdiedu, huma meħtieġa b’mod urġenti forom ġodda ta’ sigurtà soċjali u solidarjetà. Il-Universal Basic Income jassigura li l-artisti jkunu jistgħu jqattgħu l-kapaċità mentali tagħhom joħolqu u mhux jinkwetaw kif ħa jlaħħqu mal-ħajja.
Fl-Irlanda, għal aktar minn sena, 2,000 ħaddiem tal-arti f’oqsma li jinkludu l-arti viżiva, it-teatru, il-letteratura, il-mużika, iż-żfin, l-opra, il-films, l-arti taċ-ċirku u l-arkitettura, ilhom jirċievu ħlas ekwivalenti għal €325 fil-ġimgħa taħt id-Dħul Bażiku Universali għall-Arti, skema pilota ta’ tliet snin.
Bħala artista li l-ħin kollu nikkollabora ma’ artisti differenti u bħala persuna li kont nikri u nissellef garaxx f’Ta’ Rampol – fejn għandi ħafna memorji sbieħ li nixtieq nibqa’ nġeddidhom tul ħajti ma’ komunità qalbiena, bieżla u b’talent – nisħaq l-importanza li l-Gvern għandu jieqaf jibni kastelli fl-arja lill-artisti u jissuġġerixxi proposti ta’ soluzzjoni. Inkun iktar minn kuntenta jekk jissellef dak li qed nipproponi jien f’dan l-artiklu, l-aqwa li l-ġid mużikali jibqa’ jinħoloq għax dan hu ġid komuni li ħafna drabi jkun offrut għalina b’xejn online jew f’xi gig u għandna nagħmlu minn kollox biex nissapportjaw artisti ħajjin li qed joħolqu madwarna mill-kuntest li qed ngħixu fih.