
Editorjal | Il-każ tad-daħla tal-Belt
'Ġibna l-Belt suq kbir qisu maqjel. U minkejja l-karba tar-residenti u l-ġenwinità tan-negozji, ma ġara xejn. Anzi l-kontra!'

Il-każ jew l-avveniment tal-fiera tal-kumpanija ROCS fi Pjazza Tritoni fid-daħla tal-Belt Valletta hija mera fuq problema ferm akbar. Marda ta’ attitudni li sakemm hemm iċ-ċans li ndawru lira mela m’hemmx għalfejn ninkwetaw.
Li xi ħadd jagħti permess għal fiera fid-daħla tal-Belt kapitali hija deċiżjoni amministrattiva mnebbħa minn nuqqas totali ta’ rispett lejn l-importanza kulturali tad-daħla tal-Belt u tal-Belt kapitali. Ġejja minn proċess ta’ ħsieb mill-kunsilli lokali tal-Belt, il-Gvern Ċentrali u d-Dipartiment tal-Lands.
Li fid-daħla tal-Belt ikun hemm attività kulturali u/jew inkella attivitajiet bħal tal-Milied għall-gwadann ta’ kulħadd hija ħaġa, iżda li għal kważi ġimagħtejn id-daħla tal-Belt tinbidel f’ċentru kummerċjali hija verament tal-mistħija.
Bħalma hi tal-mistħija li l-Belt Valletta taħt is-Sindku ta’ qabel, Alfred Zammit, rat trasformazzjoni fejn it-toroq tal-belt ġew meħuda b’mod legali u b’mod abbużiv minn numru mdaqqas ta’ barijiet u ristoranti.
Ġibna l-Belt suq kbir qisu maqjel. U minkejja l-karba tar-residenti u l-ġenwinità tan-negozji, ma ġara xejn. Anzi l-kontra! Rajna l-politiċi tagħna jkunu minn tal-ewwel li jattendu dawn l-attivitajiet.
Ir-realtà hija li l-avveniment tar-ROCS huwa biss togħma żgħira tal-attitudni politika dominata minn perspettiva u politika konsumerista fejn l-ikbar interess tal-komunità huwa mwarrab u minsi. Politika neo-Liberali mibnija fuq l-egoiżmu.
’Il bogħod ħafna mid-diskors sabiħ li jgħid li - ‘għandna bżonn nisimgħu u nkunu aktar konxji mill-interessi tal-komunità.’
Jekk verament irridu nuru li qed ninbidlu, irridu nuru dan bil-fatti. Mhux bid-diskorsi sbieħ. Hemm wisq paroli fil-vojt u dan jgħodd ukoll għal meta niġu għall-Awtorità tal-Ippjanar li hija mmexxija minn politika favur żvilupp sfrenat u magħġuna biex taqdi lid-dinja tal-kostruzzjoni BISS.
Huwa ċar li l-Gvern huwa mmexxi mil-lobby tan-negozju u li jfisser li ħafna drabi l-Gvern ipoġġi l-interess komuni wara kollox. Għajb għall-Gvern li jiftaħar li huwa Laburista jew Soċjalista, li suppost l-ewwel interess tiegħu huma n-nies, il-familji, l-komunitajiet u l-ġid komuni.