Editorjal | Issa jmiss li naraw azzjoni u mhux kliem
Pajjiżna spiċċa bi klassi politika li tiddependi fuq il-klassi tan-negozju li bħalma nafu żżoqq lill-politiċi u li tgħidilhom x’jagħmlu. L-agħar forma ta’ politika hija dik xprunata minn interessi kbar li huma ’l bogħod ħafna mill-interessi tal-komunità
Wara d-dikjarazzjonijiet solenni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-Gvern irid ikun aktar sensittiv għal dak li qed jaħsbu l-Maltin u l-Għawdxin, komplejna nassistu għall-istess stil ta’ deċiżjonijiet li jkomplu jirrabjaw lin-nies.
Kien hemm tnejn din il-ġimgħa; waħda l-pjanijiet għal Birżebbuġa, fejn rajna proposta massiċċa ta’ bini li ċertament ħalla n-nies ta’ dawn l-inħawi mdejqin u inkwetati. Imbagħad rajna applikazzjoni ġdida li ġiet aċċettata mill-awtoritajiet rilevanti biex ikun hemm żvilupp ukoll massiċċ fl-inħawi tal-Mistra. Dan l-iżvilupp se jwassal, mhux biss biex ikun hemm impatt viżiv negattiv, iżda wkoll pressjoni żejda bit-traffiku u anki fuq servizzi oħra.
Pajjiżna spiċċa bi klassi politika li tiddependi fuq il-klassi tan-negozju li bħalma nafu żżoqq lill-politiċi u li tgħidilhom x’jagħmlu. L-agħar forma ta’ politika hija dik xprunata minn interessi kbar li huma ’l bogħod ħafna mill-interessi tal-komunità.
Wara l-elezzjoni għad-deputati għall-Parlament Ewropew kien hemm messaġġi ċari mill-elettorat:
-
1. fuq l-atteġġjament tal-Gvern fil-konfront tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat;
-
2. dwar il-politika ambjentali li tinjora l-ġid komuni;
-
3. dwar il-popolazzjoni enormi li qed tikber u qed toħnoq il-ħajja normali ta’ ħafna nies u toħloq klawstrofobija bla limitu;
-
4. dwar il-futur tat-tfal tagħna.
Madanakollu, fost affarijiet oħra, huwa ċar li n-nies qed jitkarrbu biex ikun hemm sinjali ċari li l-Gvern se jbiddel ir-rotta. Sinjali li jindikaw serjetà, kif ukoll determinazzjoni biex isiru tibdiliet.
Dalwaqt ikun għadda xahar mill-elezzjoni u m’hemmx sinjali ċari jew rieda tajba biex jinbidlu l-affarijiet.
M’hemmx sinjal li se tittieħed azzjoni serja u kuraġġuża.
M’hemmx sinjali ċari li se jkun hemm deċiżjoni fuq capping ta’ lukandi, ta’ permessi ta’ xogħol għal min jaħdem Malta, fuq tibdil fil-local plans, fuq tnaqqis fil-permessi għal żvilupp vertikali u inizjattivi biex ikun hawn aktar spazji miftuħa.
Dan il-pajjiż mifni minn żvilupp ikrah u bla rażan. U huma l-politiċi li jaħtu ta’ dan kollu, u huma l-politiċi li jistgħu jbiddlu dan kollu u jagħmlu pajjiżna aħjar.