Editorjal | It-tagħlima li nistgħu nieħdu mill-Ingilterra
Bernard Grech għandu għalfejn ikun ottimist. Jaf li mhuwiex l-iktar persuna kariżmatika u kkulurita, imma konvint li b’perseveranza kapaċi jwassal il-barkun
L-eżitu tal-elezzjoni fl-Ingilterra hi interessanti. Tikkonferma li fl-elezzjonijiet partit jispiċċa jiggverna mhux għax jirbaħ iżda għax partit ieħor jitlef. Intant, Keir Starmer, il-mexxej tal-Partit Laburista, ġab inqas voti milli kien ġab Jeremy Corbyn (li m’għadux fuq il-lista tal-Partit Laburista Ingliż) fl-elezzjoni ta’ qabel.
Li ġara hu li l-Partit Konservattiv ta’ Rishni Sunak tilef il-voti għall-partit ta’ Nigel Farage. L-Ingilterra għandha sistema arkajka elettorali tal-first past the post. Dak li ġara l-Ingilterra kien qed jiġi nnutat Malta – b’mod speċjali miż-żewġ partiti ewlenin.
Starmer m’għandux xi viżjoni politika impressjonanti, anzi hawn min jgħid li m’għandux idea. Imma kien kapaċi jżomm il-Partit Laburista Ingliż
unit u jarmah bi wċuħ ġodda. L-elettorat Ingliż kien ilu li xeba’ mill-Partit konservattiv minkejja r-rebħa kbira ta’ Boris Johnson fl-elezzjoni ta’ qabel.
Fast forward u napplikaw dak li ġara l-Ingilterra għal Malta. M’għandux għalfejn jaħseb il-Partit Laburista fil-gvern li jista’ jiġrilu l-istess. In-nies bagħtu messaġġ b’saħħtu u jidher ċar li huma mdejqin bil-Partit Laburista u bl-arroganza
u l-ħmieġ ta’ min kien imexxi l-PL. Qed ngħidu għal Joseph Muscat.
Min għadu jaħseb li l-problema Muscat mhix ir-raġuni ewlenija għalfejn lelettorat qed jinnega l-Partit Laburista għandu verament japprezza l-ħsara li għamel Muscat biex ifarrak dak kollu li bena.
Bernard Grech għandu għalfejn ikun ottimist. Jaf li mhuwiex l-iktar persuna kariżmatika u kkulurita, imma konvint li b’perseveranza kapaċi jwassal il-barkun. Ċertament hemm bżonn li l-PN ukoll jibgħat is-sinjali li kapaċi jmexxi u li għandu n-nies li huma tal-kalibru biex ikunu parti minn kabinett.
Xejn mhu impossibbli. Jekk Robert Abela jrid ikompli jiggverna, irid jibgħat messaġġi ċari ta’ rinnovazzjoni. U Grech min-naħa tiegħu jrid juri aktar determinazzjoni fil-mod kif iwassal il-messaġġ politiku tiegħu.