John Baldacchino | Lil hinn mit-tkabbir
'L-establishment politiku Malti, kif inhu magħmul mill-PN u l-PN, ma waqafx jitqatel minn ġewwa. Kuljum nistennew xi ħaġa oħra li tinkixef minn hawn jew minn hemm'
Meta nitkellmu dwar il-politika, kliem bħal “ġdid” jew “frisk” u s-soltu kantalieni fuq il-midja soċjali, hu irritanti. Madankollu meta smajt l-intervista li Matthew Borg u Wayne Flask, fundaturi tal-grupp Il-Kollettiv, kellhom mat-Times of Malta, fl-1 ta’ Lulju, istintivament ħassejt li qed nisma’ ton differenti f’dak li kienu qed jgħidu.
Barra t-tribujiet
Id-diskussjoni ma’ Borg u Flask laqtitni ħafna b’kif ħadet bixra pjuttost differenti minn dak li drajna nisimgħu sew mill-partiti l-kbar (li dejjem ireddnu fl-interess vestit tal-barunijiet tagħhom) imma anke minn partiti oħrajn u kandidati indipendenti li s’issa bħal donnhom iffukaw biss fuq kritika diretta lejn l-istess politika binarja u tribali li daħħlitna fi sqaq ta’ impass; tribaliżmu li l-elezzjonijiet riċenti kkonfermaw kemm il-votanti xebgħu minnu, bi kwazi terz minnhom ma jivvutawx jew jivvutaw partiti u kandidati indipendenti.
Mhux qed ngħid li bħal dawk il-partiti oħra, Il-Kollettiv huwa biss grupp mimli ideat li fl-aħħar mill-aħħar se jingħalfu fis-sistema waqt li l-grupp jew il-partit jispiċċa. Fil-fatt, Wayne u Matthew qalu ċar u tond li fil-fehma tal-Kollettiv, m’hemmx iktar lok għal din l-idea pjuttost skaduta tat-“tielet” partit. Id-dinja politika “normali” ma tistax biss tkun duwalistika u kulma ssib barra minn din in-“norma”, nitfgħuh fit-tielet kaxxa jew kexxun, u daqshekk.
Kxaxen fi gradenza
L-isfida hija din: jekk se jinħoloq partit, dan mhux se jkun xi kexxun ieħor li jżejjen il-gradenza tal-partitokrazija Maltija. L-analoġija tal-gradenza, fil-fatt, hija l-ewwel problema. Din hija analoġija li tiġini f’moħħi kull meta nitkellmu dwar it-“tielet partit”. Jekk se nibqgħu nikkategorizzaw il-politika fi kxaxen distinti – anke kultant f’diskorsi limitati ta’ xellug, lemin u ċentru – diġa qtajna qalbna. Fl-ilsien politiku dejjem se jkun hemm użu ta’ kategoriji, imma dawn għandhom iservu għal kuntest ikbar u mhux jibqgħu marsusa fil-limiti tagħhom.
Li qalu Borg u Flask kien differenti għaliex l-aspirazzjonijiet u l-idea ta’ grupp politiku bħal Il-Kollettiv huwa li jmur lil hinn, sew mill-mudell ta’ attiviżmu u dak ta’ alternattiva partitika li fil-passat, bħalma għamlu l-AD u l-PD, sfidat is-supremazija tal-PN u l-PL billi lagħbu logħba partitika simili.
It-ton ta’ Borg u Flask mhux biss mhuwiex intiż li jivvinta xi partit ieħor ma’ dawk li għandna, imma minflok, Il-Kollettiv qed jibda mill-qiegħ u dawk li qed jaħdmu biex isostnuh bħala grupp politiku (u forsi wkoll bħala partit), iridu espressivament jaraw li jkompli jikber b’dan il-mod u mhux bil-kontra: bħalma ħafna drabi rajna fil-passat.
Minn dak li seħħ s’issa jidher li għall-kuntrarju ta’ partiti żgħar li rajna matul is-snin, tal-Kollettiv la ppruvaw ivaraw il-vapur b’xi ċerimonji kbar f’xi lukanda mimlija ġurnalisti kurjużi, u lanqas mhuma qed iżeffnu l-vara bħalma ssib fil-politika Maltija.
Aktar minn grupp dipendenti biss fuq mezzi tal-midja, jew xi grupp fantasma maħluq fuq Instagram jew Facebook, Il-Kollettiv qed jaħdem direttament mal-komunitajiet. Nafu llum li hemm elementi qawwija lokali li f’pajjiż żgħir bħal Malta jħallu effett sostanzjali. Illum, anke fil-Kunsilli, id-dinamika qed tinbidel u hemm ċaqliq politiku differenti li rajnieh jitkattar f’kawżi lokali li għaqqdu lir-residenti b’mod li jmur lil hinn mit-tribujiet.
“Mhux wara biebi”
Imma fil-lokaliżmu dejjem se jkun hemm sogru. Wieħed mill-fenomeni li rajna jikber, speċjalment fl-Ewropa fejn movimenti lokali għandhom saħħa konsiderevoli, huwa dak tan-nimbyism. “NIMBY” huwa akronimu Ingliż għal “Not In My Back Yard” li bil-Malti probabbli jagħmel iktar sens bħala “Mhux wara biebi”.
Dawk li qed isegwu l-elezzjonijiet fir-Renju Unit huma familjari ma’ dan it-terminu speċjalment fejn jidħol l-iżvilupp u l-ambjent. Pereżempju, ħafna jaqblu li d-dawl għandu jinħoloq b’modi alternattivi minn dawk taż-żejt, il-faħam jew in-nukleari. L-irdieden tar-riħ u l-enerġija tax-xemx huma alternattivi komuni. Imma bħalissa qed nisimgħu ħafna kostitwenti wkoll jgħidu: “Iva, irdieden kemm trid imma mhux wara biebi, fejn narahom jien meta noħroġ passiġġata, jew meta nkun fil-ġnien”.
Fil-kuntest Malti in-nimbyism jieħu xejra oħra. Pereżempju, ħafna jilmentaw u huma mħassba b’mod allarmanti dwar l-ambjent u l-isfreġju, it-toroq u l-karozzi, imma meta niġu għall-isfera personali, hemm, it-tgergir jieqaf: “Allura karozza jew tnejn m’għandhiex dritt għalihom? U jekk niret biċċ’art ma nibnihiex? Kif se mmur għax-xogħol jew se naħseb għal uliedi?” U ta’ dawn il-mistoqsijiet m’hemmx tweġiba faċli.
Tkabbir bla sens
Borg u Wayne jagħmlu distinzjoni bejn familja li ssib ruħha tiddependi fuq li twaqqa’ darha u tibni blokk flats għal uliedha (għax ma jaffordjawx mortgage jew li jikru) u spekulatur li jieħu art tal-poplu u jibnu blokok enormi ta’ appartamenti jew lukanda li ma jgħinu lil ħadd ħlief lill-but tal-iżviluppatur u dawk li huma interessati biss f’iktar qligħ.
Is-sitwazzjoni li ħafna ġew fiha, fejn bilfors iridu jużaw karozza jew jispiċċaw jibnu iktar bini ikrah, hija parti minn politika ikbar li bellgħulna gvernijiet Laburisti u Nazzjonalisti. Jekk il-pagi ma jservux, jew trid tieħu sagħtejn biex tmur għax-xogħol (f’tal-linja jew fil-karozza tiegħek stess), taf li ħafna affarijiet mhux qed jaħdmu u anke jekk għamluna kompliċi ma’ dan, ma nistgħux nibqgħu nsaħħu u nivvutaw għal politiċi li għalkemm jikkritikaw lil xulxin meta jkunu fl-oppożizzjoni, jagħmlu l-istess meta jkunu fil-gvern.
Punt ieħor uniku għal Malta huwa li l-istess nimbyism (li tfisser ukoll: “basta mhux wara biebi hekk kif jien ukoll niġi għala biebi”) jaf ikun potenti u jieħu rotta oħra. Fiċ-ċokon ta’ artna kullimkien se jkun ma’ bieb kulħadd u hawn se ssib li jekk se nitkellmu dwar fenomenu nimbyista, fil-każ tal-Maltin u l-Għawdxin, dan qed jieħu skala nazzjonali u ħadd m’għad għandu skuża jew jista’ jsib mod biex jilleġittima l-kontribut li lkoll qed nagħtu għall-isfreġju, anke meta ma rridux nagħmlu dan.
Id-diskors politiku irid jieħu xejra oħra. Flok l-għajta ta’ tkabbir (growth) akkost ta’ kollox, hemm mod ieħor li bih nagħmlu sens minn dak li jinħtieġ isir. Għaliex ma nikkunsidrawx argumenti fejn il-progress u l-ġustizzja soċjali jsiru f’kuntest ta’ detkabbir (degrowth)? Dan ma jfissirx staġnar jew riċessjoni (bħalma ssib jgħidu fuq ix-xellug, ċentru u lemin meta jikkritikaw l-argument tad-detkabbir), imma fejn jinħolqu kuntesti soċjo-ekonomiċi fejn l-ewwel nett m’hemmx iktar lok għat-tkabbir u spekulazzjoni, u fejn ma jkunx hemm bżonn li familja teqred art li wirtet biex tibni blokk flats għal kiri jew għal uliedha.
B’dan il-mod se nibdew nitkellmu b’mod totalment differenti għax meta xi bravu jgħidlek (bħal pappagall) li “biex tqassam il-ġid trid toħolqu”, dawn l-għorrief “liberali u moderati” taż-żewġ naħat qatt ma qalulna li l-iktar punt kritiku huwa kif se toħloq dan il-ġid. Jekk biex toħloq il-ġid tħalli klassi ta’ ħallelin jieħdu l-pajjiż f’idejhom, allura, kif jgħid il-Malti “huwa aħjar meta konna ‘agħar.’”
Il-paradoss tad-demokrazija
Ma nafx jekk Il-Kollettiv humiex se jaħdmu f’kuntesti bħalma ħadmu gruppi politiċi oħra fl-Ewropa li wkoll iħaddnu diskors ta’ detkabbir. Lanqas ma nista’ ngħid jekk dawk il-votanti Maltin li ddeċidew li ma jivvotawx lill-PN u l-PL fl-aħħar elezzjoni, hux se jivvotaw jekk u meta jkollhom l-opportunità jipparteċipaw ma’ diskorsi differenti bħal dawk li qed nisimgħu mill-Kollettiv. Li naf biss huwa li minn dak li rajna u smajna, ħafna qed jagħtu widen lil gruppi bħal Il-Kollettiv u nittama li din il-forma ta’ politika tikber.
L-establishment politiku Malti, kif inhu magħmul mill-PN u l-PN, ma waqafx jitqatel minn ġewwa. Kuljum nistennew xi ħaġa oħra li tinkixef minn hawn jew minn hemm. Kif ktibt ftit ġimgħat ilu f’dan il-ġurnal, id-demokrazija Maltija ma tistax tibqa’ ostaġġ ta’ oppożizzjoni relattiva li issa bħal donnha assumiet li se tirbaħ grazzi għad-dnubiet tal-Gvern, u Gvern mingħajr kuxjenza kritika, li llum jaf li l-politika li fuqu sejjes it-tkabbir (fl-istess tradizzjoni u mudell ta’ gvernijiet Nazzjonalisti ta’ qablu) hija waħda li kompliet tjassar lil Malta bl-interessi vestiti ta’ dawk li, jibdlu l-partiti bħalma xerrej imur mil-Lidl għall-Aldi, u dejjem jirrenjaw mingħajr rispett lejn ħadd.
Wieħed mill-paradossi tad-demokrazija jgħid li jekk ma rridux għawġ wara biebna, ma nistgħux niġu għala biebna. Sakemm għad għandna demokrazija, ejja ma nħalluhiex tiġi użurpata u abbużata minn dawk li s’issa ħasbu biss għal xawwathom u baqgħu altament jiġu għala biebhom minn kulħadd.