Editorjal | Inaċċettabli
Fi żmien ieħor, il-PL fl-Oppożizzjoni, b’wiċċu minn quddiem kien idur fuq in-nies u jimlihom b’tama li jista’ jkun il-Gvern li jsolvi dawn il-problemi… Fast forward u llum għandna sitwazzjoni fejn in-nies qed nitrattawhom ta’ żibel bi skużi banali
Huwa bir-raġun inaċċettabbli l-fatt li l-provvista tad-dawl tkompli tesperjenza l-iskossi. Inaċċettabbli li wara snin ta’ lmenti minn popolazzjoni inkwetata, u qtugħ ta’ dawl bla tmiem, erġajna lura fejn konna, frott l-inkompetenza tal-Gvern kif ukoll tal-Enemalta.
Inaċċettabbli li nkomplu nisimgħu skużi banali u bla bażi li kien hemm dik, u kien hemm l-oħra.
Ħallejna wisq, bħal ma għalaqna għajnejna għall-bini bla rażan kullimkien, b’kulħadd jaħtaf l-iċken opportunita` biex jagħmel il-belli liri. Evidentament, dan kollu ma sarx biss a skapitu tal-ambjent imma anki għall-provvista tad-dawl. U allura f’min ser inwaħħlu?
Mhux fil-Gvern?
Mhux il-Gvern għandu r-riedni f’idejh? Mhux il-Gvern huwa li jmexxi u jiddeċiedi?
Mela tajjeb, nagħtu sussidju fuq il-fuel biex inżommu lin-nies kuntenti, imbagħad nonqsu milli jkollna infrastruttura moderna u manutenzjoni effikaċi!
Il-Ministru Miriam Dalli għandha ħafna x’tirrispondi f’dan ir-rigward. Wara d-diżastru komplet tal-qtugħ tad-dawl tas-sena l-oħra, konna nistennew li jittieħdu l-passi meħtieġa biex ma nesperjenzawx ripetizzjoni.
Sfortunatament, minflok ma rajna progress, qiegħdin insofru minn ripetizzjoni ta’ danakollu.
F’dan il-qasam Dalli falliet bil-kbir.
Hija ċara li l-manutenzjoni u l-infrastruttura ma tiflaħx għad-domanda minħabba l-isplużjoni fil-popolazzjoni, sewwa dawk li huma residenti permanenti u dawk temporanji.
Għalxejn niftaħru b’ekonomija b’saħħitha meta għandna sitwazzjoni fejn lanqas l-essenzjali dawl ma nistgħu nipprovdu lin-nies.
Jidher ċar li hemm nuqqas ta’ investiment fl-Enemalta li toħloq riperkussjonijiet fuq il-kompetenza.
Ma titwemminx li jibqa’ jkollna problemi bħal dawn wara l-istejjer twal ta’ liema enerġija x’ser ikollna u x’tip ta’ power station ser nutilizzaw, apparti allegazzjonijiet u stejjer dwar korruzzjoni.
Fi żmien ieħor, meta kellna problema inkwetanti tal-provvista tad-dawl, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, b’wiċċu minn quddiem kien idur fuq in-nies u jimlihom b’tama li jista’ jkun il-Gvern li jsolvi dawn il-problemi. Tant hu hekk li din kienet pilastru prinċipali fil-kampanja elettorali ta’ qabel 2013.
Fast forward u llum għandna sitwazzjoni fejn in-nies qed nitrattawhom ta’ żibel bi skużi banali.
Li jkollok id-dawl f’2024 hi xi ħaġa mill-iżjed bażika u essenzjali.
Il-Ministru Miriam Dalli għandha ħafna x’tispjega.
U iktar milli tispjega, hemm bżonn azzjoni konkreta biex tissolva din il-problema