John Baldacchino | It-'TINA', in-newtralità u l-Ewropa
'Illum li Malta hija Membru tal-UE, din tan-newtralità hija opportunità sabiex bħala pajjiż żgħir f’nofs il-Mediterran, pajjiżna jieħu pożizzjoni ferm iktar ċara minn dik li kellu qabel'
Bħalissa hemm punti kruċjali fuq ix-xefaq politiku li tant huma gravi li ħafna drabi qed nagħżlu li ninjorawhom għax nibżgħu li bħala individwi ma nifilħuhomx. Kemm se ddum tisma’ kemm-il darba... “Wara kollox aħna x’nistgħu nagħmlu?” U dan jingħad fid-dawl ta’ kurrenti reazzjonarji bħalma rajna javvanzaw fi Franza u fl-Istati Uniti, u bħalma rajna jirbħu kullimkien, inklużi f’sistemi liberali-demokratiċi fejn gvernijiet awtoritarji u lliberali illum għandhom rwol protagonizzanti f’kull rokna tad-dinja.
Fuq livell individwali, ħafna drabi l-parir ta’ ħafna rwieħ tajba (b’intenzjonijiet pjuttost naive) huwa, “Ħallih iħabbat!” Imma ma tistax ma tistaqsix: “Jekk se jħabbat, dan mhux se jolqot lil kulħadd?” Fl-aħħar mill-aħħar ħadd mhu rebbieħ. Wara kollox, dak li jgħamilna bnedmin hija r-raġuni u l-ħelsien. U meta nitilfu l-ħelsien, inkluż dak li dwaru ma naqblux, se nitilfu kull sens ta’ raġuni, u miegħu kull sens ta’ għajxien.
Vojt u reazzjoni
Suppost l-istorja għallmitna dan kollu. U hawn mhux qed naħseb biss fil-faxxiżmu tat-tletinijiet tas-seklu li għadda, imma anke` dak li ġie wara, bl-awtoritarjaniżmu li kiber f’isem politika li tħaddnet minn kull direzzjoni: lemin, xellug u anke` dik li llum naraw fl-isfera politika taċ-ċentru, li ħallietna b’vojt politiku tant b’saħħtu, li qed jimtela bl-istess forom ta’ awtoritarjaniżmu, li rajna ftit inqas minn mitt sena ilu madwar id-dinja.
Ma ninsewx li mitt sena ilu d-dinja rat żewġ gwerer dinjija, ġenoċidju, u żewġ attakki nukleari li għall-ewwel darba fl-istorja tal-umanità, ikkonfermaw li l-bniedem huma l-unika speċi li l-intelliġenza tiegħu serviet biex tkun kapaċi teqred lilha nnifisha.
Biex inkunu ċari, l-isfidi politiċi jolqtu kull sfera: lokali u globali. Bħalma għad hemm fil-politika ta’ pajjiżi li jolqtuna bħala individwi u soċjetà mill-qrib, hemm sitwazzjonijiet fuq livell globali li għandhom effett dirett fuq il-politika lokali. Dan mhux għax ir-Russja se tattakkana jekk nuru solidarjetà mal-poplu Ukren, jew għax xi grupp fundamentalista jiddeċiedi jagħmel att ta’ terrur fl-imsieraħ tagħna jekk inżommu ma’ xi naħa jew oħra tal-Lvant Nofsani.
L-effett fuq kulħadd mhuwiex xi riżultat uniku tal-hekk imsejħa globalizzazzjoni. Din tal-aħħar mhix xi konġura tax-xellug, jew ta’ xi grupp okkult iffinanzjat minn Georg Soros, bħalma jħobbu jgħidu dawk li llum jidolizzaw politiċi bħal Trump, Milei, Meloni, Bolsonaro, Orban, Putin u oħrajn. Il-globalizzazzjoni hija l-effett ta’ ekonomija ta’ tkabbir u swieq miftuħa beraħ. Tħobbha jew tobgħodha, din hija r-realtà ta’ kif qed jinħoloq il-ġid. Jekk irridu nibdluha se jkollna nibdew mill-eġemonija ta’ tkabbir sfrenat li llum sar domma aktar imqaddsa minn dik ta’ kull reliġjon li nafu biha.
Fil-blokki li ssib implikati fi gwerer bħal dawk fl-Ukraina, Gaża u s-Sudan, qed naraw u nħossu effett kważi istantanju fuq kull naħa tad-dinja. Dan ġej minn sistema ekonomika ta’ swieq li anke` meta jippruvaw jaqsmuhom bil-ħitan tal-protezzjoniżmu bħalma qed naraw bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, dawn se jibqgħu marbuta ma’ xulxin għax totalment iridu minn xulxin.
It-TINA u l-alleanzi strambi
Dawk bħal Trump, Orban u Meloni li qed jgħidulna li jridu jkissru l-globalizzazzjoni, jinsew li l-parrini storiċi tagħhom, Ronald Reagan u Margaret Thatcher, qalu li mhux possibbli. Wara kollox, ma tistax tkisser sistema ekonomika li taħlef biha bħala inevitabbli u li Thatcher darba qaltilna li għaliha mhemmx alternattiva, tant li laqqamna dan id-diskors bħala d-diskors tat-TINA (There Is No Alternative).
Fuq punt storiku ma ninsewx li din tal-politiċi jeqirdu dwar il-globalizzazzjoni (filwaqt li jsostunha), mhix xi ħaġa tal-lum, jew li skoprejnieha fuq X jew Facebook. Mussolini u Franco kienu kontinwament jiftaħru li ħolqu ekonomiji awtarkiċi (li m’għandhom bżonn ħadd) meta fil-fatt kienu marbuta sew ma’ finanzi li ġew mill-kapitaliżmu internazzjonali. Dan kollu daqs kull pajjiż ieħor, inkluża l-Unjoni Sovjetika li wkoll kellha aspirazzjonijiet awtarkiċi għalkemm il-fruntieri tas-swieq tagħha kienu jinkludu l-blokk tal-Ewropa tal-Lvant u l-Asja.
Bħall-gwerer ta’ qabilhom, dawk fl-Ukraina u Gaża huma marbuta mas-swieq tal-armi kif ukoll ma’ swieq domestiċi bħalma huwa l-qamħ u ż-żejt. Imma tajjeb li wieħed ma jinsiex li llum, l-industrija finanzjarja saret ħafna iktar b’saħħitha minn qabel, grazzi għall- komunikazzjoni mifruxa u veloċi, u fejn il-qawwa ekonomika sseħħ b’mod aktar b’saħħitha fl-algoritmu, in-numri, u l-munita.
L-istess meta nħarsu lejn gwerer fis-Sudan u l-Yemen. Ħafna jgħidu li dawn huma gwerer by proxy—kważi b’self u rahan politiku bejn pajjiżi bħall-Iran u s-Sawdi. Imma nafu sew li din tal-proxy hija faċċata, fejn se ssib għeruq li jmorru iktar fil-fond u fejn se ssib alleanzi strambi bħalma bdejna naraw bejn l-Israel u s-Sawdi, jew l-Iran u r-Russja, din tal-aħħar taħt it-tmexxija ta’ Putin. Ir-riżultat ta’ dawn l-alleanzi kattru irbit ferm aktar fil-qrib ma’ Bibi Netanyahu (li qajla tisimgħu jlissen kelma dwar l-invażjoni tar-Russja fl-Ukraina bħalma qajla ssib dikjarazzjonijiet mir-Russja dwar Gaża).
Newtrali jew kompliċi?
Dan jurina li meta se nitkellmu dwar politika barranija u l-alleanzi strambi li jiffurmawha, ma nistgħux ninsew għaliex, lura fl-1979, il-Gvern Malti ta’ Duminku Mintoff ħa linja ta’ newtralità li anke` meta dak iż-żmien kien għad hemm gwerra bierda bejn l-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti, illum hemm kuntesti li jitolbuna naħsbu sew dwar dan. Anke` meta llum l-argument ta’ non-alinejament inbidel, l-istatus ta’ newtralità baqa’ (jekk ma sarx) aktar b’saħħtu minn qabel.
Illum li Malta hija Membru tal-UE, din tan-newtralità hija opportunità sabiex bħala pajjiż żgħir f’nofs il-Mediterran, pajjiżna jieħu pożizzjoni ferm iktar ċara minn dik li kellu qabel. U dan mhux għax Malta hija l-“għira tad-dinja” kif iħobbu jgħidu xi politikanti, imma għax fiċ-ċokon tagħha Malta hi ferm aktar konxja minn dak li jagħmilha pajjiż indipendenti, awtonomu u newtrali – status li ġnus akbar minn Malta, inklużi ħafna fl-Ewropa, għadhom jaspiraw u jissieltu biex jiksbu: araw l-Iskozja, Galles, l-Ewskadi, il-Katalonja u oħrajn.
Anke` meta rridu ninsewha, il-konnessjoni bejn gwerer “ta’ ħaddieħor” u politika “tagħna” hija hemm. Meta nippruvaw nitkellmu dwar newtralità, nispiċċaw f’dilemmi li juru kemm għadna ma fhimniex x’irridu ngħidu biha. L-istess għar-rifuġjati, li qajla narawhom konnessi ma’ nteressi ekonomiċi li dejjem sibna konvenjenti u komdi għalina, u fejn qatt ma nammettu li gwerer u kriżijiet li jidhru ‘l bogħod huma ħafna eqreb tal-ħajja kwotidjana li aħna stess ngħixu bħala individwi f’ soċjetà bil-kumditajiet tagħna.
Tul l-istorja, dak li f’ċerti nħawi tad-dinja gawdew—inklużi d-demokrazija u l-libertà—dejjem inkiseb għall-iskapitu ta’ nħawi oħra tad-dinja. Din hija t-traġedja tal-kapitaliżmu dinji, u meta nitkellmu dwar il-liberaliżmu nafu li pajjiżi f’sistema liberali kienu wkoll kolonizzaturi u ħakkiema ta’ pajjiżi imjassra barra djarhom. Illum dan isir fin fin u b’mod ieħor. Bħala ex-kolonja Ingliża missna nafu sew li l-kumdità ta’ poplu mhix maqtuha mill-jasar ta’ popli oħrajn.
Il-kumditajiet u l-ġid li ngawdu f’dak li llum insejħulha t-Tramuntana Globali (dak li konna nsejħu l-Ewwel Dinja), dejjem ġej għall-iskapitu tan-Nofsinhar Globali (dik li kienet it-Tielet Dinja). Il-wirt tal-kolonjaliżmu (li miegħu kulħadd huwa parteċipu, volontarju jew le) ma għebx u jekk tridu ssibu kawża komuni għall-gwerer tal-bieraħ u tal-lum, ħarsu lejn l-istorja tal-kolonjaliżmu. Dan ukoll ifisser li kriżi bħal dik ta’ aktar refuġjati jfittxu kenn fl-Ewropa ma ġietx mix-xejn u ma tistax taqtagħha ‘l barra mill-politika barranija ta’ blokki bħall-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u kif ukoll l-Unjoni Ewropea li tagħha Malta hija membru sħiħ u attiv.
“Malta Newtrali” mhijiex “Malta Għala biebha”
Allura meta niktellmu dwar newtralità, nistgħu sempliċiment narawha bħala sitwazzjoni fejn, “Aħna m’għandniex x’naqsmu!”? Nistgħu sempliċiment ngħidu li “din mhux gwerra tagħna”? Pajjiż newtrali huwa pajjiż magħluq fih innifsu? Pajjiż li jinsisti li ma jrid jidher kompliċi f’xejn? Jekk qed naħsbu li din hija n-newtralità, qatt ma fhimna x’kien l-iskop ta’ dan l-istatus li beda fl-1979 imma li tkompla taħt gvernijiet Laburisti u Nazzjonalisti.
Sa mill-bidu, in-newtralità, qatt ma kienet xi forma ta’ rifjut jew awtarkija. Ħafna Laburisti li jgħidu li huma “Mintoffjani” (u llum issibhom fuq il-lemin kif ukoll fuq ix-xellug) jgħidulek li n-newtralità għalihom hija garanzija li ssalvana mill-gwerer ta’ ħaddieħor; ma tistax tinsa li ħafna Maltin għadhom jaħsbu u jkantaw li fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Maltin “mietu għalxejn” u mhux għax kienu qed jiġġieldu kontra l-faxxiżmu. Imbagħad se ssib dawk ta’ kontra, li jgħidu li huma Nazzjonalisti u “Ewropej”, li jridu Malta eqreb tan-NATO għax jibżgħu li xi darba se jattakkana xi ħadd u “ma jkun hemm ħadd jaqbeż għalina”. F’dan il-każ, għalihom, in-newtralità hija ostaklu għad-difiża.
Meta Mintoff kien jitkellem dwar in-Non-Alinjament u n-Newtralità, kien qed jitkellem dwar politika attiva marbuta mal-Mediterran, u kien hemm sens ta’ responsabilità u mhux ta’ abdikazzjoni. Fi kliem ieħor, “Malta Newtrali” mhijiex u m’għandha tkun qatt “Malta Għala biebha”.
Meta Karmenu Mifsud Bonniċi sab l-appoġġ ta’ Eddie Fenech Adami fejn il-Gvern Laburista u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qablu li n- newtralità tidħol fil-Kostituzzjoni (flimkien ma’ bdil fil-liġijiet elettorali), dawn kellhom f’moħħhom irwol importanti u attiv għal Malta. Ma ninsewx li dan seħħ anke` meta il-PN u l-MLP ma kinux jaqblu dwar tisħib fl-Unjoni Ewropea.
Illum li Malta hija membru sħiħ fl-UE u fejn is-sitwazzjoni globali inbidlet - għalkemm l-isfidi u l-gwerer huma bħal ċikli vizzjużi li dejjem jitolbu li naraw lil hinn minn imneħirna u mix-xtut u l-fruntieri tagħna - ma nistgħux sempliċiment inkunu duwalisti binarji u naħsbu li newtralità tfisser naħa jew oħra. L-alternattiva bejn iżolazzjoniżmu u membri tan-NATO hija għażla għażżiena u distruttiva.
Anke` meta ħsieb binarju jidher mill-aktar faċli jew xi forma ta’ “sens komun”, dan qatt ma joffri soluzzjoni għax il-binariżmu huwa skuża fl-immedjat u allura risposta għażżiena u ta’ malajr. L-istorja tgħallimna li hemm ħafna iktar minn hekk, u x-xefaq quddiemna huwa wiesa’ daqs kemm huwa ta’ sfida li ma nistgħux ninsew jew ninjoraw. Lil hinn mit-TINA ta’ Reagan u Thatcher, hemm dinja ħafna iktar kumplessa.