Editorjal | Il-politika tal-Gvern dwar l-enerġija trid tinbidel

Tgħid x’tgħid l-Enemalta, il-mudell finanzjarju tagħhom huwa ħażin għax il-valur tal-elettriku tant hu għoli li m’hemm ebda tama li jkun hemm flus biex isir investiment serju fl-infrastruttura

M’hemm ebda dubju li l-problema tal-elettriku f’pajjiżna ġejja mill-fatt li fuq numru ta’ snin il-Gvern u l-gvernijiet naqsu milli jinvestu fis-sistema tad-distribuzzjoni. 

U dan il-għaliex il-valur miżjud ta’ investiment fl-infrastruttura ma sarx għax l-iffukar kien fuq l-investiment fit-tip ta’ power station, u fuq is-sussidju tal-prezz lill-konsumatur.

Tgħid x’tgħid l-Enemalta, il-mudell finanzjarju tagħhom huwa ħażin għax il-valur tal-elettriku tant hu għoli li m’hemm ebda tama li jkun hemm flus biex isir investiment serju fl-infrastruttura. 

Apparti l-fatt li l-iżvilupp li sar tant kien mgħaġġel u l-popolazzjoni tant żdiedet, li l-bżonn ta’ aktar elettriku f’mumenti kruċjali tefgħet ħafna pressjoni fuq is-sistema tal-grid.

Mhijiex biss l-infrastruttura tal-elettriku li tinsab fi stat kritiku. L-istess jingħad għall-infrastruttura fid-dranaġġ.

L-Enemalta kienet kostretta wkoll minħabba esiġenzi politiċi li taqdi l-politika strateġika tal-Gvernijiet li ma jmissux il-kontijiet tal-elettriku u tal-ilma. U meta kien hemm attentat li dan jiġi kalibrat fi żmien il-Gvern Nazzjonalista, l-oppożizzjoni Laburista kienet għamlet kampanja qalila bbażata fuq il-premessa li l-gvern tal-ġurnata kien antisoċjali. Meta infatti, il-Gvern kien qed jipprova jirranġa s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ekwilibriju bejn id-dħul u l-infiq.

Il-verità hi li l-infrastruttura f’pajjiżna hija medjokri u trid tinbidel. Biex isir dan irid ikun hemm investiment kbir. Investiment li qatt ma sar u jsir biss meta jkun hemm kriżi.

Il-mażżri ma’ għonq l-Enemalta huma s-sussidji indiskriminati lin-nies ta’ madwar 65 miljun fis-sena. Sussidji li jsiru irrelevanti jekk persuna jew familja tiflaħ jew ma tiflaħx. Sussidji mingħajr means testing.

Il-problema tal-politika tal-enerġija hija waħda politika. Filwaqt li wieħed jistenna li jkun hemm raġunament favur ħtiġijiet ta’ dawk l-iktar fil-bżonn, hemm bżonn li l-Enemalta tingħata spazju biex topera b’mod raġonevoli.

Hemm bżonn li nkunu maturi biżżejjed biex naffrontaw dawn l-isfidi. U fl-istess ħin ngħidu l-affarijiet kif inhuma. Fosthom li l-Gvern Laburista jrid ikun matur biżżejjed biex ma jkomplix jargumenta li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qatt ma jistgħu jogħlew, jew li l-affarijiet se jibqgħu hekk għal dejjem.

More in Politika