Ryan Callus | Il-kriżi nazzjonali tal-enerġija: inkompetenza u politika skaduta

'Ma’ min titkellem, b’dak li tara b’għajnejk, tifhem li l-politika tal-Labour saret ir-rovina ta’ pajjiżna. Politika li żiedet il-popolazzjoni b’mod esaġerat għall-proporzjon ta’ pajjiżna minħabba l-politika skaduta tal-Labour. Issa x’se nagħmlu?'

Ritratt - Mill-Arkivji
Ritratt - Mill-Arkivji

Il-kriżi nazzjonali fid-distribuzzjoni tal-enerġija hija Déjà vu ta’ dak li ġara s-sajf li għadda. Minkejja l-ħafna kliem dwar l-investiment rekord u sostanzjali li konna mwiegħdin is-sena l-oħra, qegħdin nerġgħu ngħaddu minn kriżi nazzjonali frott l-inkompetenza tal-politika tal-Gvern.  

Dwar dan kellu xi jgħid ħafna l-Awditur Ġenerali fir-rapport riċenti li ppubblika dwar l-investiment, jew in-nuqqas tiegħu, li sar, jew kellu jsir, fid-distribuzzjoni tal-enerġija f’Malta u Għawdex.  

Hemm diversi punti li jeħtieġ nifhmu dwar dak li kkonkluda l-Awditur Ġenerali f’dan ir-rapport. Jirreferi għal tliet fatturi li jikkontribwixxu għall-kriżi nazzjonali fis-settur tal-enerġija. L-ewwel punt jirrikonoxxi li pajjiżna, bħad-dinja kollha, għax Malta mhix specjali, qiegħda tesperjenza żieda fit-temperatura, filwaqt li dawn it-temperaturi għoljin qegħdin idumu għal perjodu itwal ukoll.  

Iżda ngħid jien il-Gvern Laburista issa sema’ għall-ewwel darba dwar il-fenomenu tat-tibdil fil-klima? Impossibbli li dan hu l-każ, partikolarment għax kemm-il darba nisimgħu l-esponenti tal-Labour jinħbew wara dan il-fenomenu biex jiġġustifikaw il-fallimenti tagħhom.  

Ġaladarba l-injoranza fis-suġġett mhux il-każ, allura l-konklużjoni bilfors hi li Gvern Laburista injora l-fattur tat-tibdil fil-klima, u dan jammonta għal inkompetenza.  

It-tieni fattur li kkontribwixxa għal fattur tal-kriżi fis-settur tal-enerġija jgħid l-Awditur Ġenerali huwa ż-żieda fid-domanda. Wieħed isaqsi allura, minn fejn ġiet din iż-żieda fid-domanda? Wieħed jistenna li jkollna żieda fid-domanda minn sena għal sena minħabba tkabbir ekonomiku, iżda din iż-żieda sostanzjali hija minħabba tkabbir ekonomiku biss jew minħabba t-tkabbir sostanzjali li esperjenzajna biż-żieda fil-popolazzjoni? 

Dwar dan il-punt intqal ħafna. Ma’ min titkellem, b’dak li tara b’għajnejk, tifhem li l-politika tal-Labour saret ir-rovina ta’ pajjiżna. Politika li żiedet il-popolazzjoni b’mod esaġerat għall-proporzjon ta’ pajjiżna minħabba l-politika skaduta tal-Labour. Issa x’se nagħmlu? Il-politika tagħna hija ċara. Gvern Nazzjonalista ma jiħux l-eħfef soluzzjoni, dik li nkabbru l-ekonomija billi nżidu l-massa, imma billi nkabbru setturi li jrendu lill-ekonomija mingħajr ma jagħmel ħajjitna infern. Il-maġġoranza tal-Maltin illum qed tifhem kif il-politika tal-Labour hija skaduta, u saret l-ikbar impediment biex nerġgħu niksbu l-kwalità tal-ħajja li xi darba kellna.  

It-tielet fattur li jsemmi l-Awditur Ġenerali hi li l-Gvern ma investiex biżżejjed biex saħħaħ id-distribuzzjoni tal-enerġija. Wara 11-il sena ta’ Gvern Laburista issa drajna – Gvern reattiv li jirrispondi għall-problemi, minflok jilqgħalhom minn qabel. Din qegħdin narawha fis-settur tas-saħħa, fit-trasport u t-traffiku, fl-enerġija u issa wkoll fid-dranaġġ.  

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa ċertifikat b’timbru kbir li jikkonferma li dak li issa ilna nsostnu għal diversi snin huwa l-verità. Il-Labour prova jiskreditana, però issa għandna iswed fuq l-abjad biċ-ċifri li dejjem tkellimna favur il-poplu tagħna. Il-poplu qed jifhem li l-uniku tama għal dan il-pajjiż huwa bidla fil-Gvern b’politika reżiljenti li tieħu lil pajjiżna fil-futur fis-snin li ġejjin.  

More in Politika