Albert Buttigieg | Politika tas-selfies?
'Hemm ir-riskju li nagħmlu politika biss fuq kif wieħed jidher, jiġifieri fuq l-apparenza aktar milli fuq is-sustanza, fuq il-valuri jew il-proposti li l-partit jew il-kandidat ikun qiegħed jagħmel!'
Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid li l-għajn l-ewwel ma tiekol.
Din l-espressjoni tfisser li l-ewwel impressjonijiet ta’ kif wieħed jidher jew kif jiġi ppreżentat xi oġġett għall-bejgħ, jagħmel differenza kbira. Pereżempju, persuna liebsa pulit u b’xagħar tal-moda, żgur li tagħmel differenza. Għalhekk isiru r-riklami. Għalhekk jintefqu eluf ta’ ewro f’marketing, jiġifieri strateġiji jew pjanijiet ta’ kif wieħed jista’ jbigħ. Fil-marketing jitwasslu l-aspetti kollha pożittivi tal-persuna jew tal-oġġett u kemm wieħed jaqbillu li jixtri jew ilqa’ dik il-persuna. Dan għaliex kif jgħid il-Malti wkoll, ‘l-għajta nofs il-bejgħ’. Aktar ma tgħajjat u tidher, aktar se tbigħ u tasal biex tikkonvinċi lil nies jixtru dak il-prodott partikolari.
Dan kollu jgħodd għall-ħidma fil-politika. Fil-politika hemm dan l-aspett ukoll ta’ bejgħ. Fil-politika hemm l-importanza tad-dehra u tal-impressjoni. Fil-fatt, ilkoll nafu li l-marketing tal-partit u l-messaġġi li jrid iwassal huwa importanti. Jintefqu eluf ta’ ewro fi propoganda. Dan ma jiġrix biss barra minn Malta. Infatti l-partiti politiċi Amerikani jonfqu miljuni sħaħ f’riklami.
Għal min għandu ċerta età, jiftakar li qabel, il-propoganda li kienet issir mill-kandidati u mill-partit, kienet tinkludi twaħħil ta’ posters bil-kolla ma’ kull ħajt vojt li jsibu! Xi drabi anke jiktbu slogans biż-żebgħa! Illum dan ma baqax isir għaliex il-media, jiġifieri l-leaflets, it-TV, il-Facebook, l-Instagram, it-Tik tok, u diversi media soċjali oħra ħadulhom posthom.
Dan kollu tajjeb u bżonjuż li jsir imma xi drabi huma diversi li jispiċċaw jibbażaw il-fehma politika tagħhom biss fuq kif wieħed jidher jew kemm il-partit jimpressjona bl-islogans, bil-Facebook posts, jew kemm wieħed ġab likes. Hemm ir-riskju allura li nagħmlu politika biss fuq kif wieħed jidher, jiġifieri fuq l-apparenza aktar milli fuq is-sustanza, fuq il-valuri jew il-proposti li l-partit jew il-kandidat ikun qiegħed jagħmel!
B’hekk nispiċċaw nagħmlu politika mibnija biss fuq id-dehra u l-faċċata! Dan diġà narawh li sar u jsir mill-Partit Laburista. Matul il-kampanja elettorali u matul dawn l-10 snin, il-Partit Laburista nefaq miljuni ta’ ewro fi propoganda, f’leaflets mibgħuta fid-djar, fil-media soċjali u fuq it-TV, anke dak tal-PBS!
Imma jista’ jiġri (u nemmen li hekk qiegħed jiġri) li bħal meta wieħed jixtri xi oġġett jew inkella xi ħwejjeġ tad-ditta, jgħaddi ftit taż-żmien u dak li deher tajjeb u sabiħ ma jkunx fir-realtà! Dan iwassal mhux biss għal diżappunt imma wkoll rabja u żgur li ma terġax tixtri dak l-oġġett jew minn dik id-ditta! Dan għaliex tħossok li daħku bik!
Inħoss li dan qiegħed jiġri wkoll fil-politika. Għaliex forsi qiegħed ikun hemm enfasi żejda fuq id-dehra u mhux fuq is-sustanza, diversi ċittadini jinsabu, mhux biss diżappuntati bil-politika taż-żewġ partiti prinċipali, imma jinsabu rrabjati. U qegħdin juru din ir-rabja billi ma jivvutawx jew ma jridux jisimgħu aktar dwar il-politika! Fil-fatt, fl-aħħar elezzjoni ġenerali madwar 80 elf għażlu li ma jivvutawx. Kollox jindika li fl-elezzjonijiet li ġejjin għal Kunsilli Lokali u għall-MEP, dan l-ammont se jkompli jikber!
Dan huwa periklu kbir għad-demokrazija ta’ pajjiżna.
Għaldaqstant ilkoll kemm aħna għandna r-responsabbiltà li nifhmu li filwaqt li d-dehra u l-marketing u s-selfies huma tajbin, is-sustanza, il-proposti u l-valuri huma ferm aktar importanti. Filwaqt li tajjeb li wieħed jieħu selfies quddiem xi statwa, quddiem xi murtal jew man-nies fil-marċ ta’ filgħodu, huwa ferm u ferm aktar importanti li nkunu kapaċi nkunu politiċi li jkollna fehmiet u valuri ta’ sustanza! Nippreferi li jkolli kandidati jew partit politiku li ma jidhrux daqshekk tajjeb fid-dehra jew inkella għandhom ċerta età imma mbagħad kapaċi jieħdu stand u kapaċi joħorġu għonqhom għall-verità u s-sewwa!
X’jiswa li partit jidher sabiħ biex wara dik is-sbuħija ma jkun hemm xejn ħlief qoxra? X’jiswa li wieħed ikun fil-politika u kontinwament jieħu selfies ma’ dak u mal-oħra imma mbagħad qatt ma jitkellem fuq numru ta’ kwistjonijiet li għandu l-pajjiż, jew ma jgħid xejn biex jintgħoġob ma’ kulħadd? L-esperjenza tal-ħajja turina li meta wieħed jipprova jintgħoġob ma’ kulħadd, jispiċċa ma jintgħoġob ma’ ħadd!
Nemmen f’politka mhux biss tad-dehra imma anke tas-sustanza. Nemmen f’politika li ma tibżax titkellem fejn hemm bżonn mingħajr biża’ jew kompromessi. Nemmen f’politika li twassal proposti konkreti ta’ kif nistgħu ngħixu aħjar milli politika ta’ tgħajjir u insulti. Nemmen f’politika li toħroġ għonqha għaċ-ċittadini. Nemmen f’politika li tħares u tippromovi l-ġid komuni.
Ma nemminx f’politika tas-selfies!