Edwin Vassallo | Għaliex il-biża’ mill-politiċi taċ-ċentru lemin?
'Illum pajjiżna jeħtieġ il-partit taċ-ċentru lemin, partit konservattiv li joffri risposta, alternattiva u alternanza għall-politika taċ-ċentru xellug li qed iwettqu l-PL u l-PN flimkien'
Il-ġlieda politika – ukoll f’pajjiżna – bejn il-liberali, li jemmnu li huma biss għandhom raġun, u dawk li ma jaqblux magħhom għandha tkun ikkanċellata mill-eżistenza politika. Din il-ġlieda hija kontra dawk li huma meqjusa konservattivi, dawk li għandhom fehma kuntrarja, jiġifieri dawk li jemmnu l-liberali jew aħjar dawk tal-politika tax-xellug.
Il-konservattivi llum qed ikunu wkoll magħrufa bħala ċentru lemin li ġew maħluqa bħala by product tax-xellug, risposta għall-politika tax-xellug.
Għal-liberali li jsostnu l-politika ċentru xellug jew ukoll xellug estrem, jispiċċaw jagħmlu minn kollox biex joħonqu u jġibu fix-xejn il-politika tal-lemin li ma taqbilx magħhom u saħansitra huma opposti għal xulxin.
Fi kliem ieħor, il-politika xellugija, li llum hija ċ-champion, il-katalista tal-Green deal, hija meqjusa politika ambjentali iżda fir-realtà hija politika li timponi għażliet ta’ prodotti li bihom taħkem fuq l-għażliet tal-konsumatur u qed tispiċċa timponi żieda fl-għoli tal-ħajja għall-konsumatur Ewropew. Hija wkoll il-katalista għall-politika tax-xellug fl-Unjoni Ewropea (UE). Hija wkoll favur Ewropa ċentralista fejn l-UE hija ħakma politika li ġgib fix-xejn is-sovranità tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri fl-istess UE. Il-politika tax-xellug hija wkoll favur l-ideoloġija tal-ġeneru li jġib fix-xejn id-differenza fis-sesswalità maskili u femminili u tqis il-ġeneru li hu deċiż skont xi jħoss il-bniedem li hu.
Il-politika tax-xellug issostni l-għażla favur l-abort u l-hekk imsejħa drittijiet soċjali li jkissru u jġibu fix-xejn il-familja. Min-naħa l-oħra, il-politika tal-lemin hija r-risposta ta’ dawk li jopponu din il-politika tax-xellug.
Aktar ma jkollna politika tax-xellug estrema, aktar ikollna risposta ta’ konservattivi li joffru reazzjoni ta’ politika tal-lemin biex joħolqu alternattiva u alternanza għal dak li jkun qed jigi imponut fuqhom mix-xellug.
Dan qiegħed iseħħ ukoll f’pajjiżna. Illum fil-Parlament Malti għandna żewġ partiti tal-politika ċentru xellug. Jidhru li ma jaqblux biss fuq kwistjonijiet ta’ korruzzjoni, u dan kollu grazzi għar-rebħa fil-Qorti li għamel l-Onor. Adrian Delia fil-kawża kontra l-Vitals. Kawża li l-Onor. Membri avukati sħabu ma kinux qablu li għandha ssir f’isem il-PN. Mingħajr din ir-rebħa fil-Qorti, il-PN illum ma kienx ikollu l-kredenzjali li jitkellem kontra l-korruzzjoni fil-każ tal-Vitals. Għalhekk il-PN u l-PL, filwaqt li dwar politika liberali jaqblu flimkien, jidhru li ma jaqblux fuq kwistjonijiet ta’ korruzzjoni.
Il-bqija, il-PL u l-PN spiċċaw żewġ partiti liberali, żewġ partiti taċ-ċentru xellug, u dan kien intqal ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Bernard Grech lill-ġurnalista tat-Times of Malta l-għada tal-aħħar Kunsill Ġenerali.
Illum pajjiżna jeħtieġ il-partit taċ-ċentru lemin, partit konservattiv li joffri risposta, alternattiva u alternanza għall-politika taċ-ċentru xellug li qed iwettqu l-PL u l-PN flimkien.
Illum f’pajjiżna wkoll neħtieġu impenn politiku li jirrispondi u joffri alternanza għall-politika tax-xellug.
Il-Green deal kif impost fuqna mill-UE qed joħloq żieda fl-għoli tal-ħajja u burokrazija ġdida speċjalment fil-qasam tal-bini u l-agrikoltura.
Neħtieġu risposta għall-ideoloġija tal-ġeneru kif mgħallma fl-iskejjel tagħna li qed tkisser għalkollox il-familja u ddaħħal dubju fl-identità sesswali tat-tfal tagħna.
L-UE jeħtieġ tieqaf toħnoq u ġġib fix-xejn is-sovranità ta’ pajjiżna.
Le għall-abort u liġijiet oħra hekk imsejħa favur ugwaljanza li qed iġibu fix-xejn il-libertà tal-kelma, b’ideoloġija li hi favur biss l-uniformità.
Jeħtieġ niġgieldu l-ħakma tal-WHO fuq is-sovranità ta’ pajjiżna f’każ ta’ pandemija.
Għandna nżommu sħiħ u b’saħħitha l-identità ta’ pajjiżna u t-tisħiħ tal-familja mil-lat soċjali, legali, fiżiku, u ambjentali.
L-għażla li pajjiżna jkollu ekonomija li tikber aktar ma jkollna barranin jgħixu fostna trid tinbidel.
L-għażla ta’ newtralità u l-paċi minflok il-gwerra li trid l-UE trid tiġi msaħħa.
Pajjiżna jeħtieġ iserraħ moħħu li kapaċi jgħix fil-paċi, igawdi mill-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku mhux marbut ma’ numri.
Ikollna servizzi ta’ saħħa bħal Mater Dei li jaħdmu u mhux servizz staġnat li ma jistax ilaħħaq mad-domanda.
Inserrħu rasna li kapaċi nrażżnu l-għoli tal-ħajja u mhux nibqgħu naraw żieda ta’ barranin fostna li minħabba din il-politika, il-paga minima tibqa’ fost l-aktar baxxa fl-UE.
Ma jistax jibqa’ jkollna pajjiż maħkum minn negozji kbar ta’ żviluppaturi.
Ma jistax jibqa’ jkollna pajjiż li jġib fix-xejn id-dinjità tal-ħajja umana u d-dinjità tal-familja u l-libertà.
Neħtieġu nifs ġdid f’politika tassew differenti milli għandna. Impenn ġdid politiku li kapaċi jagħmel differenza u li l-qofol tal-politika tiegħu hija t-tisħiħ tal-familja, tal-valur tal-ħajja u tal-libertà.
Dan huwa l-bidu ta’ politika ġdida li neħtieġu f’pajjiżna biex inkunu nistgħu ngħidu, “kapaċi ngħixu komdi f’pajjiżna”.