Editorjal | Il-politika tal-fuck it
'Kien sajf mqanqal u għodna ma rajnix kollox. Għad fadal stejjer x’naraw, u bħal ma igħid Ministru partikolari – il-politika saret qisha il-politika tal-fuck it!'
Hemm ħafna problemi fil-politika. Mhumiex serji daqs li Roberta Metsola tagħżel ir-raġel t’oħtha Matthew Tabone biex ikun il-kap tas-segretarjat tagħha. Turina li Metsola bid-diskorsi tant sbieħ għandha wkoll nuqqas ta’ apprezzament u għarfien ta’ x’inhu aċċettabbli jew le fil-politika. Għajb li dawn l-affarijiet jiġru fil-Parlament Ewropew ... l-istituzzjoni li tippreżenta lilha nnifsha bħala t-tempju tas-sewwa. Imma Metsola mhux qed tmexxi lil Malta, għalissa, it-tmexxija ta’ dan il-pajjiż f’idejn Robert Abela. U min qed jaspira li jkun minfloku huwa Bernard Grech. Għalhekk bħalissa jkun għaqli li niffukaw fuq dawn il-karattri biss.
Iż-żewġ mexxejja ġew lura mill-vaganzi, min mar il-Greċja bid-dgħajsa u min mar l-Italja bil-karozza. Kulħadd għandu dritt għal btala, anzi. Xorta jibqa’ l-fatt li mill-mexxejja politiċi li hu mistenni huma sagrifiċċji u ħinijiet strambi.
Imma f’Malta ċerti affarijiet baqgħu għaddejjin qisu mhu xejn.
Kien hemm tibdiliet veru interessanti fil-Partit Laburista fejn rajna kummiedja sħiħa fil-mod kif ċerti nies ġew imwiegħda karigi u mbagħad saru jafu li ħaddieħor kien ġie magħżul. Rajna ħafna Laburisti li huma attivisti urtati bl-istil ta’ Robert Abela. Kellna wkoll xenarju fejn kellna business as usual, fil-qasam tal-kostruzzjoni fejn rajna li r-ritmu fil-bini għaddej b’ritmu liema bħalu, b’dannu għall-komunitajiet u għall-ambjent inġenerali. U li kull diskors dwar kontroll u ripensiment dwar il-kostruzzjoni f’pajjiżna kien kollu paroli fil-vojt.
Il-problemi rikorrenti ta’ traffiku, inċidenti u dewmien fis-servizzi essenzjali ddominaw l-aħħar xhur.
F’nofs dan l-episodju rajna ż-żmentita iebsa tal-Prim Ministru “li hu kien involva lilu innifsu fid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jiġux interrogati nies imsemmija fl-inkjesta Gabriella Vella”. Minkejja l-fatt li ħafna min-nies li ttellgħu u ġew akkużati fosthom Alfred Camilleri u Chris Fearne kienu nies ta’ fiduċja meta Robert Abela kien Prim Ministru. U minkejja l-fatt li n-nies li tkellmu ma’ din il-gazzetta kellhom storja oħra x’jirrakkontaw.
F’nofs dan l-episodju rajna r-relazzjonijiet bejn Joseph Muscat u Robert Abela jmorru l-baħar minkejja li qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew Abela kien resaq lejn Muscat.
F’nofs dan l-episodju fl-assenza tal-PN u Bernard Grech, rajna lil Jason Azzopardi, il-maestro ta’ kaos u taħwid, jikxef stejjer dwar abbuż fl-Identity Malta u issa fil-Lesa.
F’nofs dan l-episodju rajna lil Byron Camilleri ma jgħid xejn bħallikieku hu aċċettabbli li meta tkun affrontat b’tant allegazzjonijiet is-soluzzjoni hi li ma tgħid xejn.
F’nofs dan l-episodju assistejna għal numru imdaqqas ta’ inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol u fit-toroq tagħna.
F’nofs dan l-episodju bqajna bi problemi kroniċi fil-qasam tas-saħħa u kif ukoll fil-provista tal-dawl.
Allura kien sajf mqanqal u għodna ma rajnix kollox. Għad fadal stejjer x’naraw, u bħal ma igħid Ministru partikolari – il-politika saret qisha il-politika tal-fuck it!