Editorjal | Ma niġrux...
'Aħna m’aħniex eċitati minn Metsola, imma ċertament ħdejn il-kummiedji li hemm fil-Labour, nikkunsidraw lil Metsola bħala aċċettabbli u diċenti'
Ovvjament l-istorja ta’ Roberta Metsola eċitat mhux ftit lil dawk fil-kamp Laburista li kienu ilhom jitolbu li jkun hemm xi inċident li bih ikunu jistgħu jibbilanċjaw il-ħama kollu marbut ma’ dak li ġara fil-każ Vitals u Steward, kif ukoll in-numru konsiderevoli ta’ episodji ta’ korruzzjoni u kunflitti ta’ interess u qtil, u stejjer twal ta’ politika maħmuġa.
Id-dnubiet ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri u numru mdaqqas ta’ kapurjuni Laburisti lanqas jibda ħdejn id-dnub venjali ta’ Metsola.
Metsola għandha dnub u jekk għandha dnub huwa l-fatt li telgħet eletta fuq il-voti tal-Maltin u l-Għawdxin, u mbagħad għażlet b’mod egoistiku li tabbanduna l-Partit tagħha u tħalli l-PN f’idejn politiku li bla dubju għandu l-limitazzjonijiet tiegħu.
Metsola sfortunatament tara lil Malta u l-politika bħala ċajta u hija lluppjata mill-poter u x-xinxilli tal-politika internazzjonali fejn hija kkunsidrata stilla. Aħna m’aħniex eċitati minn Metsola, imma ċertament ħdejn il-kummiedji li hemm fil-Labour, nikkunsidraw lil Metsola bħala aċċettabbli u diċenti.
Metsola żbaljat imma b’kull rispett minn fejn sa fejn nistgħu naċċettaw it-teatrini ta’ Daniel Attard li Alla jbierek ma sab xejn ħażin f’Joseph Muscat, politiku li jippoża ta’ Soċjalist u li tefa’ lil dan il-pajjiż lura u l-Partit Laburista kkundannah b’tali mod li biex jissaffa jrid jitlef elezzjoni nazzjonali u jagħmel żmien fl-oppożizzjoni għal żmien twil. F’Daniel Attard, meta jitkellem, timmaġina li l-vera l-problema tal-pajjiż huma n-Nazzjonalisti u mhux il-politika tal-Gvern tiegħu.
Meta tara li min fil-Labour qed jipprova jiskorja l-punti billi jipprova jamplifika l-azzjonijiet ta’ Metsola nkunu qed nifhmu kemm verament dan il-pajjiż għandu l-problemi.
Il-problemi ta’ Metsola huma marbutin mal-etika u nuqqas kbir ta’ altruwiżmu. Il-problema tal-Labour hija waħda marbuta intrinsikament mal-korruzzjoni u l-ħmieġ. U fuq kollox id-deċiżjoni ta’ bosta diriġenti tal-Labour li jkomplu jiddefendu lil politiċi bħal Joseph Muscat.
Għażla li tfisser li l-uniku mod kif partit politiku jista’ jaffaċċja din il-problema huwa li jitlef l-elezzjoni ġenerali u jibda mill-ġdid.
Il-politika Maltija qed titkarrab għal politiċi serji u dedikati. Politiċi li huma ffukati fuq ix-xogħol politiku u mhux fuq kif se jdawru lira jew inkella jibqgħu fil-poter akkost ta’ kollox.
Għandna bżonn aktar kritika profonda għall-kriżi fid-dinja tal-politikanti. Għandna bżonn aktar dissidenti u nies li jiftħu ħalqhom dwar l-ipokrezija grassa li għandna fil-politika taż-żewġ partiti ewlenin.
Għandna bżonn politiċi nodfa, onesti li verament iħobbu lil pajjiżhom.