Rosianne Cutajar | Ir-Reġina tal-falsità
‘Roberta Metsola titkaża b’ħaddieħor imma tagħmel agħar minnhom!’ - Rosianne Cutajar
Qatt m’għoġbuni dawk in-nies li jippruvaw jagħtu impressjoni perfetta tagħhom infushom, dawk in-nies li jipproġettaw ruħhom qishom xi rigal mibgħut lill-umanità.
Roberta Metsola hi waħda minn dawn il-persuni u aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar qed turi dak li hi.
Roberta Metsola titkaża b’ħaddieħor imma tagħmel agħar minnhom! Tesiġi standards u etika tal-ogħla livell għal ħaddieħor imma għaliha nnifisha le, dawn ma jeżistux. Timpjega lir-raġel t’oħtha magħha b’salarju ta’ xi kwart ta’ miljun fis-sena u tħalli lil żewġha jaqla’ eluf ħafna akbar billi jinfluwenza lill-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej għal anqas taxxi għall-industrija maħmuġa tal-cruise liners. Għal min ma jafx, il-cruise liners huma wieħed mill-agħar kontributuri għat-tniġġiż fil-baħar.
Tkun minn tal-ewwel is-Sinjura Metsola biex tieħu xi ritratt tagħha nnifisha tigbor xi flixkun tal-plastik minn xi bajja Maltija. Però fl-istess waqt tgawdi l-miljuni li jaqla’ żewġha mill-kumpanija multibiljunarja li magħha hu direttur (Royal Caribbean) li mhux biss iniġġsu però jinfluwenzaw lill-Parlament Ewropew biex ma jimponux aktar taxxi fuq l-industrija u ma jkunx hemm il-pressjoni li jeħtieġ dwar it-tip ta’ użu tal-fuel li jintuża. Issibha fuq quddiem fil-protesti u fost l-oħrajn tridha wkoll tal-paladina tal-ambjent. Iżda titlef kompletament il-vuċi fejn ikun hemm l-interessi ta’ żewġha.
Għamel sew l-MEP Laburista Daniel Attard li rrappurtaha lill-Ombudsman. Għamel sew kull min kiteb u ma beżax jesponiha għal dak li hi. Kull traba ta’ ħaddieħor ġabuha tidher ikbar minn travu iżda tagħhom jaħbuh. Ma tistax tkejjel lil ħaddieħor b’riga u titfa’ lilek għal kejl u skrutinju differenti u tippretendi li kollox jgħaddi b’mod inosservat u ma tiġix ikkritikata.
F'din is-saga ma narawx biss l-ipokrezija tal-istess Metsola iżda wkoll ta’ wħud mill-gazzetti lokali hekk imsejħa “indipendenti” li mhux biss ma tawx importanza u rappurtaġġ estensiv, mhux talli ma segwewx mill-viċin l-istorja minn Politico, talli saħansitra pruvaw jordmuha billi jitfgħuha f’paġni sekondarji. Jaħsbuhom boloh lin-nies!
Dejjem konna konxji mill-aġenda moħbija ta’ xi wħud iżda issa qed joħroġ bl-aktar mod evidenti li imbarkaw f’ħidma minn wara l-kwinti biex jimbuttawha ’l quddiem u jgħinuha fit-tentattiv tagħha li tipproġetta lilha nnifisha qisha xi divinità. Ara lil ħaddieħor jiddemonizzawh, lil ħaddieħor ikażbruh.
Iżda min hi Roberta Metsola? L-aħjar deskrizzjoni tagħha jagħtuhielek in-Nazzjonalisti stess. L-ewwel hi, it-tieni hi u jekk jifdal għaliha wkoll. Din kellha l-għajta u l-appoġġ biex tikkontesta għal Kap tal-PN u Kap tal-Oppożizzjoni iktar minn darba – 2017, 2019, u 2022.
Din dejjem ikkonfoffat mal-famużi klikek u warrbet kull min qatt seta’ jkun ta’ theddida imma qatt m’għamlet il-pass. L-importanti li tiggwadanja hi. Jgħidulek sħabha stess li kuntenta żżomm il-Partit Nazzjonalista ostaġġ imma l-aqwa li hi jkollha s-sodda lesta għal kull ċirkustanza, basta fl-interess tagħha. Meta l-Partit Nazzjonalista veru kellu bżonnha fl-2022 għażlet li tibqa’ Brussell. Għalfejn? Għax il-flus ta’ Brussel sbieħ wisq għal Metsola. Mijiet kbar ta’ eluf għaliha, għal żewġha u għar-raġel t’oħtha. Ma setax jgħid aħjar Jason Micallef fil-Facebook post tiegħu, għal Metsola tassew all in the family!
In-Nazzjonalisti jafu sew li l-but ta' Metsola ġie dejjem qabel l-interess tal-Partit tagħha, preferiet tibqa’ taqla’ l-mijiet tal-eluf u ma tiġix Malta għal ftit boqxiex. X’differenza mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, Miriam Dalli, Louis Grech u Edward Scicluna, li ħallew karriera Ewropea warajhom biex jiġu u jagħtu servizz lil Malta u l-Partit tagħhom. Hekk jagħmel min tassew iħobb lill-Partit u lill-pajjiż.
X’differenza minn Alex Agius Saliba li mhux bil-paroli biss jgħid li jħobb lill-Partit tiegħu iżda b’mod konkret se jżid l-impenji tiegħu lokalment biex jagħti kontribut lill-Partit tiegħu, persuna li għall-kuntrarju tagħha dejjem kien konsistenti fil-pożizzjonijiet li ħa f’Malta u Brussell.
Dwar l-inkonsistenza jkolli ċans nikteb darb’oħra. Fuq is-suġġett hemm ħafna xi tgħid. Fil-frattemp se nżommu lil Metsola taħt skrutinju mhux biss fejn jidħol in-nepotiżmu u l-kunflitt ta’ interess li għandha, iżda wkoll dwar il-famużi riformi li wegħdet wara l-iskandlu QatarGate u li s’issa għadhom biss kliem fieragħ!