Albert Buttigieg | Il-familji mill-Etjopja
‘Hawn Maltin, xi wħud minnhom jiftaħru li huma Nsara, u fuq il-Facebook tagħhom ħlief ritratti tal-qaddisin m’għandhomx biex imbagħad fi kliemhom u għemilhom huma razzisti’ - Albert Buttigieg
F’dawn l-aħħar jiem, persuni mill-Etjopja u li ilhom jgħixu fostna għal diversi snin, xi wħud saħansitra ġew fostna bħala tfal 20 sena ilu, qed jiġu arrestati bl-għan li jiġu deportati lura lejn l-Etjopja.
Dawn il-persuni u l-familji tagħhom mhumiex kriminali. Qatt ma kienu involuti f’attivitajiet antisoċjali ta’ ġlied jew inkella qatt ma mexxew xi burdell f’Paceville. Qatt ma biegħu d-drogi fil-ġnien ta’ Spinola jew sawtu lil ħaddieħor!
Le, dawn il-persuni m’għamlu xejn minn dan! Kulma għamlu huwa li ppruvaw jibnu futur aħjar għalihom u għal uliedhom. Ġew f’pajjiżna għaliex riedu futur aħjar. Għalihom pajjiżna offra tama u speranza. Matul is-snin li ilhom fostna mhux biss ħadmu bl-għaraq ta’ ġbinhom b’mod legali, ħallsu t-taxxi kollha dovuti, taw kontribut lill-ekonomija ta’ pajjiżna imma anke integraw fis-soċjetà tagħna.
Issa, dawn il-persuni qegħdin jiġu arrestati bil-pulizija u l-midja tal-Gvern tagħmel show minnhom! Dawn il-persuni qegħdin issa jistennew jiġu deportati flimkien mat-tfal tagħhom li twieldu matul is-snin f’pajjiżna.
Id-deportazzjoni ta’ dawn it-tfal/familji mhux biss hija inaċċettabbli, inumana imma għal dawn it-tfal, pajjiżna huwa l-unika pajjiż li jafu! Għalihom, Malta hija darhom u pajjiżhom! Jekk dawn it-tfal ikunu deportati, flimkien mal-ġenituri tagħhom, żgur li se jgħaddu minn trawmi kbar. Hija fuq il-kuxjenza tal-Gvern (jekk għandu) li jifhem minn xiex dawn it-tfal jistgħu jgħaddu minnu! Anke l-Kummissarju tat-Tfal tkellmet dwar dan.
Għaldaqstant, huwa fl-interess tat-tfal u tal-familji tagħhom li jkunu mħarsa d-drittijiet fundamentali li jibqgħu jgħixu f’ambjent sigur.
Il-Gvern Malti għandu għaldaqstant joħroġ skema ta’ regolarizzar u jingħataw il-protezzjoni meħtieġa hekk kif imniżżel fil-konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal. Dan jista’ jsir jekk tinħareġ skema li tagħti ‘residenza fit-tul’ jew inkella ‘ċittadinanza temporanja’, speċjalment għal dawk it-tfal li spiċċaw jew qegħdin fl-iskola obbligatorja jew f’istituti edukattivi oħrajn.
Hija ironika li l-Gvern Laburista, li jiftaħar li huwa partit li jieħu ħsieb iż-żgħir, laqa’ b’idejh miftuħin persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija bl-eluf ta’ ewro, imma mbagħad lil dawn il-persuni u l-familji tagħhom qiegħed jimxi magħhom daqshekk b’mod inuman. Dan huwa eżempju ieħor li l-Gvern fejn irid u ma’ min irid huwa b’saħħtu maż-żgħir imma mbagħad huwa dgħajjef ma’ min huwa korrott u ħalliel. Filwaqt li l-Gvern jiftaħar li jemmen f’integrazzjoni, joħroġ ċar li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan serju ta’ integrazzjoni imma għandu biss pjan ta’ deportazzjoni. Jidher ċar li l-Gvern jinsab f’paniku sħiħ wara r-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet u qed jaħseb li dan huwa l-unika mod kif jikkalma s-sitwazzjoni! Il-Gvern ma jistax jammetti li huwa l-problema u mhux dawn il-familji!
Nemmen li jkun żball jekk nippruvaw inpoġġu lil dawn il-persuni bħal donnu li huma l-problema ta’ dan il-pajjiż! Filwaqt li l-problema ta’ żieda tal-popolazzjoni ġabha l-Gvern Laburista stess għaliex m’għamel l-ebda pjan serju fit-tul u issa jinsab f’paniku sħiħ, ikun żball jekk wieħed jitfa’ lil kulħadd f’borma waħda, aktar u aktar meta dawn il-persuni/familji ilhom fostna fil-paċi u mingħajr problemi ta’ xejn għal 20 sena!
Jekk il-Gvern ikompli jwebbes rasu jew inkella jagħti widen għal dak li qegħdin jgħidu xi persuni razzisti, il-Gvern ikun tilef opportunità li jgħin lil dawn il-persuni u l-familji tagħhom ikunu ċittadini onesti f’pajjiżna! Dan iwassal biex pajjiżna jitlef ċans li jkollu ċittadini onesti.
Sfortunatament hawn Maltin, xi wħud minnhom jiftaħru li huma Nsara, u fuq il-Facebook tagħhom ħlief ritratti tal-qaddisin m’għandhomx biex imbagħad fi kliemhom u għemilhom huma razzisti. Min huwa Nisrani ma jistax ikun razzist. Il-fidi Nisranija hija ċara daqs il-kristall. L-istorja umana turina li meta popli jinħakmu mid-diskorsi razzisti, jispiċċaw jitwettqu kriminalitajiet orribbli.
Għaldaqsatant, hija r-responsabbiltà tagħna l-politiċi, ta’ liema twemmin politiku, li nħarsu dejjem id-dinjità umana, dejjem u kullimkien! Huwa fid-dmir tagħna nħeġġu u nagħmlu politika li tħares id-dinjità umana. Għalhekk ma nistgħux inwettqu biss politika li togħġob u li hija popolari imma għandna responsabbiltà li nwettqu politika li tagħmel is-sewwa u l-ħaqq.
Ngħid għalija, dħalt fil-politika mhux biex nieħu s-selfies jew indur il-festi jew biex insaħħan is-siġġu fil-Parlament, imma biex inkun vuċi assertiva għal dak li huwa sewwa u vera, anke jekk mhux kulħadd jitbissimli.
Dak li se jwettaq il-Gvern żgur mhuwiex f’ismi u f’isem tant Maltin onesti.