Editorjal | Traġedja doppja
'Dan il-ġurnal flimkien mal-gazzetta oħt MaltaToday jemmen li wasal iż-żmien li ma nkomplux naħarbu minn din ir-realtà kerha, nibdew naffaċċjaw l-istigma u nitkellmu dwar din il-problema'
Il-mewt ta’ Karl Gouder, eks-deputat parlamentari Nazzjonalista, wera fuq kollox li Gouder kien maħbub u rispettat minn kulħadd. Il-mewt ħasdet il-kulħadd u kienu ħafna li bdew jistaqsu – Għaliex? Għalfejn?
Kulħadd jaf li din ma kinitx sempliċiment mewt iżda suwiċidju. Ma nistgħux ninħbew milli nirrakontaw dan il-fatt.
Dan il-ġurnal flimkien mal-gazzetta oħt MaltaToday jemmen li wasal iż-żmien li ma nkomplux naħarbu minn din ir-realtà kerha, nibdew naffaċċjaw l-istigma u nitkellmu dwar din il-problema. Mingħajr ma nkunu sensazzjonali jew kattivi.
Il-mewt ta’ Gouder wassal biex ikun hawn ħafna għajdut. Għajdut bla provi u għajdut li bħas-soltu rajna u qrajna ġejjin mill-istess persuni li jippreżentaw lilhom infushom bħala orakli tas-sewwa.
Persuni li xi wħud minnhom lanqas jgħixu Malta u li moħħhom biss biex jagħmlu click bait u li jirrepettu qlajjiet u jgħajjru lil kulħadd, filwaqt li jkunu sensazzjonali għall-aħħar.
Ħadd ma jaf x’wassal lil Gouder biex jieħu dan il-pass, imma għandha nkunu prudenti.
F’mument bħal dan l-pulizija għandhom id-dmir li jaraw li ma kien hemm xejn minn dak li qed nisimgħu. Alla ħares kien hemm.
Minn naħa l-oħra għandha bżonn naffaċċjaw il-kruha tas-suwiċidju mingħajr ma noqgħodu lura. Għandha bżonn nittrattaw dan is-suġġett bis-serjetà u mhux inħallu dan is-suġġett għall-prima donni li qed jippużaw ta’ esperti fuq dan is-suġġett. Dan filwaqt li għandna bżonn nieħdu l-azzjonijiet kollha biex nevitaw li persuni jaslu biex jagħmlu dan il-pass.
Il-mewt ta’ Gouder kienet daqqa momentarja għall-Partit Nazzjonalista, bil-mewt tiegħu iseħħ ftit jiem wara li beda’ jispera li Gouder ikun is-segretarju ġenerali minflok Michael Piccinino. Dan tal-aħħar għażel li jitlaq mill-kariga ta’ Segretarju Ġenerali f’mument meta l-PN kellu bżonn kontinwita u mhux skossi.
Karl Gouder bħal kull bniedem ieħor seta’ kellu difetti. Li nafu fiċ-ċert li b’mod universali kien ikkunsidrat bħala persuna pożittiva.
Insellmu l-memorja tiegħu u nitolbu li l-mewt tiegħu twassal biex ikun hemm reazzjoni kostruttiva, tħassib serju u azzjoni konkreta biex nieħdu miżuri ħalli kemm jista jkun nies oħra li jgħaddu minn dan il-ħsieb jiġu salvati qabel ma jkun tard.