Editorjal | 60 sena ta’ Indipendenza
'Sittin sena fihom. U f’dawn is-sittin sena ma nistgħux immaqdru biss... imma rridu nistaqsu jekk sittin sena oħra Malta rriduhiex pajjiż li tista’ tgħix ġo fih jew mekka ta’ negozji differenti jorbitaw fi gżira ċkejkna, imbullata bin-nies u kerha b’torrijiet tal-konkrit u fgata bil-karozzi'
Sittin sena fihom. U f’dawn is-sittin sena ma nistgħux immaqdru biss. Illum Malta hija pajjiż sovran, Repubblika b’ġens ambizzjuż, intelliġenti, kolt, moħħu fil-flus, Ewropew u demokratiku. Niftaħru bi kwalità ta’ ħajja tajba, propjetarji ta’ djarna, ngħixu solidali ma’ xulxin b’xibka ta’ għajnuniet soċjali, ta’ saħħa u edukazzjoni. Hawn firxa wiesgħa ta’ nies b’ġid viżibbli: karozzi lussużi, dgħajjes, djar f’Għawdex u fi Sqallija, negozji u investimenti. Ekonomija vibranti fl-oqsma kollha. Turiżmu varjat u investiment fi proġetti ġodda. Politika ħajja u midja niggieża. Għandna minn kollox. U rajna minn kollox. Matul dawn is-sittin sena kien hemm żminijiet koroh, fejn ħsibna li kien hawn żewġ pajjiżi u żewġ ġnus; fejn għexna u nibqgħu ngħixu l-korruzzjoni.
Fuq medda ta’ sittin sena, rajna d-dominanza ta’ żewġ partiti politiċi, l-irrilevanza tal-Knisja fis-soċjetà tagħna, ir-rivoluzzjoni soċjali tas-soċjetà Maltija, l-investimenti fis-saħħa, is-suq ħieles li sploda bejn il-limiti, il-konnettività li żdiedet b’mod konsiderevoli, l-influwenza tal-Ewropa, l-etika fil-politika u l-multikulturaliżmu f’pajjiżna.
Imma apparti hekk rajna numru ta’ okkażjonijiet b’assenza totali ta’ viżjoni għal pajjiżna b’politiċi ta’ kull lewn jaraw biss sa mneħirhom. Fis-sens li ħafna drabi kien hemm deċiżjonijiet xprunati biss minn konsiderazzjonijiet elettorali. Nazzardaw ngħidu li dejjem u kull darba li ttieħdet deċiżjoni, ir-raġunijiet prinċipali kienu elettorali – BISS.
Huwa għalhekk li llum f’pajjiżna, għandna sitwazzjoni li persuni jilħqu l-iktar għax huma ta’ ġewwa u fdati mill-partit fil-Gvern. Il-kultura ta’ nepotiżmu mhux biss hija aċċettata imma mistennija mingħand dawk li jeleġġu l-partit tagħhom fil-gvern.
Hemm imbagħad il-politika dwar l-ippjanar, politika maħsuba biex taqdi lil min jiżviluppa u jiffinanzja l-partiti politiċi. U huwa għalhekk li Malta u Għawdex ġibnieha maqjel, b’monumenti ta’ konkrit, u kruha ta’ post.
Hemm imbagħad il-politika li l-Gvern jappoġġja oqsma differenti mingħajr ma jara min jiflaħ u ma jiflaħx. Is-sussidju tal-fuel, tal-istipendji, tal-iskejjel privati, tal-lukandi, ta’ ċerti negozji u attivitajiet kummerċjali.
Hemm ħafna affarijiet, fosthom li għandna gvern kbir wisq. Kulħadd impjegat mal-Gvern u kulħadd dipendenti fuq il-Gvern.
Hemm il-kwistjoni serja ta’ kif nittrattaw il-migranti f’pajjiżna jew in-nies tat-tielet dinja.
U fl-aħħar, irridu nistaqsu jekk sittin sena oħra Malta rriduhiex pajjiż li tista’ tgħix ġo fih jew mekka ta’ negozji differenti jorbitaw fi gżira ċkejkna, imbullata bin-nies u kerha b’torrijiet tal-konkrit u fgata bil-karozzi.
Irridu nistaqsu jekk irridux inkomplu ngħixu f’pajjiż mingħajr boxxla. Fejn l-uniku pjanijiet huma dawk imfasslin biex il-politiċi li jmexxuna mingħalihom iżommu n-nies kuntenti u leali lejn il-partit tagħhom. Biex huma jkunu jistgħu jkomplu jgħixu l-ħajja komda tagħhom.