Editorjal | Min għandu l-bajd f’idejn min

'Dan hu pajjiż fejn min jiżviluppa għandu lill-Gvern u lill-partiti mill-bajd. Meta l-PL u l-PN ġew pressati jekk qattx iltaqgħu ma’ Anton Camilleri Tal-Franċiż, ma kien hemm ebda risposta. Lanqas jistħu. Paroli għandhom kieku'

Karikatura minn Mikiel Galea
Karikatura minn Mikiel Galea

Ma kienx hemm folla kbira ta’ nies fil-protesta quddiem fejn ġej l-iżvilupp ta’ Villa Rosa. Imma ma jfissirx li n-nies mhumiex irrabjati. Ma jfissirx li l-Gvern għandu jkompli jittratta n-nies ta’ tapit. 

Illum ġibna l-awtorità tal-ippjanar, awtorità li tittimbra proġett u mhux ieħor. U b’kull rispett lejn kulħadd huwa minnu li kull proġett jingħata l-istess trattament. 

Mhux il-każ. 

Dawk li jitilgħu t-taraġ ta’ Kastilja jingħataw iktar widen minn ħaddieħor. Mhux għax aħna favur proġett jew ieħor, imma ara l-proġett ta’ Kemmuna, lanqas kelma waħda li hija waħda. Imbagħad oħrajn għax ikollok żviluppatur li ma ħabbatx bieb wieħed imma kollha li huma, alla jbierek tara l-proġett tiegħu on the fast track. 

L-argument tal-Gvern huwa li dawn il-proġetti qed isostnu l-ekonomija ta’ Malta. Imma ħadd mhu qed jistaqsi x’inhu l-effett ta’ dan kollu. 

Ħadd ma qed jistaqsi x’qed jiġri meta niftħu l-bibien għal iktar żvilupp. 

Dan hu pajjiż fejn min jiżviluppa għandu lill-Gvern u lill-partiti mill-bajd. Il-gazzetta oħt, MaltaToday, staqsiet lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista jekk qattx iltaqgħu ma’ Anton Camilleri (Tal-Franċiż). Ma kien hemm ebda risposta. Lanqas jistħu. Paroli għandhom kieku. 

Lanqas dubju m’għandna li Tal-Franċiż iltaqa’, kemm ma’ Abela, kif ukoll ma’ Grech. 

U l-gazzetta oħt staqsiet ukoll jekk qattx irċevew flus mingħand Tal-Franċiż u għat-tieni darba kien hemm silenzju totali … li jfisser li xi ħaġa hemm. 

U din inkwentanti. 

Tajba din, mela Ċikku Borg jekk jersaq il-bank b’€4,000, €5,000 jew €10,000 jew iktar f’cash, il-bank jagħmel il-ħajja ta’ dak li hu martirju imma jekk Partit Politiku jagħmel hekk ma jimpurtax. 

U xi ngħidu wkoll għall-fatt li meta żviluppatur itik flus mhux dikjarati jfisser li għandek obbligu lejn dak li jkun? 

U ara ma taħsbux li huma affarijiet li ma sarux. 

Għal snin sħaħ il-partiti tagħna kienu mixtrija minn dawn il-forzi ekonomiċi ... iktar milli qatt ħsibna. 

U dan jafu kulħadd. 

Il-karba tan-nies mhux dejjem tkun pubblika jew vokali. Ħafna drabi tkun elettorali. 

Ejjew ninsew għal mument il-PN li llum hu mmexxi bl-auto pilot minn persuna mingħajr viżjoni u kompetenza. 

Intant inħarsu lejn il-PL immexxi llum minn Robert Abela. 

Fl-2017 ivvutaw 170,976 għal-Labour. Fl-2022 ivvutaw 162,707 għal-Labour, u fil-Parlament Ewropew ivvutaw 117,805 għal-Labour. 

Trid tkun agħmi biex ma tindunax li hemm xi ħaġa ħażina, agħmi li jargumenta li s-sondaġġi huma ħżiena u manipulati. 

Jekk hemm xi ħaġa li mhix manipulata, hi li l-partiti għandhom il-bajd tagħhom f’idejn l-iżviluppaturi. 

More in Politika