Editorjal | L-elezzjoni Amerikana: id-demokrazija fi kriżi
'Imbagħad nassistu għall-Ambaxxata Amerikana tipprietka mal-Maltin u l-midja, li Malta għandha problema bis-saltna tad-dritt. Ħdejn l-Istati Uniti aħna fjur. Ħdejhom, il-politika tagħna hi normali'
Jiġri x’jiġri fl-Istati Uniti tal-Amerka bejn Kamala Harris u Donald Trump, nafu biċ-ċert li l-Istati Uniti tilfet il-kumpass u mhux ta’ b’xejn li kull fejn inħarsu naraw kriżi eżistenzjali fid-demokrazija tal-Punent.
Anke jekk ma jirbaħx Trump – minkejja li hemm ċans li jirbaħ – il-fatt li wasal fejn wasal, sinjal ta’ kif min iffroda, gideb, stupra u safrattant sfida riżultat elettorali u ħeġġeġ insurezzjoni kontra l-kungress Amerikan, jibqa’ rilevanti għall-votant Amerikan.
Il-fatt li kważi 50% tal-Amerikani jaħsbu li m’għamel xejn ħażin, huwa prova ta’ kemm hu miskin dan il-poplu. Miskin aktar meta tisma’ l-argumenti politiċi bbażati fuq il-gideb u l-ħrejjef. Politika mibnija fuq il-mibegħda u t-tgħajjir.
Imbagħad nassistu għall-Ambaxxata Amerikana tipprietka mal-Maltin u l-midja li Malta għandha problema bis-saltna tad-dritt. Ħdejn l-Istati Uniti aħna fjur. Ħdejhom, il-politika tagħna hi normali.
Li jirbaħ Trump ifisser problemi kbar għall-Ewropa fil-kuntest ta’ gwerra fl-Ukrajna. U realtà kerha għall-paċi fl-Ewropa. Ifisser ukoll sfida kbira għall-esportazzjoni bejn l-Ewropa u l-Amerka.
U min-naħa l-oħra, għall-Malta, irridu nkunu sinċiera, mhux se jkun hemm tibdiliet kbar. Forsi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurtà fil-Mediterran, Harris u Trump iħarsu lejn il-kriżi fil-Palestina u l-Libanu bl-istess mod. Għalihom, il-Palestinjani u l-Għarab huma persuni tat-tieni klassi, trattati agħar mill-annimali sejrin għall-qatla.
Fid-diskorsi sbieħ u elokwenti ta’ Harris dwar id-dinjità, qatt ma nisimgħu kliem preċiż dwar it-tbatijiet tal-Palestinjani u l-Libaniżi mill-ħruxijiet bla qies tal-Gvern ta’ Netanyahu. Harris tista’ tkun liberali għall-argumenti tal-abort u meta tiġi għall-ħajjiet tat-tfal u tan-nisa Palestinjani tiġi taqa’ u tqum.
Harris, bħal Biden, uriet li meta tiġi għas-si u n-no, lesta tarmi l-prinċipji u ddur kontra s-sewwa magħruf. Bħalma ġara fil-każ tal-fruntiera mal-Messiku u l-politika fil-Lvant Nofsani! Rajna l-Amerka żżoqq lil Iżrael biljuni f’armamenti u fl-istess nifs tiddikjara li hemm bżonn li n-nisa u t-tfal m’għandhomx ikunu l-mira ta’ attakki bil-bombi. Nafu x’ġara, Iżrael għamlet kif għamlu n-Nażisti f’Varsavja u daħnu kulm’hemm. Ġabu l-Gaża tapit ta’ terrapien u partijiet mil-Libanu l-istess.
L-Istati Uniti, f’kull qasam, huwa eżempju ħaj ta’ dak kollu li ma rridux inkunu. Materjalisti, nies bla kultura, injoranti, egoisti, konsumeristi u favur l-armi, nies b’kultura ta’ films u TV fejn il-vjolenza tiġi eżaltata, nies b’politika ta’ aħna u intom, pajjiż b’intolleranza għall-ġnus tat-tielet dinja, u pajjiż b’viżjoni fejn l-interess tagħhom jibqa’ suprem fuq kull ġens u pajjiż ieħor.
Dan ifisser li fadlilna triq waħda u din hija li niddependu aktar fuq l-Ewropa, minkejja d-diverġenzi kbar u d-dgħufija ta’ ħafna mill-Istati li huma dominanti fl-UE.