Owen Bonnici | Malta: Qalb kbira b’ekonomija b’saħħitha

'Aħna daqsxejn ta’ gżira, imma b’qalb kbira u b’ekonomija b’saħħitha. Għalhekk li Malta hija suċċess. Issa minn dan is-suċċess se jgawdi kulħadd'

Il-Baġit 2025 intlaqa' b’mod tajjeb minn kulħadd. Bir-raġun … għax kien baġit għaqli li jippremja l-bżulija u jassigura qabża ta’ kwalità fil-livell tal-għejxien tal-familji Maltin u Għawdxin. 

Ilni biżżejjed fil-politika biex inħoss li meta baġit jintlaqa’ tajjeb, ikun tabilħaqq intlaqa’ tajjeb. Dan kien wieħed minnhom. In-nies turik. Jien qatt ma nieqaf indur id-djar u niltaqa’ mal-familji. Is-sentiment tħossu. 

Fl-aħħar ftit snin bdejt inħoss sentiment partikolari. In-nies japprezzaw li għandna ekonomija b’saħħitha, u allura aktar flus fil-but u xogħol aħjar għaż-żgħażagħ tagħna. 

Jien niftakar żmien, qabel l-2013, meta kont nidħol fid-djar u n-nies jgħiduli kif saret impossibbli jlaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum, u mal-għoli tal-ħajja esaġerat. L-aktar li kienu jissemmew kienu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li Gvern Nazzjonalista kien żied bil-goff. Imma kien hemm ukoll problema ta’ ħolqien tax-xogħol. 

Meta l-Labour tela’ fl-2013, beda jwettaq bidliet kbar li wasslu għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu ħafna. Indirizza mill-ewwel il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-għoli tal-ħajja. 

Dan il-progress kompla kemm ilu l-Labour fil-Gvern. Imma issa wasalna fi stadju ta’ sfidi differenti. In-nies illum, filwaqt li jħossu l-ġid maħluq mit-tkabbir ekonomiku, jistennew, u bir-raġun, kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar. 

Għalhekk iridu aktar spazji miftuħa biex igawduhom mal-għeżież tagħhom; arja aktar nadifa; ħaddiema barranin li tabilħaqq ikun hemm ħtieġa għalihom; turiżmu ta’ kwalità aktar milli kwantità; immaniġġjar aħjar tat-traffiku u affarijiet oħrajn li jħossu li jżidulhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom. 

Gvern Laburista dan fehmu u fehmu sew. 

Il-Baġit 2025 kien pass f’din id-direzzjoni. 

Allura llum nitkellmu dwar aktar flus fil-but – u l-Baġit 2025 ta l-akbar tnaqqis fit-taxxi li qatt ingħata, imma wkoll proġetti u inizjattivi biex, apparti l-flus fil-but, il-familji jkollhom kwalità aħjar tal-ħajja. 

Proġetti kbar li minnhom igawdu n-nies 

Bħala Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, id-dover tiegħi hu li nimbotta kemm niflaħ biex insaħħu r-riżorsi disponibbli.  

Imbuttajt biex ikollna aktar investiment fir-restawr ta’ fortifikazzjonijiet u binjiet storiċi f’pajjiżna. Fl-2025 se jkomplu jew jibdew, xejn anqas minn 40 proġett ta’ restawr f’Malta u f’Għawdex. 

Dawn huma proġetti ta’ fejda li minnhom igawdu l-familji. Wara ġimgħa ta’ xogħol, il-familji jmorru f’dawn il-postijiet u jistrieħu u jgawdu mal-għeżież tagħhom. Dawn huma proġetti diretti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. 

Il-Cultural Hub fil-Marsa 

Proġett kbir għas-sena d-dieħla se jkun il-Cultural Hub fil-Marsa. Hawnhekk se nniedu l-ewwel fażi tal-proġett tant mistenni mhux biss mill-entużjasti tal-Karnival imma minn kull min iħobb l-arti u l-kultura. 

Dan il-proġett attira investiment ta’ €15-il miljun minn fondi Ewropej u mistenni jitlesta sat-tmiem tal-funding period. Din kienet waħda mill-wegħdiet ewlenin fil-manifest Laburista tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Dak li nwiegħdu, nwettquh. 

Festivals, Mużika u Arti 

Baġit 2025 miżgħud bi proġetti ġodda għall-oqsma tal-arti u l-kultura. Festivals Malta se tkompli ttella’ festivals kbar li jiġbdu lejhom eluf ta’ Maltin u turisti. Il-Malta Philharmonic Orchestra se ttella’ kunċerti tal-ogħla kwalità li jitgawdew mill-Maltin u jiġbdu lejn Malta turisti ta’ kwalità. L-Arts Council Malta se jibgħat, għall-ewwel darba, artisti Maltin bil-Biennale tal-Arti tal-Korea t’Isfel. Se mmexxu l-applikazzjoni biex waħda miż-żewġ entitajiet bejn ir-reġjun Port/il-Birgu jew ir-reġjun Għawdex/ir-Raba’, ikunu magħżula mill-EU bħala l-Belt Kulturali Ewropea fl-2031. Se nkomplu nsaħħu l-Festa Maltija u ngħinu l-Każini u s-Soċjetajiet tal-Baned. 

Ġejjieni mill-isbaħ 

Nistqarr li fil-qasam tal-wirt nazzjonali, l-arti u l-gvern lokali ġej żmien mill-isbaħ. 

Ħa nkun ċar: xejn minn dan ma seta’ jsir li kieku ma kellniex ekonomija b’saħħitha. F’pajjiżi oħra Ewropej il-gvernijiet qed jixxaħħu man-nies għax flus m’għandhomx. Araw x’ġara fl-Ingilterra. Fl-ewwel baġit tiegħu, Gvern Laburista, għax wiret sitwazzjoni ekonomika diffiċli mill-gvern konservattiv ta’ qablu, kellu jżid it-taxxi fl-ewwel baġit tiegħu. 

Aħna daqsxejn ta’ gżira, imma b’qalb kbira u b’ekonomija b’saħħitha. Għalhekk li Malta hija suċċess. Issa minn dan is-suċċess se jgawdi kulħadd. 

More in Politika