Editorjal | It-tagħlima Amerikana

'Jidher li aktar min-numri ta’ nies u kif se jivvotaw, kien hemm l-exit polls li kienu indikattivi fejn kienet sejra l-elezzjoni. Exit polls li kienu qed jagħmlu l-mistoqsija dwar it-tħassib tagħhom'

Ma noqogħdux nimmaġinaw li d-dinja hi differenti. Dak li naraw f’elezzjonijiet barra minn Malta għandu l-istess dinamika kullimkien. Mill-elezzjonijiet fl-Amerka tgħallimna li, kuntrarjament għal dak li nixtiequ, il-korruzzjoni, il-frodi, l-istupru u l-medjokrità m’għandhom l-ebda effett fuq kif jivvotaw in-nies. Dan għaliex kien hemm żewġ suġġetti li kienu aktar ta’ prijorità għan-nies: L-ekonomija u l-immigrazzjoni. Aħna ma tantx qegħdin ’il bogħod minn din ir-realtà. 

Il-fatt hu li minkejja li n-numri u l-istatistika juru li l-Amerka mhix sejra ħażin, anzi sejra mhux ħażin, in-nies qed iħossu li l-ħajja għoliet waħda sostanzjali. 

U l-immigrazzjoni u l-influss ta’ migranti mill-fruntiera tal-Messiku kien tassew problema serja. 

L-argumenti l-oħra fuq id-dritt għall-abort, is-saltna tad-dritt, il-fatt li Trump huwa perikoluż b’dak il-poter kollu f’idejh, kif ukoll argumenti oħra marbuta mal-politika internazzjonali ta’ Trump ma tantx werwru lin-nies. 

Analiżi Amerikana mhix se ssir f’dawn il-kolonni. Li se ngħidu huwa li jekk il-Gvern Laburista jaħseb li għax jiftaħar bin-numri se jirbaħ il-qlub kollha, għandu żball. Il-perċezzjoni hija ferm aktar importanti mir-realtà. 

Min-naħa l-oħra, jekk il-Partit Nazzjonalista se jibni l-kampanja kollha tiegħu fuq in-negattività hemm ċans kbir li jiġi mwarrab ukoll min-nies. Li hu minnu hu li n-nies ftit li xejn jimpurtahom mill-korruzzjoni jew l-etika sakemm ma tmissx lilhom direttament, jew jistgħu jimmaġinaw li tolqothom personalment. 

Kien hemm żvolta oħra f’dawn l-elezzjonijiet – is-sondaġġi. U hawnhekk ukoll kien hemm riżultati li kienu ferm ’il bogħod mir-riżultat aħħari. Vera kien hemm il-margin of error. Imma ħadd, lanqas il-kampanja ta’ Trump ma immaġinaw żvolta daqstant kbira. 

Jidher li aktar min-numri ta’ nies u kif se jivvotaw, kien hemm l-exit polls li kienu indikattivi fejn kienet sejra l-elezzjoni. Exit polls li kienu qed jagħmlu l-mistoqsija dwar it-tħassib tagħhom. Mill-ewwel riżultati deher ċar li l-ekonomija u l-immgrazzjoni kienu prijorità għan-nies, u d-demokrazija u l-abort l-aħħar oġġetti ta’ inkwiet. 

F’elezzjonijiet importanti niftakru li hemm tellief u rebbieħ. Xi kultant ir-rebbieħ ma jrid jagħmel xejn ħlief jistenna u ... 

More in Politika