Albert Buttigieg | Baġit soċjali ta’ kwalità?
'Hekk nista’ ngħid għall-baġit li kellna. M’għandi l-ebda diffikultà nistqarr li hemm numru ta’ miżuri li huma ta’ benefiċċju u appoġġ liċ-ċittadini tagħna. Allaħares le... iżda tajjeb nagħrfu li dawn huma biss parti mis-soluzzjoni u mhux kollox.
“Pajjiż li joffri serenità. Pajjiż li joffri serħan il-moħħ lill-anzjani. Pajjiż ta’ kwalità.”
Dawn huma l-aħħar kelmtejn mid-diskors tal-baġit ta’ din is-sena. Huwa kliem sabiħ, minsuġ tajjeb u li jwassal messaġġ pożittiv. Imma, kif ngħidu bil-Malti, “bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.” Fil-qosor, bejn dak li tgħid u dak li hemm fir-realtà, hemm differenza. Jekk wieħed joħroġ għonqu mill-eco chamber tiegħu għandu jsib li hemm ftit differenza!
Hekk nista’ ngħid għall-baġit li kellna. M’għandi l-ebda diffikultà nistqarr li hemm numru ta’ miżuri li huma ta’ benefiċċju u appoġġ liċ-ċittadini tagħna. Allaħares le.
F’kull baġit li kien ippreżentat matul is-snin dejjem kien hemm numru ta’ miżuri tajbin. Għaldaqstant, ma nistax ma nsemmix it-twessigħ tal-bands tat-taxxa, iż-żieda taċ-children allowances u l-għajnuniet għall-familji li għandhom persuni b’diżabbiltà.
Dawn il-miżuri kollha jagħtu lil dan il-baġit timbru ta’ baġit soċjali. Fl-istess nifs, dan il-baġit jonqos li joffri soluzzjonijiet u viżjoni fit-tul. Donnu l-Gvern għandu preokupazzjoni li jfittex kif jagħti l-għajnuna llum mingħajr ma jaħseb għal għada. Donnu l-Gvern ibati mill-“here and now syndrome”. Fil-qosor, il-Gvern aktar moħħu li jagħti l-“ħuta” milli jagħti l-“qasba”.
L-eżempji tal-“ħuta” u l-“qasba” huma eżempji klassiċi ta’ liema mudell ta’ politika soċjali wieħed iħaddan. Filwaqt li tajjeb li nagħtu l-“ħuta” u allura noffru l-għajnuniet kollha meħtieġa, irridu imma nagħmlu politika ta’ sostenn fit-tul. Bl-Ingliż dan jissejjaħ empowerment. Dan iwassal biex wieħed ma jibqax jiddependi fuq l-għajnuniet tal-istat imma joħroġ mill-vulnerabbiltà tiegħu u jimxi ’l quddiem.
Għaldaqstant, filwaqt li fil-baġit hemm numru ta’ miżuri ta’ għajnuna finanzjarja, tajjeb nagħrfu li dawn huma biss parti mis-soluzzjoni u mhux kollox. Il-problemi soċjali ma jiġux solvuti bil-flus biss! Hemm bżonn li wieħed jara l-għaliex – il-kawżi tal-vulnerabbiltà tal-persuna – u l-kif – ir-raġuni ta’ kif wieħed jista’ joħroġ mill-vulnerabbiltà.
Ħa nġib tliet eżempji mill-miżuri tal-baġit li jipprovdu biss il-“ħuta”.
-
Il-Pensjonijiet
Il-Gvern Laburista jħobb jakkuża lill-PN li ffriża l-pensjonijiet, filwaqt li l-PL dejjem għolliehom. Dan mhu veru xejn! L-ewwel nett, il-PL ma jistax jiftaħar bi friżar tal-pensjonijiet għaliex bejn l-1982 u l-1987, il-Gvern Laburista, mhux biss iffriża l-pensjonijiet, imma saħansitra ffriża l-pagi kollha tal-ħaddiema! Bejn l-1987 u l-2012, il-pensjonijiet żdiedu minn €2,318.80 għal €6,591.18, jiġifieri żieda ta’ €4,272.38! Tajjeb ngħidu wkoll li l-pensjonanti spiċċaw jieħdu l-COLA kollha mingħajr taxxa u li setgħu jkomplu jaħdmu wara d-data tal-irtirar waqt li xorta jibqgħu jgawdu l-pensjoni.
Issa, il-Gvern qed jiftaħar li ta lill-pensjonanti żieda ta’ €8. Fil-verità, huma ngħataw €2.76 fil-ġimgħa, għaliex €5.24 hija l-COLA li ħa kulħadd! Filwaqt li kull għotja hija aħjar mix-xejn, fir-realtà, €2.76 fil-ġimgħa fejn se twassalhom lill-anzjani? Kartuna ħalib u ħobża Maltija jiswew €2.10!
Imma lil hinn mill-“ħuta” il-Gvern naqas li jindirizza l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Fil-baġit m’hemm l-ebda viżjoni ta’ kif se jindirizza kwistjonijiet li jikkonċernawhom u li jagħtihom kwalità ta’ ħajja aħjar. Naqas li jindirizza s-solitudni, is-saħħa mentali, in-nuqqas ta’ sigurtà f’diversi lokalitajiet fid-dawl li l-għases tal-pulizija huma magħluqa, il-kwistjoni ta’ mobbiltà u n-nuqqas ta’ aċċessi, bankini u spazji miftuħa, il-mediċini out of stock u day/night shelters, u djar tal-anzjani fost oħrajn. Infakkar, il-PN fil-gvern kien daħħal diversi servizzi, fosthom meals on wheels, handyman, servizz ta’ helpers, u stair lifts biex l-anzjani verament ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar!
-
Cola addizzjonali
Fil-baġit hemm żieda addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja għal dawk il-familji li ma jaqbżux id-dħul medjan nazzjonali. Dan ifisser familji bi dħul baxx jew medju.
Filwaqt li din hija miżura tajba, fl-ebda mument fil-baġit ma jipprova jara min huma dawn il-persuni, għaliex jinsabu fejn jinsabu u x’passi se jittieħdu biex ma jibqgħux fi stat vulnerabbli.
Min jaħdem ma’ dawn il-familji jaf li hemm vulnerabbiltà interġenerazzjonali, jiġifieri li l-faqar jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan iċ-ċirku jista’ jitkisser biss bl-edukazzjoni. Fil-baġit m’hemm l-ebda ħjiel fuq l-assenteiżmu mill-iskejjel u l-illitteriżmu. Diversi tfal u żgħażagħ f’dawn il-familji jonqsu jattendu l-iskola u huma school drop outs. B’hekk jitkompla ċ-ċirku tal-faqar.
Fl-istess waqt li l-Gvern qiegħed jiftaħar b’din il-miżura li se jkun qed jolqot 100,000 familja, mingħajr ma jaf, qiegħed indirettament jammetti li l-faqar żdied fil-pajjiż! Dan għaliex din il-miżura, li issa ilha li daħlet fil-baġit għat-tielet darba, kull sena, l-ammont indikat mill-Ministru ta’ kemm familji se jgawdu minnha dejjem jikber!
Fil-fatt, fil-baġit tal-2023, il-familji li kienu se jgawdu kienu 80,000. Fil-baġit tal-2024 dawn żdiedu għal 95,000 u issa f’dan il-baġit, l-ammont ta’ familji tela’ għal 100,000! Fi kliem il-Ministru mid-diskors tiegħu ta’ paġna 29, jitqassam fost 100,000 familja bi kważi 200,000 dipendenti. B’hekk il-Gvern qiegħed jgħid li hawn 200,000 minn popolazzjoni ta’ 553,214 (2023) li għandhom dħul baxx!
Imbagħad il-Gvern jiftaħar li naqqas il-faqar fil-pajjiż!
-
Wild ġdid
Fil-baġit hemm żieda fil-bonus għat-twelid/adozzjoni. Dan qiegħed isir fid-dawl lir-rata tat-twelid f’pajjiżna hija waħda baxxa fl-Ewropa! Din hija problema kbira u serja. Dan ifisser li mhux qed jitwieldu biżżejjed trabi u allura se jkun hawn nuqqas ta’ nies u ħaddiema Maltin! Din se jkollha effett kbir fuq l-ekonomija, il-kultura, l-infrastruttura u t-tmexxija ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin!
Il-Gvern, biex jindirizza din il-problema u jħeġġeġ lill-koppji jkollhom tarbija, qiegħed jagħti €1,500 għal kull wild ġdid li jitwieled! Filwaqt li ninsab ċert li l-ġenituri jsibu x’jagħmlu bihom, taħsbu li minħabba din il-miżura, xi ħadd se jitħajjar iġib it-tfal? Min irabbi/rabba t-tfal jaf kemm wieħed irid flus!
Imma fil-baġit ma jagħti l-ebda indikazzjoni kif se jindirizza din il-problema. Nemmen li l-ewwel nett irridu nifhmu għaliex diversi koppji qegħdin jaqtgħu qalbhom li jkollhom it-tfal. Nemmen li hemm diversi raġunijiet ’l hinn minn l-aspett finanzjarju, fosthom problemi marbuta ma’ work life balance. Li l-Gvern jagħti aktar jiem ta’ leave lil missirijiet huwa pass tajjeb imma mhux biżżejjed. Hemm diversi miżuri oħra li wieħed irid ikollu l-kuraġġ politiku li jagħmel.
Konklużjoni
Nista’ nagħmel lista sħiħa fejn il-baġit naqas li jindirizza diversi kwistjonijiet b’viżjoni fit-tul, fosthom il-problema tad-droga, iż-żieda tal-popolazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa mentali u s-servizzi fil-komunità, il-vjolenza domestika, it-traffiku, ir-rimi tad-dranaġġ fil-baħar, il-kostruzzjoni bla rażan, in-noise pollution, u l-ambjent.
Huma dawn it-temi kollha li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadini.
Filwaqt li nerġa’ nsostni li fil-baġit hemm numru ta’ miżuri tajbin, nemmen li l-Gvern tilef opportunità oħra li jagħti soluzzjonijiet u viżjoni.