Editorjal | It-triq tista’ ma tkunx għan-niżla
'Ħafna drabi l-Prim Ministru jkun qed jirrispondi għall-kritika li tkun saritlu u mhux jixpruna idea jew jagħti bidu għall-inizjattiva politika'
Hemm sensazzjoni fil-Gvern li kollox għan-niżla. Qisu hemm is-sentiment li dan il-perjodu jixbah ħafna ż-żmien ta’ Lawrence Gonzi, meta fl-aħħar snin ta’ Prim Ministru kollox qisu beda jisfuma fix-xejn.
Biex inkunu ġusti ma’ Gonzi, hu kellu żvantaġġ ta’ maġġoranza ta’ deputat wieħed u apparti hekk kellu sitwazzjoni ekonomika ħażina.
Robert Abela min-naħa l-oħra għandu ekonomija b’saħħitha, kif ukoll maġġoranza komda. Imma min-naħa l-oħra għandu esperjenzi politiċi simili għal ta’ Gonzi fejn għandu nuqqas ta’ serenità man-nies ta’ madwaru. Meta ngħidu ħwejjeġ simili mal-perjodu Gonzi, irridu nfissru li ħafna deċiżjonijiet ikunu qishom isiru f’kuntest għalihom mingħajr rispett għal dak li qed jiġri madwar dak li jkun. Gonzi kien hekk. Kien jieħu deċiżjonijiet frott ta’ numru ta’ ċirkostanzi li jkunu ġraw dakinhar. U mingħajr ma jagħti kas l-affarijiet l-oħra. Kien ukoll persuna li ma jafdax.
U Gonzi kellu ħabta wkoll ibiddel id-deċiżjoni f’kemm ili ngħidlek.
Bosta ministri li għandhom ftit għarfien tal-istorja tal-politika jagħmlu dan ix-xebh.
Il-mistoqsija li qed jistaqsu ħafna nies fil-Partit Laburista hija waħda sempliċi. Xi jrid isir biex il-Gvern ma jibqax nieżel ’l isfel?
Ir-risposta hija waħda sempliċi.
Robert Abela, mhux biss irid jidher u jinstema’ jitkellem fuq suġġetti importanti, imma fuq kollox jidher li qed jaġixxi.
U n-nies iridu li l-azzjoni tkun waħda kredibbli u reali u viżibbli.
Irid ikun hemm ukoll inizjattiva qabel ma jinqala’ każ u mhux wara.
Ħa nieħdu żewġ eżempji.
L-ewwel: Il-Local Plans. Ma jistax ikun li l-Prim Ministru jitkellem u jgħid li jridu jinbidlu u ma jsir xejn. In-nies, jew aħjar l-opinjoni pubblika, trid tara fil-konkret x’inhuma dawn it-tibdiliet.
It-tieni: Il-każ sfortunat ta’ Amanda Muscat. Irid ikun hemm inizjattiva viżibbli li tindirizza l-kontabilità, mhux wara li jinqalgħu l-irwiefen kollha, imma qabel.
Ħafna drabi l-Prim Ministru jkun qed jirrispondi għall-kritika li tkun saritlu u mhux jixpruna idea jew jagħti bidu għall-inizjattiva politika.
Dan il-gvern għandu l-iktar ingredjent importanti f’idejh, ir-riċetta ekonomika. Hemm ċans kbir li jitlef kollox għax ma jkunx kapaċi jiddeċiedi jew ikun ċar dwar l-affarijiet.
Li kieku fuq in-naħa l-oħra hemm l-essenza, kieku Robert Abela jista’ jżarma. Iżda dan mhux il-każ.
Il-mazz f’idejh!