Ralph Cassar | Il-mistħija xi tkun?
'L-attitudnijiet ta’ ħafna ministri tul is-snin hija ta’ politiċi mdawrin b’kostitwenti li dejjem iridu. Mhux il-ġid tal-pajjiż, jew li jwettqu fil-prattika xi prinċipji li suppost iħaddan il-partit, iżda li jridu l-hekk imsejħa ‘pjaċiri’'
L-istorja ta’ Clayton Bartolo, u l-konsulenza finta li rregala Clint Camilleri lill-għarusa jew mara ta’ sieħbu issa ilhom iduru fl-istampa. Ir-risposti ta’ Amanda Muscat lill-Kumitat Parlamentari relevanti li ‘m’għamlu xejn ħażin’ għax xi manwal ma jsemmix eżattament it-taħwida li involvew ruħhom fiha ġew irrappurtati fid-dettall ukoll. Biex tkompli tagħqad, ħarġet ukoll l-istorja tat-tim taċ-ċikliżmu, mill-istati kollha tad-dinja, tal-Vatikan u l-konsulenza ‘ċiklistika’ imma xejn qaddisa ta’ Amanda Muscat.
Mhux il-każ li noqgħod nirrepeti kull punt u virgola tal-istorja. Il-mistoqsija li se nittanta nwieġeb hija: minn fejn ġejja din l-attitudni ta’ wiċċ qiegħed, ta’ nuqqas ta’ mistħija ta’ dawk involuti? Minn fejn ġejja l-attitudni sfaċċata ta’ Robert Abela, li ddefenda l-ħażin magħruf? Minn fejn ġejja l-marda antidemokratika, spjegata mill-famuża frażi li spiss kienu jkantaw partitarji tal-partiti tradizzjonali, ‘il-gvern tagħna u nagħmlu li rridu’?
Dan ir-ritornell naħseb li jispjega sew l-attitudnijiet ta’ nuqqas ta’ mistħija, nuqqas ta’ etika u n-nuqqas ta’ żvilupp ta’ għeruq demokratiċi fondi tul is-snin. Naħseb ukoll li hija attitudni influwenzata mill-mantra ta’ tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox. Li jekk tiflaħ tħawwel għandek tħawwel, irrispettivament mill-konsegwenzi fuq ħaddieħor. Għax l-ewwel il-familja, it-tieni l-familja, it-tielet il-familja, u ħaddieħor, familji wkoll, iżda ta’ ħaddieħor, jista’ jmur jixxejjer. Din narawha fl-attitudni ta’ gvern wara ieħor lejn l-iżvilupp rampanti f’pajjiżna. Minflok politika tal-ippjanar kellna u għandna n-nonpolitika tal-permessi. Minflok, pereżempju politika bbażata fuq kuntest u fuq bżonn, kellna u għandna bibien miftuħin beraħ. Mill-2006 żiedu l-għoli permess tal-bini, kważi kullimkien, f’daqqa, u bla ħsieb. Il-politika ta’ aħtaf u aħleb kemm tista’. Il-Labour mhux talli ma reġġgħux lura l-ħsara tan-Nazzjonalisti, imma la ġiehom iċ-ċans komplew fetħu l-bibien beraħ. Għax il-politika tat-tħanżir jadurawha u jħobbuha. X’ma jiħux iċ-ċans u jaġevola lil tal-familja l-ministru. Kif qalet Rosianne Cutajar wara kollox, la kulħadd jitħanżer, għaliex ma kellhiex titħanżer hi wkoll? Din hi l-attitudni. Żero politika, mija fil-mija tribù.
L-attitudnijiet ta’ ħafna ministri tul is-snin hija ta’ politiċi mdawrin b’kostitwenti li dejjem iridu. Mhux il-ġid tal-pajjiż, jew li jwettqu fil-prattika xi prinċipji li suppost iħaddan il-partit, iżda li jridu l-hekk imsejħa ‘pjaċiri’. Kelma pulita għall-korruzzjoni u n-nepotiżmu. Il-politika ta’ bejgħ tal-vot, mhux neċessarjament għall-flus, imma għall-interessi personali tiegħek u tal-familja. Il-komunità? Il-pajjiż? Dawn x’jaħbtu?
Mela għaliex għandu jistħi Clayton Bartolo meta jara lilu nnifsu bħala, fi kliemu stess, ‘il-leħen tal-poplu’? X’leħen hu? X’poplu hu? Dak li kiel l-għatba tad-dipartiment tal-pjaċiri (imsejjaħ ‘customer care’) tal-ministeru? Irid ikollok rasek kbira biex taħtar lilek innifsek bħala oraklu ta’ xi rieda popolari fittizja. Għax ‘il-poplu’ fil-verità ma jeżistix. Jeżistu interessi differenti, ideat u politika b’sisien u perspettivi differenti u l-proċess demokratiku ta’ kif suppost jittieħdu d-deċiżjonijiet. Huma fil-fatt id-dittaturi (u ħafna politiċi Maltin) li jgħidu li jitkellmu f’isem ‘il-poplu’. Ovvjament, min ma jaqbilx magħhom imma ma jagħmilx parti minn dal-‘blob’ imsejjaħ ‘il-poplu’.
Clint Camilleri mhux wisq anqas ‘tradizzjonali’. Għawdex għandu storja ta’ rġejjen u rejiet. Mhux ir-Reġina Vitoria biss, imma rġejjen u rejiet ironikament f’pajjiż repubblikan. Jissejħu l-Ministru għal Għawdex. Ministeru minn dejjem magħruf bħala magna tal-pjaċiri. Stejjer fil-passat ta’ każijiet fil-qrati fejn f’daqqa waħda x-xhieda jbiddlu l-verżjoni tal-istorja ta’ allegat abbuż ta’ poter, ta’ xogħol privat b’materjal imħallas minn fondi pubbliċi. Stejjer ta’ artefatti storiċi li jisparixxu ġo xi ġnien ta’ wieħed mir-rejiet tal-gżira. U n-nuqqas ta’ mistħija tirrenja suprema. Għax il-Ministru-Re inkella ma jaqdikx. Lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ma stħaw, meta ppreżentawlhom ir-raġunijiet għal deroga dwar l-insib imlibbes bħala programm ta’ riċerka. Kollox finta, kollox gidba. Imma Clint Camilleri jaf min huma t-tip ta’ votanti li jappoġġjawh. U mela għalfejn jistħi?
Għandhom lil min jimitaw fil-quċċata wara kollox. Joseph Muscat ma baqax jiddefendi l-ħniżrijiet ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, minkejja fl-eluf ta’ dollari li ħadu kuljum bil-moħbi? Robert Abela ma daħalx għan-negozju tal-propjetà ma’ xerrejja Russi tal-passaporti? X’jimpurtahom mill-effetti inflazzjonarji fuq il-prezzijiet tal-propjetà – anke tad-djar u appartamenti normali u umli, għall-familji. Għax l-ewwel, it-tieni u t-tielet il-familja. L-iffangar. Tgħid x’tgħid l-etika. Jgħidu x’jgħidu l-liġijiet, dejjem isibu mod kif iduru magħhom. U allura mbilli Clint Camilleri jara kif jaqdi lill-għarusa jew mara ta’ sieħbu x’fiha ħażin? Il-mistħija ma jafux x’inhi għax f’pajjiżna aċċettat li tiġbed lejk. Aċċettat li l-partit qiegħed hemm biex meta tmiss id-daqqa tiegħu ‘jaqdi lill-partitarji’. Araw naqra l-analiżi ta’ meta jitilfu xi elezzjoni. ‘Ma qdejniex biżżejjed lin-nies tagħna’. Jgħiduha bla mistħija ta’ xejn. Għax appuntu ma jafux jistħu.
Nagħlaq b’silta minn messaġġ minn ktejjeb li tqassam Għawdex dan l-aħħar ġimgħat bl-attivitajiet għal żmien il-Milied. Il-messaġġ jgħid: “…għal aktar minn 2000 sena, l-umanità ċċelebrat din il-festa, fejn l-akbar rigal li ta Alla lill-bniedem, meta sellef lil Ibnu stess biex isalvana … il-qofol aħħari f’dak kollu li nippreżentawlkom jibqa’ li nfakkru l-akbar ġrajja tal-umanità – it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu”. B’ritratt kbir, mhux tal-Isqof ta’ Għawdex, mhux ta’ xi Arċipriet, Kanonku jew Monsinjur, imma ta’ Clint Camilleri, li tant ma jistħi minn xejn li jara lilu nnifsu bħala mhux biss Ministru ta’ Għawdex, imma saħansitra bħala predikatur tad-divin. Ara biex irridu ngħabbu.