Editorjal | Is-sena li kienet
'Kienet sena li lanqas tista’ tgħid kinitx tajba jew ħażina. Għall-aħbarijiet kienet sena stupenda u tajba. Tajba fis-sens li kien hemm fuq xiex tista’ tikteb'
Kienet sena li lanqas tista’ tgħid kinitx tajba jew ħażina.
Għall-aħbarijiet kienet sena stupenda u tajba. Tajba fis-sens li kien hemm fuq xiex tista’ tikteb. Barra minn xtutna rajna sħab iswed u dlam.
L-elezzjoni din is-sena ta’ Donald Trump, jew aħjar ir-rebħa ta’ Trump fuq l-arroganza tad-demokratiċi. U l-wegħda li l-politika tiegħu se twassal għal aktar tbatija u tensjoni f’din id-dinja frott il-politika tal-Amerka, li ssostni dak li m’għandux ikun sostnut.
Stennew li se naraw sena mimlija proposti redikoli u stupidi, u aktar futur imkażbar għall-poplu Palestinjan.
Rajna din is-sena Ewropa bla awtorità morali, immexxija minn mexxejja politiċi li huma diviżi u mbeżżgħa mill-proposta li l-lemin jirbaħ. Dan kien evidenti fi Franza u anke fil-Ġermanja. Fejn kien hemm it-tkabbir elettorali ta’ forzi lemini.
Kellna l-gwerra fl-Ukrajna u l-impossibiltà ta’ paċi f’reġjun li huwa aktar kumpless milli narawh.
U fuq kollox kellna l-episodji fis-Sirja bit-tmiem tad-dittatura ta’ Assad.
F’dan l-isfond, f’Malta kien hemm tista’ tgħid it-tmiem tas-supremazija tal-Partit Laburista li safa’ mnaqqas fl-istatura bl-istejjer tal-Vitals u Steward, bil-każ ta’ Joseph Muscat, u r-riżenji ta’ Chris Fearne u Clayton Bartolo.
Fuq kollox, kellna l-istil ta’ Robert Abela li naqqas milli jispira l-elettorat minkejja r-riżultati ekonomiċi tajbin.
Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku kellna l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech li bil-limitazzonijiet tiegħu għamel avvanzi elettorali, imma bħalma jaf kulħadd żgur m’għandux biżżejjed biex jirbaħ lil Robert Abela.
U bħalma jaf kulħadd, il-PN jaf li l-uniku ċans tiegħu biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss hi li tiġi Roberta Metsola.
Ħaġa li ħafna jiddubitaw imma li jista’ jkun possibbli.
Dan kollu ġara fl-isfond ta’ argumenti politiċi li ddominaw is-sena 2024: it-traffiku, il-popolazzjoni, il-kostruzzjoni, il-korruzzjoni, l-għoli tal-ħajja … li ma’ argumenti oħra jaħarqu baqgħu fuq l-aġenda politika.
U aħna bqajna għassiesa ta’ dawn it-temi ... bil-limitazzjonijiet tagħna bħala midja indipendenti bl-ilsien Malti.