Editorjal | L-implikazzjonijiet ta’ 17 Black
'Mhux billi joħorġu stqarrijiet il-Partit Laburista fuq din. Din hija tebgħa kbira fuq il-PL u l-Gvern tiegħu'
L-inkjesta 17 Black tal-Maġistrat Charmaine Galea ġiet konkluża u għalkemm ma nafux dettalji ċari, nafu dak li konna dejjem naħsbu: li 17 Black kienet kumpanija li ġiet imwellda biex tiffaċilita l-flus illeċiti mill-Ażerbajġan għal min kien għamilha possibbli għal dawk il-kumpaniji li jirbħu tenders biz-zalza.
Fiċ-ċentru ta’ dan il-komplott insibu kemm lil Keith Schembri, kif ukoll lil Yorgen Fenech. Żewġ persuni li diġà kienu fin-negozju u li t-tnejn li huma kienu jaraw kif se jagħmlu sold ieħor minn dak li diġà kienu qed jagħmlu – imma b’mod korrott.
Fin-negozju hemm kultura ta’ dawn l-affarijiet imma ma jfissirx li huma korretti, mur ara kemm huma infatti aċċettabbli.
Hemm żewġ osservazzjonijiet li rridu nagħmlu hawn. L-ewwel waħda tinvolvi lil Keith Schembri, li bħala l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat jidher li kien il-moħħ wara dan kollu.
AQRA WKOLL: 17 Black: L-istorja kronoloġika ta’ wieħed mill-akbar skandli politiċi f’Malta
Kull fejn kien u għal dawk l-affarijiet li nafu s’issa dejjem kien hemm l-inkwiet. Fosthom kien hemm il-Vitals u Stewards…
Mela l-ewwel osservazzjoni tikkonferma l-moħħ malinn ta’ Schembri li dejjem ta l-impressjoni lil kulħadd li kien plejer onest u interessat f’xi proġett politiku. Meta intrinsikament f’moħħu kellu wkoll l-interess biex jistagħna.
Imma l-iktar osservazzjoni importanti hija l-konoxxenza li Daphne Caruana Galizia kienet xammet l-iskop ta’ 17 Black u li aktarx kienet raġuni primarja għaliex xprunat l-intenzjoni malizzjuża biex Caruana Galizia tinqatel – bl-iktar mod brutali.
Ħadd ma seta’ bassar li l-kap werriet ta’ familja stabbilita u forsi dak iż-żmien, l-aktar familja sinjura f’Malta kien se jasal biex jazzarda jidħol f’xi ħaġa bħal din. U wisq aktar bil-barka ta’ plejers oħra, inklużi l-politiċi.
Mhux billi joħorġu stqarrijiet il-Partit Laburista fuq din. Din hija tebgħa kbira fuq il-PL u l-Gvern tiegħu. Minkejja l-inkompetenza jew il-kapaċitajiet limitati tal-oppożizzjoni, jibqa’ l-fatt li ż-żmien għall-Gvern Laburista qed jasal fi tmiemu. Wisq aktar meta tara n-numru kbir ta’ skandli u stejjer ta’ dawn l-aħħar 11-il sena.
Irid ikun il-PN li minflok ma jibda jwiegħed l-impossibbli jibda jaġixxi ta’ partit serju u alternattiv.