Thomas Bajada | L-2025: is-sena li fiha nistgħu nkebbsu t-tama

'Fi Brussell, l-2025 se tkun sena kruċjali biex naħdmu fuq proposti konkreti li jsarrfu f’valur uman u li jinħass miċ-ċittadini Ewropej kollha'

L-2024 hija sena li biddlitli ħajti. Biss, kif naraha jien, din l-esperjenza tista’ tiswa biss jekk insarrfuha f’valur uman li jesperjenzaw in-nies. Fl-2025 irridu nkomplu naħdmu biex nibnu tama għall-futur taż-żgħażagħ tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri; futur sostenibbli għall-familji u l-klassi medja, u li futur li jħares lill-anzjani tagħna, li ssagrifikaw tant biex jippreservaw il-wirt u l-valuri tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.    

Inħares ’il quddiem lejn il-pubblikazzjoni tal-istudju “The Economy of Wellbeing: Bridging the Gap” fi Frar li ġej. Dan l-istudju li qed isir bil-kontribuzzjoni ta’ diversi esperti u bil-vuċi ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin stess, se jkun pass importanti u se jipprovdi stampa ċara tal-isfidi u l-opportunitajiet li għandna quddiemna. It-tama tinsab fil-metodu ġdid ta’ kif issir il-politika, metodu li għażilt għaliex huwa inklussiv u trasparenti, li jixrob mis-sentiment pubbliku, u li jiżżewweġ mar-riċerka esperta. Dan kollu sabiex mis-sejbiet tal-istudju, nibni d-deċiżjonijiet politiċi tiegħi tul il-mandat li għoġbu jagħtini l-poplu.    

Il-qofol tal-istudju huwa ċar: il-ħolqien ta’ politika ekonomika li tkun imsejsa fuq kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, aċċess għas-saħħa, u politika ambjentali sostenibbli li huma kruċjali għall-iżvilupp, u dan sabiex jiġu adottati bħala pedamenti ta’ tama tassew kredibbli. Bażikament, jittratta dwar kif se jkollna ekonomija, kemm lokali, kif ukoll Ewropea, li tkompli tikber u toħloq l-opportunitajiet, mingħajr ma t-tkabbir inaqqrilna mil-livell t’għejxien tagħna, u ta’ wliedna. Jiena, u ħafna Maltin u Għawdxin oħra, nemmnu, li nistgħu nikbru ekonomikament mingħajr ma nirrigressaw ambjentalment, psikoloġikament u soċjalment.    

Fi Brussell, l-2025 se tkun sena kruċjali biex naħdmu fuq proposti konkreti li jsarrfu f’valur uman u li jinħass miċ-ċittadini Ewropej kollha. Dan jibda mit-tranżizzjoni ekoloġika li trid tħares lill-familji u l-klassi medja, u tkompli billi nindirizzaw l-isfidi tal-anzjani tagħna u tal-popolazzjoni li kulma tmur qed tkun aktar anzjana.    

Mir-riċerka fuq il-karta, u l-konsultazzjoni tal-istudju, irridu ngħaddu għal azzjoni konkreta, b’mod li jistgħu jinħassu mill-familji u l-ħaddiema fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dil-azzjoni konkreta trid tidher fil-promozzjoni ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità ogħla, inkluż tas-saħħa pubblika u tas-saħħa mentali, f’ambjent u riżorsi nodfa, u f’aċċess għal servizzi diġitali aktar siguri u effiċjenti.    

Bejni u bejn ruħi, nemmen li l-istudju se jikxef kif parti konsiderevoli mill-ħajja ordinarja tan-nies illum isseħħ f’ambjent diġitali – online – mhux b’inqas fuq il-mezzi soċjali. Għaldaqstant dan l-iżvilupp soċjokulturali, daqskemm soċjoekonomiku, irid ikun rifless fil-politika tagħna, biex naraw li dak li nifhmu b’saħħa mentali, b’sigurtà, b’aċċessibbiltà, ikun rifless ukoll fl-ambjent diġitali. Hekk biss nassiguraw futur aktar inklussiv u sostenibbli. Id-diġitalizzazzjoni hija kruċjali, mhux biss biex il-proċessi jsiru aktar effiċjenti, imma wkoll biex tkun faċli sabiex iċ-ċittadini li jiġu bżonn servizzi essenzjali, ikunu jistgħu jitgħallmu u jipparteċipaw bħala ċittadini attivi f’soċjetà moderna, kif ukoll sabiex isaħħu l-aċċessibbiltà għal reġjuni periferiċi, bħal Għawdex.    

Ninsab ottimist dwar il-pass li qed nieħdu lejn ekonomija li tikkunsidra l-prinċipji ta’ tkabbir ġust u ekwu. F’dan ir-rigward, irridu nħarsu lejn it-tama bħala forza li tgħaqqad lil kulħadd, partikolarment lill-klassi medja li hija l-mutur tat-tkabbir soċali u tkabbir ekonomiku sostenibbli. Mhux biss irridu nkomplu naħdmu biex nilħqu l-miri Ewropej u nibqgħu fost l-aqwa, imma wkoll biex nassiguraw li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun waħda inklussiva u ekwa għall-popolazzjonijiet kollha, ġejjin minn fejn ġejjin, u li tieħu ħsieb lill-ħaddiema fis-setturi kollha, sabiex ma tħalli lil ħadd lura. 

Fid-dawl tad-diskussjonijiet wiesgħa li kkaratterizzaw is-sena li għaddiet, inħares lejn din is-sena bħala opportunità biex inġibu fis-seħħ żvilupp urban li jinkoraġġixxi ppjanar aħjar fil-kostruzzjoni, u li joħloq bilanċ bejn l-ispazji miftuħa u l-arkitettura li tirrifletti l-ġid storiku u artistiku tal-irħula tagħna. Dan mhux biss iservi biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet, imma wkoll biex nippreservaw il-karattru uniku ta’ pajjiżna waqt li nsaħħu l-ambjent urban b’mod sostenibbli. 

L-2025 mhix biss sena. Hija pjattaforma biex ngħaqqdu l-passat, il-preżent, u l-futur. Jiena se nibqa’ nisma’ l-istejjer tan-nies, insaħħaħ is-sehem u l-ħidma ta’ kulħadd, partikolarment taż-żgħażagħ, u nagħmel mill-Ewropa sħab tassew kredibbli ta’ kull individwu. Flimkien nistgħu nagħmlu differenza u nkattru sens ta’ tama u aspirazzjoni li l-futur jista’ jkun aħjar. Għalija, dan huwa l-qofol tax-xogħol politiku tiegħi għas-sena li għandna quddiemna.  B’din id-determinazzjoni, il-viżjoni għall-2025, mhix biss dwar dak li rridu niksbu, imma dwar kif flimkien nistgħu nibnu Ewropa li tkebbes tassew it-tama fostna. 

More in Politika