Clint Azzopardi Flores | L-isfidi ekonomiċi lokali u globali fl-2025

'Għalkemm fl-aħħar sena kkalmaw l-affarijiet fejn tidħol il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, xorta waħda l-gvern irid joqgħod attent minħabba xokkijiet ekonomiċi li jiġu minn barra'

Ħafna stennew l-2025 b’ħerqa u ttamaw li l-affarijiet ekonomiċi globali u diplomatiċi jieħdu kors differenti minn dawk tal-aħħar erba’ snin. Nammetti ... meta reġa’ kien elett Donald Trump, ħafna esponenti, inkluż il-mexxejja fl-Istituzzjonijiet Ewropej, kellhom jerġgħu jaħsbu fuq kif se jaħdmu fl-erba’ snin li ġejjin, speċjalment fil-kwistjoni ekoloġika. 

Għalkemm fl-aħħar sena kkalmaw l-affarijiet fejn tidħol il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, xorta waħda l-gvern irid joqgħod attent minħabba xokkijiet ekonomiċi li jiġu minn barra. Il-Gvern Malti qiegħed f’pożizzjoni differenti minn pajjiżi oħra Ewropej speċjalment dawk fiż-żona ewro. L-ekonomija Maltija għandha l-vantaġġ li d-dejn f’kuntrast mat-tkabbir ekonomiku huwa ħafna anqas minn dak li hu stabbilit bil-kriterji taż-żona ewro u fl-indiċi imposti mill-Unjoni Ewropea u anke dawk internazzjonali. Meta nitkellmu fuq dejn irridu niħduh b’mod relattiv. Kif inhu mkejjel, ma tistax titkellem b’mod assolut. Il-flessibilità fiskali qed tagħti l-gvern vantaġġ biex jalloka r-riżorsi kif jixtieq u fejn jaħseb li hu l-aħjar, għall-kuntrarju ta’ ħafna pajjiżi fiż-żona ewro u anke fl-Unjoni Ewropea. Il-kwistjoni tat-tnaqqis tat-taxxi fl-2025 li tħabbret fl-aħħar baġit, se tgħin il-konsum domestiku, tagħti wkoll għajnuna lill-familji li ħadu daqqa fl-aħħar snin bl-għoli tal-ħajja, u tkabbar l-ekonomija. L-aktar miżura importanti li jrid iżomm il-gvern hi dik tas-sussidji tad-dawl u l-fuel. Din tagħti stabbiltà lill-ekonomija, lill-familji, u anke lin-negozji.   

Però se jkollna ftit instabbiltà fl-ekonomija Ewropea minħabba dak li se jkun għaddej in-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Nazzarda ngħid mhux biss fl-ekonomija Ewropea imma anke globali. L-interessi ekonomiċi tal-Istati Uniti tal-Amerka huma differenti minn dawk Ewropej taħt it-tmexxija tal-President elett Donald Trump. Mhux se tkun waħda faċli, tant li meta tkellem riċentement il-President elett Donald Trump qal li jekk l-Unjoni Ewropea mhux se tixtri aktar gass u żejt mingħandhom, se jgħolli t-tariffi. Dan fl-istess ħin li l-Unjoni Ewropea trid tnaddaf il-kontinent Ewropew mill-karbonju. Ma nafx hux sinjal ta’ fejn il-president elett il-ġdid irid imur, imma ma tawgurax tajjeb għall-viżjoni ekonomika Ewropea. Ukoll, fl-istess ħin hemm sitwazzjoni li l-Unjoni Ewropea daħħlet direttivi u regoli ġodda ta’ diliġenza stretti ħafna, li tefgħet ħafna pressjoni fuq anke provvisti li joħorġu minn barra l-Unjoni Ewropea, imma lejn is-suq Ewropew. Infatti, hemm sitwazzjoni ta’ diliġenza li qed iddejjaq pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Qatar qalu li jekk l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jinfurzaw b’mod strett liġijiet ġodda li semmejt qabel, bħal dawk li tirreprimi x-xogħol furzat u l-ħsara ambjentali, se jwaqqfu l-forniment tal-gass lejn is-suq Ewropew. Dan qalu l-Ministru tal-Enerġija Saad al-Kaabi f’intervista li ta lill-Financial Times. F’kuntest ukoll li bħalissa r-Russja waqqfet il-forniment tal-gass mill-pipeline li għaddej minn taħt l-Ukrajna, għax il-kuntratt skada u l-President Zelensky ma jridx li jibqa’ għaddej. Bħalissa r-Russja tissupplixxi madwar 10% tal-gass lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mqabbel mal-40% li kienu jfornu qabel l-invażjoni tal-Ukrajna. Il-prezzijiet tal-gass irridu naraw kif se jirreaġixxu fix-xhur li ġejjin. 

Meta tieħu dan kollu u tqis li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb f’termini ta’ statistika, meta mqabbel ma’ dawk Ewropej, xorta waħda l-gvern irid jara kif se jimmaniġġja r-riżorsi tal-pajjiż. Huwa tajjeb li l-Gvern Malti qed jagħti ċans jara fejn se timxi d-dinja fil-ħames snin li ġejjin. Però l-gvern irid jaċċellera l-mod ta’ kif isiru l-proġetti infrastrutturali, kif ukoll iħares b’reqqa l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, kapitali u anke umani. Jien ma nistax nifhem sitwazzjonijiet fejn il-wirt kulturali u anke dak naturali jkun mittiefes a skapitu tal-maġġoranza tan-nies. Mhux kwistjoni li ġġelled il-klassijiet soċjali, imma li ġġib ekwità f’territorju żgħir ħafna li tilħaq l-aspettattivi ta’ kulħadd. Huwa żgur li ma nistgħux ma niħdux ħsieb il-mod ta’ kif isiru l-investimenti infrastrutturali. L-ewwel nett għandna sitwazzjoni fejn l-għoli tal-ħajja se jibqa’ xorta jipperpetwa fil-ħsieb tan-nies. Hu importanti għall-Gvern Laburista li jagħti n-nifs lil ċerti investituri sabiex jieħdu r-ruħ fuq kwistjoni ta’ likwidità għax negozji żgħar qed iħossu l-impatt, mhux biss tal-għoli tal-ħajja li għaddiet, imma anke dak tar-regoli ġodda u stretti ta’ diliġenza li semmejt qabel. Apparti kollox, il-veloċità ta’ kemm jinbidlu l-flus fl-idejn hi wkoll importanti biex in-nies iħossu ċerta pożittività u li l-ekonomija qed tilħaqhom ukoll. Apparti, il-gvern irid jara kif l-aħjar jimmaniġġja l-kwistjoni tal-kontenituri tal-plastik biex jgħin lin-negozji żgħar minħabba l-likwidità. In-nies u l-elettorat jieħdu gost jipparteċipaw fil-miżuri ambjentali imma jrid ikun hemm proporzjonalità fl-implimentazzjoni. Saret ftit problematika għall-mod ta’ kif nirriċiklaw.  

Tliet sfidi li għandu jagħti kas il-gvern u li se jkunu ta’ problema biex iddawwar il-perċezzjoni hi l-kwistjoni tal-ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol, l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u kapitali, u t-traffiku mgħaqqad ma’ dik tal-proġetti infrastrutturali. B’mod aktar wiesgħa, il-gvern irid joffri viżjoni għal fejn irid imur il-pajjiż, mhux biss bħala pjan ekonomiku, imma wkoll bħala pjan mgħaqqad miegħu tal-politika barranija lil hinn minn dik tal-Unjoni Ewropea. Nemmen li l-pjan ekonomiku jrid ikun mibni fuq l-immaniġġjar tar-riżorsi u liema setturi se jgħinu biex l-ekonomija tilħaq lil kulħadd. Ukoll, importanti li jsiru aġġustamenti biex jgħinu fit-trasport tal-massa u fis-setturi ekonomiċi li qed jagħtu valur akbar lill-ekonomija. Jekk il-gvern jagħti kas dawn l-affarijiet, żgur li jerġa’ jdawwar il-perċezzjoni li nħakmet mill-effetti ekonomiċi li kienu impurtati b’mod negattiv fl-aħħar snin, frott id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-affarijiet barranin fuq livell Ewropew.  

More in Politika