Dak li hemm jistenniena fl-2025 fl-isfera internazzjonali
'Ninsab ottimist dwar ċerti kisbiet possibbli, filwaqt li nibqa’ konxju tal-isfidi kbar li qed naffaċċaw'
Hekk kif ninsabu fil-bidu tas-sena 2025, il-kuntest internazzjonali jibqa’ wieħed interessanti u sa ċertu punt imprevedibbli. Mir-ritorn ta’ Donald Trump fil-White House, għal żewġ kunflitti ftit mijiet kilometri ’l bogħod minn artna, ix-xena internazzjonali qed tiżvolġi b’mod rapidu u b’mod mhux dejjem prevedibbli. Ninsab ottimist dwar ċerti kisbiet possibbli, filwaqt li nibqa’ konxju tal-isfidi kbar li qed naffaċċaw. Din is-sena tista’ potenzjalment tfisser progress f’xi oqsma, imma t-tensjonijiet f’oħrajn jibqgħu jisfidaw is-sens ta’ paċi u solidarjetà.
Il-kunflitt fil-Lvant Nofsani
Waħda mill-akbar tamiet tiegħi għal din is-sena hija li finalment naraw passi sinifikanti lejn waqfien mill-gwerra bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani. Snin ta’ tbatija li jitolbu soluzzjoni li tiggarantixxi l-paċi, id-dinjità, u l-iżvilupp sostenibbli għal kulħadd.
Bħala Partit Laburista, inkomplu nemmnu b’qawwa fis-soluzzjoni ta’ żewġ stati bħala t-triq għat-tmiem tal-kunflitt. Din is-soluzzjoni hija essenzjali biex tiġi żgurata l-prosperità, kemm għall-Iżraeljani, kif ukoll għall-Palestinjani, filwaqt li tiġi rrispettata s-sovranità taż-żewġ nazzjonijiet. Huwa għalhekk li nħeġġu għal diplomazija sinċiera u impenn internazzjonali li jiggarantixxi l-paċi sostenibbli f’dan ir-reġjun li għandu impatt dirett fuq pajjiżna u l-kumplament tal-blokk Ewropew.
Is-sitwazzjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna
Min-naħa l-oħra, il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna jibqa’ punt ieħor ta’ inċertezza. Is-sitwazzjoni hija fluwida, bi prospetti ta’ soluzzjoni diplomatika u eskalazzjoni militari li jikkontestaw lil xulxin b’mod kontinwu. X’se jkun il-futur ta’ din il-parti tad-dinja jiddependi fuq ir-rieda tal-mexxejja biex jaħdmu għall-paċi filwaqt li jirrispettaw is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
It-Tieni presidenza ta’ Trump
Fl-Istati Uniti, il-presidenza l-ġdida ta’ Donald Trump hija suġġett ieħor ta’ diskussjoni u inċertezza. Minkejja li l-politika tiegħu tista’ tħalli impatt sinifikanti fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-karattru uniku tiegħu jibqa’ dak li hu. Tħobbu jew tobogħdu, Donald Trump għandu stil partikolari ta’ politika li żgur mhux forsi għenu mhux ftit jikseb il-White House għat-tieni darba. Dan hekk kif warrab għalkollox il-korrettezza politika, jew kif jafuha aħjar il-political correctness, u minflok iffoka fuq materji li ta’ kuljum qed jaffettwaw lill-familji Amerikani; bħall-għoli tal-ħajja.
Issa sta għall-mod kif l-Istati Uniti tippromovi l-interessi tagħha fuq livell globali, u l-implikazzjonijiet li dan iġib miegħu.
Id-dejn u l-eżempju ta’ Malta
Min-naħa ekonomika, il-mod kif il-pajjiżi jindirizzaw l-obbligazzjonijiet finanzjarji tagħhom se tkompli tkun sfida interessanti. Id-dejn globali jinsab fuq livelli rekord, u kull pajjiż jeħtieġ jara kif jista’ jlaqqa’ l-finanzi pubbliċi filwaqt li jħares l-interessi tal-popolazzjoni tiegħu. F’dan il-kuntest, Malta qed tkun ta’ eżempju pożittiv taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, fejn l-għaqal ekonomiku għen lill-pajjiż jiggwida lejn irkupru b’suċċess waqt li xorta ggarantixxa s-servizzi soċjali lil niesu. Mhux biss iggarantixxa s-servizzi soċjali, talli kompla jżid l-infiq pubbliku fuq dawn is-servizzi mingħajr iż-żieda ta’ taxxi ġodda kif ukoll tnaqqis fit-taxxa tad-dħul.
Dan jikkuntrasta mhux ftit ma’ pajjiżi oħra li qed jissikkaw iċ-ċinturin u jnaqqsu l-infiq tagħhom.
L-UE
Din is-sena se nkunu qegħdin niċċelebraw 75 sena mit-trattat ta’ Schumann u t-twelid tal-UE. Huwa kruċjali aktar minn qatt qabel li jkollna Ewropa b’saħħitha u magħquda biex taffaċċja l-isfidi preżenti u dawk li jistgħu jfeġġu. Hemm bżonn li l-Ewropa tkun strument ta’ paċi u għajnuna, kemm għall-ħaddiem, kif ukoll għal dawk li qegħdin ibatu f’żoni ta’ kunflitt.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew negozjati kruċjali fejn se jiġi diskuss il-Multiannual Financial Framework ta’ 2028-2034. Huwa importanti li bħala pajjiż inkunu voċiferi waqt dawn in-negozjati biex ikollna qafas li bih nistgħu nkomplu nkabbru l-ġid f’pajjizna permezz ta’ fondi Ewropej.
Nilqa’ b’sodisfazzjon id-dħul tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-żona Schengen fl-2025 fejn se jkompli jissaħħaħ il-priċipju tal-moviment liberu.
MEPs
L-2024 kienet tfisser is-sena tal-elezzjoni għar-rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew, li fl-ewwel xhur xogħolhom diġà qed iħalli impatt. Ftit ilu daħlet fis-seħħ iċ-ċarġer komuni, kisba revoluzzjonarja tal-Kap tad-delegazzjoni Maltija u Viċi President tal-S&D Alex Agius Saliba. Kisba li se sservi ta’ ġid għall-ambjent u inqas skariċċ għall-konsumatur. Ix-xogħol tal-MEP Daniel Attard irriżulta f’kisba importanti għas-settur Marittimu fejn tugboats li joperaw fil-portijiet Ewropej issa jkunu eżentati minn regoli li kienu se jitfgħu regoli sproporzjonati fuq dawn l-operaturi. Kisba li se tipproteġi l-għejxien ta’ dawk li jaħdmu fil-portijiet Maltin u tevita impatt ekonomiku negattiv. Il-ħidma tal-MEP Għawdxi Thomas Bajada wkoll ħalliet impatt fuq settur kruċjali għall-gżejjer Maltin, is-sajd, fejn assigura is-sigurtà tas-sajjieda Maltin mal-Kummissjoni Ewropea wara snin ta’ theddid u vjolenza fuq sajjieda Maltin minn sajjieda barranin.
Il-Partit Laburista lura bħala membru sħiħ fis-Socialist International
Din is-sena għandha tifsira speċjali għall-Partit Laburista hekk kif erġajna membri sħaħ fis-Socialist International wara assenza ta’ għaxar snin. Dan huwa mument ta’ sodisfazzjon, partikolarment meta nqisu l-isforzi li saru minn dan il-grupp biex jiġ indirizzat it-tħassib li wassal għall-pass lura ta’ diversi partiti soċjalisti Ewropej fosthom il-PSOE, il-Labour Party, il-Partito Democratico u l-Partit Laburista madwar għaxar snin ilu.
Din il-kollaborazzjoni se nkompli nsaħħaħha fix-xhur li ġejjin. Ninsab impenjat li l-viżjoni tal-Perit Dom Mintoff, li stabbilixxa l-ewwel passi lejn kollaborazzjoni internazzjonali bbażata fuq il-valuri tas-soċjaliżmu, naraha tiffjorixxi u tissaħħaħ. Is-sħubija mill-ġdid tagħna f’Socialist International hija rikonoxximent tal-importanza tal-valuri tagħna u ta’ kif nistgħu nkomplu nagħtu l-kontribut fuq livell globali minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna.
L-OSCE
Ma nistax ma nsemmix ir-riżultati u s-suċċess li ġabet magħha t-tmexxija ta’ Malta u d-Deputat Prim Ministru Ian Borg tal-OSCE fl-2024 fejn illum, l-organizzazzjoni qablet b’mod unanimu f’Malta wara snin ta’ diskussjonijiet dwar min se jkun qed imexxiha. Qbil li bla dubju se jagħti aktar ċertezza għall-OSCE u se ssaħħaħha biex taħdem fuq l-isfidi li qegħdin naffaċċjaw fosthom kunflitti, ksur tad-drittijiet umani u t-tibdil fil-klima.
Appell għall-paċi
Intemm dan l-artiklu b’appell universali: dak għall-paċi. F’din id-dinja mimlija sfidi u kunflitti, il-paċi mhux biss hija xewqa imma obbligu li lkoll irridu nħaddnu. Huwa dmirna, kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll internazzjonali, li nħarsu lejn il-futur b’viżjoni pożittiva u b’impenn li nibnu relazzjonijiet ibbażati fuq rispett reċiproku u s-solidarjetà. L-istorja tgħallimna li l-paċi mhix faċli, imma hija dejjem possibbli jekk nibqgħu nemmnu fiha.