Beverly Chymcakova | Project Green qed taħdem għal min?

'X’tiswa l-Aġenzija ta’ Project Green jekk fl-istess ħin għandna entitajiet oħra bħall-Awtorità tal-Ippjanar u dik tal-Artijiet li jiffaċilitaw kemm jista’ jkun żvilupp u teħid ta’ art pubblika u agrikola?'

Ftit inqas minn sena wara l-aħħar elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022, tfaċċat l-Aġenzija governattiva Project Green. 

Steve Ellul, dak iż-żmien CEO tal-Aġenzija, qal li din se tkun qed taħdem esklussivament biex tissodisfa l-aspirazzjonijiet ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti. Qal ukoll li Project Green se tkun qed tiffoka b’mod partikolari fuq il-qalba tal-irħula, kif ukoll fuq “l-iżvilupp” ta’ spazji naturali u miftuħa fi ħdan iż-żoni urbani.     

Dalwaqt jgħaddu sentejn mit-tnedija ta’ din l-Aġenzija, li tiftaħar b’baġit ta’ 700 miljun għal perjodu ta’ seba’ snin, iżda s’issa l-biċċa l-kbira tar-residenti ta’ dan il-pajjiż għadhom qed jistennew sabiex jaraw bidla serja u konkreta lejn kwalità ta’ ħajja aħjar – inklużi l-ġonna “10 minuti ’l bogħod minn djarhom”.  

S’issa l-biċċa l-kbira tal-inizjattivi li ttieħdu minn din l-Aġenzija jirrigwardaw ir-restawr ta’ ġonna u spazji eżistenti. Huwa xogħol siewi li għandu jsir fuq bażi regolari matul is-snin għax il-manutenzjoni u r-ristrawr huma attivitajiet ta’ servizz bażiku għar-residenti ta’ kull lokalità. 

Iżda fil-kuntest tal-iżvilupp estensiv li sar fil-gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar snin, kif se jirnexxilna nibbilanċjaw dan kollu sabiex jibda jinħass it-titjib fil-kwalità tal-ħajja u tonqos ir-rabja u l-frustrazzjoni ta’ parti sostanzjali tal-elettorat? 

Jekk inqisu dawn is-sentejn minn meta fetħet Project Green, joħroġ biċ-ċar li l-inizjattivi ta’ din l-Aġenzija ġdida mhux qed ilaħħqu mal-ammont ta’ applikazzjonijet u permessi tal-bini maħruġa, uħud minnhom fuq art agrikola li sa ftit ilu kienet tappartjeni lill-Gvern. Biex insemmi ftit eżempji, tul dawn is-sentejn ġew proposti żviluppi massiċċi fil-Mellieħa (il-Qortin), fiż-Żurrieq (in-Nigret u tal-Bebbux), fil-Kalkara, fil-Qrendi, u anke f’Villa Rosa f’San Ġiljan.  

Jekk il-Gvern diġà kellu dawn l-artijiet f’idejh, f’lokalitajiet fejn ir-residenti tant ilhom jipprotestaw u joġġezzjonaw għal żvilupp kontinwu u mhux iġġustifikat, allura għalfejn jibqa’ jagħżel li jinjora dawn it-talbiet u minflok jisma’ dawk tal-iżviluppaturi li jridu jagħmlu profitti kbar minn fuq dahar il-poplu? Dawn l-iżviluppaturi huma ċittadini iżjed mill-oħrajn?  

Is-soċjetà ċivili tkellmet ċar u spiss dwar dan. Tant hu hekk li diversi gruppi u assoċjazzjonijiet ta’ residenti saħansitra ngħaqdu flimkien – mingħajr partiġġjaniżmu – u fasslu 13-il proposta li tassew jindirizzaw il-qofol tal-problema tal-iżvilupp eċċessiv u l-konsegwenzi koroh li jirriżultaw minnu.  

X’tiswa l-Aġenzija ta’ Project Green jekk fl-istess ħin għandna entitajiet oħra bħall-Awtorità tal-Ippjanar u dik tal-Artijiet li jiffaċilitaw kemm jista’ jkun żvilupp u teħid ta’ art pubblika u agrikola? 

Dawn it-tlettax-il proposta ntbagħtu lill-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ippjanar iżda, f’turija ta’ diżrispett totali lejn ir-residenti ta’ dan il-pajjiż, dawn għażlu li jinjoraw din il-ħidma ġenwina u kollettiva minn membri tal-elettorat tagħhom, u minflok jibqgħu għaddejjin bil-politika tas-soltu u jisimgħu u jiltaqgħu biss ma’ dawk li lesti jimpalaw il-miljuni. 

Jekk wieħed tassew irid sinċerament u serjament jaffronta l-kwistjoni tal-iżvilupp eċċessiv u t-teħid ta’ riżorsi tant skarsi bħall-art, flimkien max-xogħol mwettaq minn Project Green għandu jkun hemm rieda onesta u azzjoni immedjata fuq il-qofol tal-problema. Il-proposti mressqa ftit xhur ilu minn lista twila ta’ għaqdiet u assoċjazzjonijet għandhom ikun il-punt ta’ tluq għal riforma xierqa u adegwata bil-għan li finalment dan il-pajjiż jibda jaħdem serjament fuq pjan olistiku li jirrifletti l-bżonnijiet u r-realtajiet tal-lum u l-isfidi ta’ għada.  

Fost dawn il-proposti ferm validi nsibu pereżempju dik li jkun hemm moratorja fuq il-famużi “rationalisation zones” li minħabba fihom meded kbar ta’ art verġni ġew mibnija, is-sospensjoni tal-applikazzjonijet għal proġetti kbar sakemm isiru konsultazzjoni serja u studji li jevalwaw kemm verament pajjiżna għandu bżonn ta’ iktar bini, u t-tneħħija ta’ kull politika li tippermetti bini ġdid fuq art ODZ. 

Huma proposti prattiċi u ovvji – għal kull min tabilħaqq irid isib l-għeruq tal-problema – li jfittxu sabiex tassew jindirizzaw ħafna mill-fatturi li qed jikkontribwixxu għall-qerda tal-kwalità tal-ħajja fuq dawn il-ġżejjer.  

Għalhekk, waqt li nittamaw li s-700 miljun ewro li ġew allokati għal Project Green jiġu tassew użati bil-għaqal mingħajr ħela ta’ żmien u ta’ riżorsi pubbliċi – nittamaw ukoll li fl-istess ħin jibda, b’mod parallel, l-eżerċizzju ta’ riforma fil-qasam tal-ippjanar. 

Dan għandu jsir permezz ta’ djalogu onest u miftuħ li jkun jinvolvi l-partijiet kollha interessati, fosthom ir-residenti u l-gruppi tas-soċjetà ċivili li ilhom isemmgħu leħinhom dwar din il-kwistjoni. 

More in Politika