Editorjal | Kif għandhom isiru l-affarijiet

'It-tnedija din il-ġimgħa tal-Malta Labour Migration Policy kien pass importanti ħafna. Il-gvern kien ilu jitkellem dwaru u wieħed jista’ jifhem għaliex'

It-tnedija din il-ġimgħa tal-Malta Labour Migration Policy kien pass importanti ħafna. Il-gvern kien ilu jitkellem dwaru u wieħed jista’ jifhem għaliex. Nistgħu naqblu ma’ xi punti u ma naqblux ma’ oħrajn. Wieħed jista’ jkollu suġġerimenti ġodda u ċerti proposti jistgħu jkunu studjati iktar fil-fond. Fuq kollox, għal dan il-għan, hemm il-konsultazzjoni pubblika li hija miftuħa.  

Però li jrid jimmarka dan l-editorjal huwa l-punt li kif tnediet din il-politika għandu jkun eżempju tal-mod kif għandhom isiru l-affarijiet. Dokument studjat li jagħti l-istampa reali f’pajjiżna llum, ngħidu aħna, il-kisbiet, bħat-tkabbir ekonomiku, l-isfida tal-popolazzjoni dejjem tixjieħ, u t-trabi Maltin li qed jitwieldu ferm inqas.  

Huwa wkoll dokument studjat bi 32 proposta ta’ kif irridu nimxu ’l quddiem biex is-suq tal-ħaddiema barranin f’Malta jkun regolat aħjar. Lejliet it-tnedija, il-Ministru Byron Camilleri rajnieh mal-imsieħba soċjali jiddiskuti l-prinċipji. Milli smajna f’xi kummenti li taw xi msieħba fil-midja, kienet laqgħa twila u ma kinitx tal-ewwel. L-għada filgħodu, qabel it-tnedija uffiċjali, il-ġurnalisti kienu mistiedna għal spjegazzjoni teknika punt punt. Kulħadd seta’ jistaqsi u jikkjarifika. Wara, il-Prim Ministru u l-Ministru Camilleri indirizzaw lill-poplu f’konferenza tal-aħbarijiet u reġgħu wieġbu d-domandi. Din hija t-tip ta’ diskussjoni li għandu jkun hemm. Miftuħa, matura u trasparenti.  

Issa l-Partit Nazzjonalista qal li hu ilu jitkellem ħafna dwar is-suġġett. Dik hi xi ħaġa li ma jista’ jmeriha ħadd.  

Il-Gvern qed iwieġeb billi jgħid li din hija waħda minn sensiela ta’ miżuri li ħa u mhux l-ewwel waħda. Vera wkoll, għalkemm din tista’ titqies l-iktar waħda li se tibdel l-affarijiet. 

Rajna kif l-enfasi hija fuq il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin. Naqblu. Daqstant importanti d-drittijiet tal-ħaddiema. Naqblu wkoll.  

Bħala gazzetta ilna nimmarkaw li hemm setturi fejn allaħares ma kienx hemm il-ħaddiema barranin. Nemmnu li għamel sew il-gvern li ma qagħadx idur mal-lewża u jipprova jkun popolist u jgħid li mhu ġej ħadd iktar jew se jkeċċi lil kull min hawn. Wara kollox, ħadd ma jrid li ommu anzjana ma jkollhiex min jieħu ħsiebha f’dar tal-anzjani, jew ħadd ma jrid li l-iskart ma jinġabarx minn wara l-bieb. Iżda, iva, hemm ħafna x’nagħmlu biex ikollna sistemi ġusti li jaħdmu sew.  

Issa nawguraw li sad-disgħa ta’ Frar ikunu ħafna dawk li jagħtu r-rispons tagħhom. Unions, għaqdiet, min iħaddem, sindki, kunsillieri, akkademiċi u individwi minn kull qasam tal-ħajja. Inutli nitkellmu fuq il-Facebook, jekk fi proċessi bħal dawn ma niħdux sehem attiv. Forsi dan ikun eżerċizzju b’saħħtu fejn tassew nifhmu x’naħsbu u x’nemmnu dwar il-ħaddiema barranin lil hinn minn xi sondaġġ. Lil Ministru Camilleri nifirħulu għal kif mexxa l-proċess sa issa. Nawguraw ukoll li jżomm dan l-ispirtu u fl-aħħar mill-aħħar nawguraw li meta wara l-konsultazzjoni l-gvern jiġi biex jaqta’ l-kundanna jaġixxi fl-interess tal-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu. 

More in Politika