Carmelo Abela | Lil hinn miċ-ċelebrazzjonijiet

'Il-President għamlet sew li semmiet u appellat lill-Membri Parlamentari għal aktar responsabbiltà u kontabbiltà, fejn l-aġir tagħna l-politiċi għandu jkun aħjar'

L-2024 kienet sena fejn pajjiżna ċċelebra anniversarji importanti. Naturalment dawn niċċelebrawhom ta’ kull sena, għall-anqas mill-kisba tagħhom ’il quddiem. Biss din is-sena l-anniversarji u s-snin kienu aktar partikolari. L-aħħar anniversarju li kien iċċelebrat kien il-ħamsin sena minn mindu Malta saret Repubblika, fejn allura l-Kap tal-Istat Malti sar ċittadin Malti magħżul mill-Maltin stess u mhux mill-barrani.  

Għal dan il-jum ikun hemm ċertu stennija, għall-anqas ngħid għalija. Id-diskors tal-President tar-Repubblika bħala messaġġ għal kull min imexxi jew għandu xi forma ta’ awtorità f’pajjiżna u anke għall-poplu b’mod ġenerali, kif ukoll għall-parata tal-Forzi Armati ta’ Malta, li fuq medda ta’ snin segwejt il-ħidma tagħhom u saħansitra ġejt mogħti l-privileġġ u r-responsabbiltà li fil-passat inkun il-Ministru tagħhom.  

Nibda b’dawn tal-aħħar. Nixtieq nifraħ lill-banda u lil kull suldat u uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta li ħadu sehem jew kellhom parti mill-parata li huma għamlu. Prosit minn qalbi u ċertament li kienet parata li tixraq lill-avveniment u ċ-ċelebrazzjoni ta’ Malta Repubblika. Forsi kritika waħda li nagħmel kienet l-għażla tal-kanzunetta tal-grupp Taljan Ricchi e Poveri biss, mill-bqija għandna biex inkunu kburin bis-suldati tagħna fuq kollox għall-ħidma militari u umanitarja li jwettqu ta’ kuljum.  

Niġi issa għad-diskors tal-President tar-Repubblika. Dan huwa diskors li tajjeb li nixtarruh u nagħtu kasu, anke jekk jista’ jkollna riservi jew nuqqas ta’ qbil. Kien diskors li pprova jagħti ħarsa ħafifa u fil-qosor lejn xi ġrajjiet u deċiżjonijiet li ttieħdu tul dawn il-ħamsin sena minn mindu Malta saret Repubblika. Nifhem li jkollok tagħżel x’se ssemmi u x’se tħalli barra.  

Ir-Repubblika u l-Ħelsien, il-fatt li aħna poplu Indipendenti, jagħtu lili u lil kulħadd il-libertà tal-espressjoni, li jekk ma tkunx abbużata, hija għodda tajba u utli ħafna. Din il-libertà tal-espressjoni mhux qiegħda hemm għal xi wħud u għal oħrajn anqas. L-istess il-liġijiet, għandhom japplikaw għal kulħadd u mhux hemm min jidhirlu li għax jistaħba taħt in-nomenklatura mogħtija minnhom infushom bħala ‘soċjetà ċivili’ dawn huma superjuri aktar minn ħaddieħor. Naħseb li l-qarrejja huma intelliġenti biżżejjed u ma naħsibx li għandi nżid aktar. Il-qarrejja jistgħu huma wkoll ikollhom l-opinjoni tagħhom. Fuq dan li semmejt issa, meta qrajt id-diskors tal-President, inħoss li huwa sajjem.  

Parti oħra tad-diskors semmiet dan li ġej ‘Se naċċenna biss, mingħajr ma nidħol fil-fond, illi s’issa wkoll qisu għadu ma sarx studju fil-fond u wiesa’ dwar il-finanzjament tal-Partiti Politiċi mill-Istat’. Kont nistenna li jissemma li l-Parlament kien għadda liġi tal-finanzjament tal-Partiti ħalli jkun hemm trasparenza akbar fl-għoti ta’ donazzjonijiet u trasparenza fit-tmexxija tal-istess partiti b’numru ta’ obbligi. Ovvjament ma kontx qed nistenna li d-diskors ikun fih li l-partit tal-oppożizzjoni qed jikser tali liġi, kemm fil-prattika u anke fl-ispirtu. Il-fatt li pajjiżna lleġiżla dwar dan, jagħmel l-osservazzjoni tal-President aktar kompleta.  

Il-President għamlet sew li semmiet u appellat lill-Membri Parlamentari għal aktar responsabbiltà u kontabbiltà, fejn l-aġir tagħna l-politiċi għandu jkun aħjar. Bla tlaqliq ngħid li ħadd fil-ħajja pubblika m’hemm skrutinju fuqu daqs il-Membri Parlamentari. Dan barra li ta’ kull sena jsiru d-dikjarazzjonijiet tal-assi li huma pubbliċi wkoll. Dan kollu fuq ħadd aktar mhu qiegħed. Naqbel ma’ dan għax b’hekk il-poplu jkun jaf li bil-politika biss ma ssirx sinjur. Inħoss li fid-diskors tal-President kellu jissemma ftit li l-politiċi mhux qegħdin hemm biex ikun hemm min jivvinta gideb u jiftaħ attakk fuqhom bl-addoċċ u b’mod insensat. Ħassejt li kellu jsir appell, speċjalment lil min nerġa’ ngħid ta titlu lill-għaqda tagħhom bħala ‘soċjetà ċivili’, li għandhom ikunu responsabbli, anke lil min jagħtu protezzjoni u li m’għandhomx ikunu partiġġjani fl-għażla ta’ min jikkritikaw u lil min le. Dan għaliex aktar jistgħu jiġu meqjusa bħala fazzjoni estrema tal-partit fl-oppożizzjoni milli xi għaqda li għandha mis-sewwa u l-ġustizzja. Għalhekk, fl-opinjoni umli tiegħi, il-President għandha tkun kawta f’dan ir-rigward.  

It-triq ’il quddiem għall-ħamsin sena li ġejjin, inħoss li għandna nibnu fuq il-bidliet li wettaqna, nirfinaw fejn meħtieġ u nbiddlu u naġġornaw dak kollu li jista’ jsir aħjar. Id-diskors tal-President għandu jkun bażi tajba biex il-forzi politiċi u oħrajn ipoġġu bilqiegħda u jkun hemm diskussjoni franka u matura. B’hekk biss nistgħu niċċelebraw aħjar Malta Repubblika. 

More in Politika