Andy Ellul | Ċelebrazzjoni ta’ suċċess
'Kif aċċennajt diġà, il-Premju Ħaddiem tas-Sena f’dawn l-aħħar snin kiber u evolva, u llum jinkludi diversi premji sabiex jirrifletti aħjar ir-realtajiet tad-dinja moderna tax-xogħol'
Ix-xahar ta’ Diċembru jġib miegħu ħafna festi, avvenimenti u ċelebrazzjonijiet, b’mod partikolari din is-sena, fejn iċċelebrajna l-ħamsin sena ta’ Malta Repubblika. Anniversarju storiku li permezz tiegħu rriflettejna fuq ħamsin sena ta’ identità Maltija u fuq kollox il-qabża ’l quddiem li għamilna f’kull aspett ta’ ħajjitna, minkejja l-limitazzjonijiet tagħna bħala gżira żgħira fil-periferija tal-Ewropa. Fiċ-ċentru ta’ dan is-suċċess u żvilupp kienu, għadhom u jibqgħu l-ħaddiema tagħna, li bi bżulija u għaqal dejjem ħatfu l-opportunitajiet li tfaċċaw tul is-snin u kattru l-ġid għall-benefiċċju tal-familji tagħhom.
Huwa propju xieraq li ftit jiem biss qabel iċċelebrajna dan l-anniversarju tant mistenni, iltqajna għal serata mill-isbaħ fejn għal darb’oħra ċċelebrajna l-kisbiet tal-ħaddiema Maltin permezz tal-Premju Ħaddiem tas-Sena. Ikolli ngħid li bħala Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, dan ix-xahar ta’ Diċembru jkun mimli daqs bajda bl-avvenimenti, però nistqarr li din is-serata tkun l-iktar waħda li nkun qed nistenna ta’ kull sena. Dan għaliex flimkien nirrikonoxxu l-kontribut kbir ta’ ħaddiema, intraprendituri, maniġers, żgħażagħ u kumpaniji minn firxa wiesgħa ta’ setturi, imma li lkoll qed jagħtu sehemhom biex pajjiżna jkompli jiffjorixxi u jkattar il-prosperità bħalma għamilna f’dawn l-aħħar ħamsin sena ta’ Malta Repubblika. U għalija l-iktar ħaġa importanti hi li n-nominazzjonijiet għal dawn il-premji prestiġġjużi saru kompletament mill-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk, dawn il-premji jirriflettu l-apprezzament tagħna bħala Maltin għad-dedikazzjoni u l-impenn li bih dawk magħżula għan-nominazzjonijiet jimxu fil-ħajja tax-xogħol tagħhom, u jservu wkoll ta’ eżempju għal kulħadd.
Kif aċċennajt diġà, il-Premju Ħaddiem tas-Sena f’dawn l-aħħar snin kiber u evolva, u llum jinkludi diversi premji sabiex jirrifletti aħjar ir-realtajiet tad-dinja moderna tax-xogħol. Pereżempju, hemm premji għall-Inklussività u r-Responsabbiltà Soċjali fuq il-post tax-xogħol, żewġ temi li bla dubju ta’ xejn qed isiru fost l-iktar prominenti għal kull organizzazzjoni madwar id-dinja. Forsi hawn ħafna li jarawhom biss bħala klixè, però nista’ ngħid biċ-ċert li apparti l-importanza soċjali u l-etika, mingħajr l-inklussività u r-responsabbiltà soċjali, l-ebda organizzazzjoni ma tista’ timxi ’l quddiem, għax fl-aħħar mill-aħħar, l-aqwa riżorsa jibqa’ l-ħaddiem.
Marbut ma’ dan kollu huwa l-premju għall-aħjar tim, għax il-kollaborazzjoni u l-isforzi ta’ kull membru f’tim iwasslu sabiex negħlbu l-isfidi u nilħqu l-għanijiet tagħna. Nippremjaw ukoll l-aqwa maniġer u kap, li tant għandhom rwol importanti sabiex joħolqu kultura fejn kulħadd iħossu vvalutat u jista’ jispikka fuq xogħlu, bil-bżonnijiet tan-nies fiċ-ċentru ta’ kollox. Għall-kuntrarju tas-snin ta’ qabel, din is-sena ġew ippremjati kemm maniġer u anki kap ta’ entità separatament, għaliex iż-żewġ rwoli huma uniċi u differenti f’organizzazzjoni. Għalhekk dan jgħin biex jiġu rikonoxxuti l-kontribuzzjonijiet distinti tagħhom lejn is-suċċess tal-kumpanija li jiffurmaw parti minnha. Premju interessanti ferm hu dak tal-imprenditur tas-sena, għax dawn in-nies, mhux biss jgħinu sabiex l-ekonomija tkompli tikber, iżda fuq kollox joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi f’pajjiżna. Ma nistax ma nsemmix il-premju għall-aktar żagħżugħ/a ispiranti, liema premju huwa maħsub biex jirrikonoxxi l-ambizzjoni, l-impenn u l-potenzjal ta’ dawn iż-żgħażagħ, bl-isforzi tagħhom biex jaslu għall-aspirazzjonijiet tagħhom.
Għalhekk nemmen illi dawk kollha li ġew nominati jistgħu jservu ta’ mudell għal bosta ħaddiema oħrajn li qed jaħsbu biex jiftħu għal rashom biex ma jaqtgħux qalbhom u jemmnu f’dak li għandhom x’joffru.
Avvenimenti bħall-Premju Ħaddiem tas-Sena jgħinuna lkoll sabiex napprezzaw il-valuri li nħaddnu f’Malta tagħna, u l-bżonn li ngħożżuhom u ngħadduhom lill-ġenerazzjoni ta’ ħaddiema li jmiss. Min-naħa tagħna, bħala Gvern nibqgħu impenjati li nkomplu nkunu ta’ sapport konkret għall-ħaddiema tagħna, li jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika soċjali u ekonomika ta’ pajjiżna. Se nkomplu nimplimentaw miżuri tanġibbli li, mhux biss isaħħu d-drittijiet ta’ kull ħaddiem, iżda jwasslu wkoll għal titjib reali u sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin Malti.