Albert Buttigieg | Tnaqqir tad-demokrazija?
'Robert Abela għamel l-ewwel pass fil-Parlament biex inaqqar id-dritt liċ-ċittadin (huwa min huwa) li jkun ċittadin attiv'

Pajjiż jista’ jkun pajjiż b’saħħtu jekk għandu demokrazija ħajja u attiva.
Hija demokrazija li tiggarantixxi kwalità ta’ ħajja liċ-ċittadini. Mingħajr demokrazija hemm biss ħakma tal-ftit fuq il-ħafna. L-istorja tagħtina diversi kapitli ta’ x’jiġri meta d-demokrazija titnaqqar taħt skuża jew oħra.
Imma biex id-demokrazija tibqa’ waħda ħajja u b’saħħitha għandha bżonn li kull ċittadin ikun attiv u mhux passiv.
Ċittadin attiv huwa dak li jieħu interess u jsegwi dak li qed jiġri fil-pajjiż. Ċittadin attiv ma jħallix lil min jagħmel bżieq fuq l-imnieħer. Għalih, il-ġid komuni jiġi l-ewwel. Fil-qosor: ċittadin attiv isemma’ leħnu bl-aktar mod qawwi meta u fejn hemm il-ħtieġa.
Min-naħa l-oħra, ċittadin passiv joqgħod għal kollox u ma jimpurtahx minn xejn sakemm wieħed ma jmissx lil butu!
Għaliex qed ngħid dan?
F’dawn l-aħħar jiem, Robert Abela għamel l-ewwel pass fil-Parlament biex inaqqar id-dritt liċ-ċittadin (huwa min huwa) li jkun ċittadin attiv. Robert Abela beda proċess biex minflok isaħħaħ il-vuċi attiva taċ-ċittadini tagħna, irid inaqqasha.
Sal-lum, kull ċittadin li jemmen li hemm xi xamma ta’ korruzzjoni, skandlu, jew xi persuni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika li wettqu, għenu jew għalqu għajnejhom għal frodi/korruzzjoni, jista’ jitlob lill-Qorti biex din tiftaħ investigazzjoni u tara li ssir ġustizzja.
Kien propju b’dan il-mod li sirna nafu li kien hemm il-frodi u l-korruzzjoni fil-każ tal-Vitals/Steward, fejn il-poplu Malti ġie ffrodat 400 miljun ewro! Huwa minħabba dan id-dritt li bħalissa hemm proċessi fil-qrati, b’numru ta’ persuni fosthom eks prim ministru, eks deputat, eks ministru, eks chief of staff tal-Prim Ministru, u uffiċjali oħra fl-amministrazzjoni pubblika qegħdin jaffaċċjaw akkużi ta’ frodi, ħasil ta’ flus u korruzzjoni!
Huwa propju minħabba dan id-dritt li Robert u l-Partit Laburista jixtiequ jneħħu, li sirna nafu li f’dawk il-box files ippreżentati minn Simon Busutill ma kinux vojta jew kienu kaxxi tal-pizza! Il-Qorti sabet li minn evidenza li ġiet ippreżentata, hemm biżżejjed provi biex persuni, fosthom l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, flimkien ma’ Yorgen Fenech li diġà huwa akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ikunu akkużati bi frodi u ħasil tal-flus rigward 17 Black u l-Power Station tal-Electrogass!
Tajjeb ngħid li dan kien dritt imdaħħal mill-PN meta kien fit-tmexxija u l-ewwel persuna li eżerċita dan id-dritt kien deputat Laburista fuq akkużi ta’ korruzzjoni fl-FTS!
Sfortunatament nistqarr li Robert Abela u l-Partit Laburista donnhom jippreferu jkollhom ċittadini bħan-nagħaġ ta’ Bendu. Forsi biex b’hekk ikunu jistgħu jkomplu fil-kwiet fir-road map tal-korruzzjoni u tal-iskandli li matul dawn l-aħħar 11-il sena huma l-watermark/legat tagħhom? Nistaqsi.
Taħt skuża jew oħra, Robert Abela jrid, mhux biss ineħħi dan id-dritt, imma anke jrid jipproteġi u jħares lil dawk il-persuni li jwettqu dan! Filwaqt li jiftaħar li jrid il-kontabilità u t-trasparenza, spiċċa jipproteġi lil min qed jitħanżer u jiffanga għal skapitu tagħna lkoll. Dan ifisser li se titwal il-lista tal-untouchables fil-pajjiż li jħossuhom jistgħu jagħmlu li jridu għaliex huma mħarsa!
Fil-qosor, donnu Robert Abela ma jridx min ifixklu jew ikun xewka f’dahru.
L-iskuża li Abela qed jgħid li hemm min qed jabbuża, hija skuża banali għal dawk li jafu x’tgħid il-liġi li tirregola u li tħares b’numru ta’ safeguard clauses biex ma jkun hemm l-ebda abbużi. Fil-fatt, mhux l-ewwel darba li l-maġistrat ma laqax it-talba! U jekk iċ-ċittadin iħossu li ġie akkużat innoċentement għandu wkoll mezz kif issir ġustizzja miegħu.
Lanqas m’għandu raġun il-Ministru Owen Bonnici meta jgħid li min għandu xi akkużi jmur għand il-pulizija. Għalkemm wieħed għandu jagħmel dan, x’jiġri imma meta l-Pulizija tibqa’ jdejha fuq żaqqha u l-Kummissarju jibqa’ jmexmex il-fniek? X’jiġri meta l-istess uffiċjali tal-Pulizija li nħatru biex iħarsu li ma jkun hemm l-ebda korruzzjoni, ikunu huma stess involuti! F’dawn il-ġranet ħareġ li l-Eks Supretendent Raymond Aquilina, li dak iż-żmien kien uffiċjal responsabbli fuq il-ħasil tal-flus, qiegħed jaffaċċja akkużi huwa nnifsu, flimkien ma’ Yorgen Fenech, bħala kompliċi! Kif ċittadin jista’ jafda lill-uffiċjali tal-Pulizija meta dawn saru qishom pupazzi tal-Gvern?
Għaldaqstant, nistieden lil Robert Abela u lill-Partit Laburista li minflok inaqqru dan id-dritt, jaħdmu biex issaħħuh! Huwa fl-interess ta’ kulħadd, inkluż tal-Prim Ministru li naraw li f’pajjiżna ma jkunx hemm min jinqeda bih biex jistagħna huwa minn fuq daharna!
Din mhix kwistjoni bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Din hija kwistjoni li tolqot lid-demokrazija ta’ pajjiżna!
Nemmen li b’dak li Robert Abela u l-Partit Laburista qegħdin jippruvaw jagħmlu, id-demokrazzjoni se tispiċċa titnaqqar u min huwa korrott u frodist jista’ jkompli jiffanga u jitħanżer minn fuq dahar il-poplu Malti!
Min huwa tassew Malti u jemmen fid-demokrazija, żgur li ma jistax jaċċetta dan!