Editorjal | L-iskop ta’ ftehim mal-privat fil-qasam tas-saħħa

'Li jinteressana f’dan il-mument hu li s-servizz tas-saħħa lill-pazjent Malti jitjieb u li jekk se jkun hemm riformi, dawn isiru l-ewwel fl-interess tal-pazjent u mhux tal-MAM'

Meta snin ilu l-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ bl-idea sublimi tas-sehem tal-privat fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-argument kien xprunat mill-ħsieb li l-qasam tas-saħħa kien taħt pressjoni kbira.  

Kien hemm qisu konsensus li din kienet idea tajba. Ħadd ma bassar li dan kien ħsieb malinn sfurzat mill-kap tas-segretarjat tiegħu Keith Schembri biex ikun hemm opportunità oħra biex xi ħadd idawwar lira sew. 

Dakinhar, it-tobba Maltin ikkritikaw il-wasla tal-Vitals, imma ma kienx hemm xi maltempata kbira kontra l-Vitals. Kulħadd fehem li hemm bżonn li s-sistema tas-saħħa tagħna kellha bżonn topera lil hinn mir-restrizzjonijiet tas-servizz pubbliku. 

Sfortunatament nafu x’ġara, u mid-dnubiet kollha ta’ Joseph Muscat, il-mod ta’ kif biegħ l-isptarijiet tagħna lil grupp ta’ kummidjanti barranin huwa forsi l-ikbar dnub.  

Ma kellniex bżonn il-Maġistrat Gabriella Vella u r-reġiment ta’ esperti li għażlet (li selħuna bir-rati eżorbitanti tagħhom) biex naslu għall-konklużjoni tagħna li Joseph Muscat fotta lilu nnifsu u l-pajjiż bil-ftehim ma’ Vitals u aktar tard Steward, fejn hu (Muscat) kien ukoll konsulent jew xi ħaġa simili. 

Imma f’dan l-istadju rridu ngħidu li l-isforzi ta’ Jo Etienne Abela bħala Ministru tas-Saħħa biex is-settur privat jidħol bħala partner biex ineħħi l-pressjoni fuq id-dewmien esaġerat għandu jkun apprezzat fil-kuntest ta’ x’qed jiġri llum. 

Irridu ngħidu wkoll li hija ovvja li l-MAM qed tieħu azzjonijiet industrijali mhux minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern biex is-settur privat jidħol bi sħab mal-Gvern imma biex jieħdu żidiet fil-pagi tagħhom jew f’kundizzjonijiet aħjar għat-tobba. 

Li jinteressana f’dan il-mument hu li s-servizz tas-saħħa lill-pazjent Malti jitjieb u li jekk se jkun hemm riformi, dawn isiru l-ewwel fl-interess tal-pazjent u mhux tal-MAM. 

---

Id-deċiżjoni biex Yorgen Fenech jingħata l-libertà proviżorja mill-Qorti ġrat għax kellha tiġri. Il-liġi trid tiġi applikata l-istess lil kulħadd.  

U li f’din id-deċiżjoni jidher ikrah il-Gvern hija ovvja, anke jekk il-Gvern ma jindaħalx u ma ndaħalx fid-deċiżjoni tal-Qorti. Min-naħa l-oħra hemm biża’ kbir fil-Gvern li din id-deċiżjoni (tal-Qorti) tista’ tirridondi fuq il-Gvern stess jekk Fenech jiġrilu xi ħaġa (eż. jaħrab!). 

In-nies ma jifhmux sew kif jimxu l-affarijiet u għalhekk huwa xogħolna li nispjegaw. 

Nistgħu ngħidu li r-riformi li kellhom isiru fil-proċeduri ġuridiċi meta jitressqu ċerti każijiet ma sarux u huwa għalhekk li għandna sitwazzjoni inaċċettabbli ta’ persuna li ilha mressqa għal każ serjissimu u tibqa’ tistenna. 

Hemm konsenus li l-qattiela jew il-mandatorji ta’ Daphne Caruana Galizia jgħaddu ġudizzju kemm jista’ jkun malajr. Imma jekk kien hemm dewmien minħabba proċeduri burokratiċi jew tekniċi huwa ħażin. 

Min-naħa l-oħra rridu nifhmu li s-sistema tagħna hija waħda robusta, li taħdem favur il-prinċipju li toħroġ il-verità kollha. Imma min-naħa l-oħra ma jistax ikun li każijiet idumu daqshekk biex jibdew u jaraw it-tmiem. 

More in Politika