William Grech | Tliet żgħażagħ akkużati inġustament
'It-tliet żgħażagħ magħrufin bħala “El Hiblu 3” qed jaffaċċjaw akkużi inġusti wara kważi sitt snin ta’ proċeduri ġudizzjarji li serqulhom l-aħjar snin minn żgħożithom'
It-tliet żgħażagħ magħrufin bħala “El Hiblu 3” qed jaffaċċjaw akkużi inġusti wara kważi sitt snin ta’ proċeduri ġudizzjarji li serqulhom l-aħjar snin minn żgħożithom. L-Erbgħa 22 ta’ Jannar il-Koalizzjoni għall-Ħelsien tal-El Hiblu 3 reġgħet talbet li dawn l-akkużi jkunu rtirati.
Abdalla, Amara u Kader kienu fost 108 immigranti li lejn l-aħħar ta’ Marzu tal-2019 ġew salvati mill-għarqa minn bastiment (tanker taż-żejt) bl-isem ta’ El Hiblu 1. Il-grupp ta’ immigranti bdew jipprotestaw malli indunaw li l-bastiment kien fi triqtu lura lejn il-Libja – il-post stess minn fejn kienu ħarbu. Kien hemm min saħansitra kien se jaqbeż fil-baħar! Bis-saħħa tat-tliet żgħażagħ li ttraduċew bejn il-kaptan u l-grupp tal-immigranti, is-sitwazzjoni ikkalmat. Il-bastiment mexa lejn Malta, u b’hekk ġiet evitata pushback illegali lejn il-Libja.
Huma kellhom 15, 16 u 18-il sena meta ġew akkużati u qed jiddikjaraw ruħhom innoċenti mill-akkużi mill-iżjed gravi ta’ terroriżmu, ħtif ta’ bastiment, theddid tal-ekwipaġġ u għadd ta’ offiżi oħra. Mill-2019 għadhom qed jistennew biex jiddefendu lilhom infushom. Fil-fatt, il-każ għadu fil-fażi li tissejjaħ pre-trial.
Waqt konferenza stampa, il-Koalizzjoni li qed tappoġġja lit-tliet żgħażagħ u li qed taħdem għall-ħelsien tagħhom, għadd ta’ kelliema fakkru li Abdalla, Amara u Kader ilhom 2,127 jum f’limbu ġudizzjarju. Il-Koalizzjoni għal darb’oħra sostniet is-solidarjetà sħiħa mat-tliet akkużati u talbet lill-Avukat Ġenerali u lill-Gvern Malti biex dawn l-akkużi serji jkunu rtirati.
Il-Professur Daniela DeBono, waħda mill-kordinatriċi tal-Koalizzjoni, stiednet lill-pubbliku u lill-ġurnalisti jfittxu risposta għall-mistoqsija ta’ “għalfejn dawn iż-żgħażagħ ġew akkużati?” Indirizzat lill-Gvern, u b’mod partikolari lill-Avukat Ġenerali sabiex jitwaqqgħu l-akkużi ingusti u jħalluhom jgħixu żgħożithom. Malta, hija saħqet, m’għandux ikun pajjiż li jkażbar liż-żgħir, wisq inqas lit-tfal. Hi temmet billi inkuraġġiet lil Amara, Abdalla u Kader filwaqt li stqarret il-konvinzjoni li “l-verità għad titla’ f’wiċċ l-ilma għax il-ġustizzja hekk titlob.”
Id-Direttur tal-NGO Kopin, William Grech, fakkar li fi żmien xahrejn se jkunu diġà għaddew sitt snin mill-arrest taż-żgħażagħ. Kompla billi fakkar dettalji fid-dewmien fil-proċeduri, bħal meta tħallew jistennew seba’ xhur sakemm inħelsu mill-arrest fuq kawzjoni – allavolja tnejn minnhom kien għadhom minuri. Barra minn hekk, il-ġuri għadu jrid jibda hekk kif il-kumpilazzjoni tal-evidenza għad trid tingħalaq. Dan kollu qed iżomm lit-tliet żgħażagħ f’limbu legali immensament twil. Minħabba f’hekk, huwa impossibbli għalihom li jgħixu ħajja normali u huwa għal dawn ir-raġunijiet kollha li l-akkużi inġusti għandhom ikunu rtirati. Saħaq illi “qatt mhuwa tard wisq biex titwaqqaf din l-inġustizzja gravi.”
Il-Prof. Maria Pisani kompliet billi enfasizzat li l-limbu, mhux biss huwa legali, imma, agħar minn hekk, wieħed eżistenzjali. Huwa impossibbli għalihom li jħarsu lejn il-futur tagħhom għax ħajjithom ġiet sospiża. F’din is-sitwazzjoni huwa impossibbli li żżomm xi xrara ta’ tama meta l-futur huwa hekk mudlam u tal-biża’. Huwa għalhekk li l-Koalizzjoni se tkompli tappoġġjahom u għax jistħoqqilhom jaraw xaqq ta’ dawl.
Id-Direttur tal-NGO African Media Association Malta, Regine Psaila, wiegħdet l-appoġġ, it-talb u azzjoni tal-membri tal-Koalizzjoni. It-tama hija l-unika ħaġa li bħalissa tgħinhom iħarsu lejn il-futur. Qabblet is-sitwazzjoni ma’ dik ta’ pazjent li jaffaċċja marda terminali. Meta narawhom jitbissmu jew jittamaw fil-futur tagħhom, ħafna drabi nistagħġbu bid-determinazzjoni u bil-kuraġġ li dawn juru f’sitwazzjoni li tidher iddisprata. Hija din l-istess tama li kapaċi tmexxi l-muntanji li għandhom bżonn Abdalla, Amara u Kader. U dawk il-persuni kollha li qed jgħinuhom ikomplu fil-ġlieda tagħhom hija xhieda ta’ din it-tama.
Il-fundatur ta’ Alarmphone, is-Sur Hagen Kopp, entità li tmexxi hotline għal min ikun fil-Baħar Mediterran u għandu bzonn salvataġġ, qal illi huma jaraw regolarment ħafna każijiet ta’ pushbacks illegali, u ta’ mwiet bl-għarqa ta’ persuni li qed jaħarbu mill-infern tal-kampijiet ta’ detenzjoni fil-Libja lejn l-Unjoni Ewropea. Huwa fakkar li t-tliet żgħażagħ waqqfu pushbacks illegali b’mod mhux vjolenti billi sempliċement għamluha ta’ interpreti bejn l-ekwipaġġ u l-immigranti. Dan l-att erojku għandu jkun iċċelebrat u mhux ikunu kkriminalizzati. Dawn l-akkużi huma inġustizzja gravi u għandhom jitwaqqfu immedjatament temm jgħid is-Sur Kopp.
Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, li tkellmet ukoll fir-rwol tagħha ta’ President tal-Moviment Mediterranju tat-Tfal, enfasizzat l-innoċenza tat-tliet żgħażagħ u li dawn il-proċeduri inġusti u akkużi gravissimi serqulhom din l-innoċenza. Il-Koalizzjoni se tibqa’ tkun ta’ sostenn u familja għalihom, sakemm ikunu lliberati mill-akkużi.
“Huma salvaw il-ħajjiet ta’ mitt persuna għax kienu jafu jitħaddtu bl-Ingliż, u għax intalbu jittraduċu spiċċaw akkużati inġustament bl-agħar krimini,” qalet Coleiro Preca. “Minflok niċċelebraw il-kuraġġ tagħhom fil-ħarsien tad-drittijiet umani ta’ sħabhom, billi waqqfu pushback illegali, l-istat Malti ħatfilhom żgħożithom u t-tama fil-ġejjieni.”
Coleiro Preca qalet li huwa d-dmir ta’ kull soċjetà ċċivilizzata li tiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali jkunu mħarsa, b’mod partikolari dawk tal-minorenni – u għalhekk għandhom jinħelsu dawn iż-żgħażagħ.
“Jiena se nibqa’ niddefendihom sakemm jinħelsu u se nibqa’ niddefendi d-drittijiet tat-tfal kollha, huma minn fejn huma,” ikkonkludiet Coleiro Preca.
Għal iżjed informazzjoni fuq dan il-każ segwi: www.eh3coalition.org
William Grech huwa d-Direttur Eżekuttiv ta’ Kopin