
Abigail Camilleri | Għawdex – il-pass li jmiss!
'Il-progress ġab miegħu sfidi ġodda, u issa l-isfida tagħna hi li ngħollu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin. Inutli nimmiraw għall-investiment f’setturi ġodda jekk ma ninvestux fil-poplu Għawdxi sabiex ikollu l-ħiliet kollha neċessarji biex ikun jista’ jagħmel xogħlijiet ġodda'

Matul l-aħħar snin Għawdex esperjenza tkabbir ekonomiku qawwi ħafna – minn gżira fejn l-ekonomija kienet dipendenti wisq fuq l-impjieg mal-Gvern, turiżmu staġonali u s-settur agrikolu, għal sitwazzjoni fejn żdied ix-xogħol mas-settur privat u naqas il-qagħad. Fejn qabel konna naraw it-turist matul ix-xhur tas-sajf biss, illum qed naraw gżira b’kalendarju ta’ attivitajiet mimli matul is-sena kollha li qed jattira kemm it-turiżmu internazzjonali, kif ukoll dak intern.
Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħidma sfiqa ta’ Gvern Laburista li b’deċiżjonijiet għaqlin u strateġiċi reġa’ ta l-ħajja lil din il-gżira. Dan il-Gvern irnexxielu jilħaq il-mira tiegħu – dik li jsaħħaħ l-ekonomija; però issa rridu nimxu għall-pass li jmiss.
Il-progress ġab miegħu sfidi ġodda, u issa l-isfida tagħna hi li ngħollu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin. Inutli nimmiraw għall-investiment f’setturi ġodda jekk ma ninvestux fil-poplu Għawdxi sabiex ikollu l-ħiliet kollha neċessarji biex ikun jista’ jagħmel xogħlijiet ġodda. Ikun għalxejn li nippruvaw nattiraw it-turist ta’ kwalità jekk ma ninvestux fl-infrastruttura tal-ogħla livell u ħaddiema mħarrġa sew f’dan is-settur. Mhux biżżejjed li nitkellmu dwar l-ambjent u l-uniċità ta’ din il-gżira jekk ma nibżgħux għaliha u inutili nitkellmu dwar “Għawdex gżira tal-villaġġi” jekk dak li hemm miktub fiha jibqa’ biss fuq il-karta.
Huwa fatt li meta jkollok ekonomija b’saħħitha wieħed jista’ mbagħad jinvesti fis-soċjetà u fl-ambjent. Bħalma diġà sħaqt qabel, il-mira ta’ ekonomija b’saħħitha ntlaħqet. L-istess ekonomija b’saħħitha ġabet bidliet f’ħajjet in-nies bil-prijoritajiet tagħhom jinbidlu u għalhekk huwa essenzjali li jkollok widna dejjem viċin il-poplu sabiex tkun tista’ tisma’ b’mod kontinwu l-isfidi u x-xewqat tagħhom.
Irridu issa nimxu għall-pass li jmiss. Wasal iż-żmien li mhux biss ikollna x-xogħol ġewwa din il-gżira, iżda wkoll karrieri. Li jkollna infrastruttura adegwata sabiex nattiraw it-turist ta’ kwalità, infrastruttura li mhux biss għandha tkun ideali għat-turist iżda l-ewwel u fuq kollox għal dawk kollha li jgħixu fuq din il-gżira. Għandna nibżgħu għall-ambjent ta’ madwarna sabiex ngħixu f’ambjent san, kif ukoll għal wirt storiku, kulturali u artkitettoniku li għandna. Jekk nitilfu dan, nitilfu darba għal dejjem is-seħer u l-uniċità ta’ din il-gżira.
L-edukazzjoni hija l-qafas ta’ kull settur sabiex wieħed iġib il-bidla. Id-dinja miexja b’pass mgħaġġel ħafna speċjalment fit-teknoloġija u għalhekk irridu nippreparaw lill-Għawdxin tagħna għad-dinja tax-xogħol tal-lum u dik ta’ għada b’opportunitajiet ta’ skilling u re-skilling sabiex ikollna ħaddiema mħarrġa għax-xogħlijiet tal-futur u kapaċi joffru servizz ta’ livell għoli.
Ilqajt bi pjaċir dak li qed jiġi propost fl-“Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030” fejn sar enfasi li kull wieħed u waħda minna jkollu l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu f’ambjent san u inklussiv. Però, bħalma sħaqt fid-diskorsi parlamentari tiegħi, sabiex din l-istrateġija tħalli l-impatt mistenni ġewwa Għawdex, trid timxi paripassu ma’ dak li ġie propost fl-istrateġija “Għawdex Gżira tal-Villaġġi” peress li Għawdex għandu r-realtajiet speċifiċi tiegħu.
L-Għawdxin iridu jgħixu fuq gżira fejn it-tkabbir ekonomiku ma jkunx l-għan fih innifsu iżda jgħin sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja li ma titkejjilx biss bil-flus fil-but. L-Għawdxin jixtiequ jaħdmu għaliex huma bieżla, iżda jridu wkoll li jkollhom iżjed ħin sabiex irabbu lil uliedhom. Iż-zgħażagħ, barra l-għajnuniet finanzjarji, jixtiequ li jkollhom aktar opportunitajiet għal xogħol ġewwa din il-gżira.
L-Għawdxin mhumiex kontra l-progress imma jixtiequ li dan ikun sostenibbli, fejn il-faxxinu tal-gżira ma jintilifx – l-ambjent naturali, storiku u arkitettoniku li jagħmel lil din il-gżira unika jibqa’ mhux mittiefes. Nemmen li b’rieda tajba, fejn il-Gvern jisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-korpi kostitwiti, kapaċi nfasslu politika fejn it-tkabbir ekonomiku jwassal sabiex l-abitanti ta’ din il-gżira jkomplu jgawdu minn kwalità ta’ ħajja għolja.
Abigail Camilleri hija Membru Parlamentari tal-Partit Laburista