Editorjal | In-numri jfissru ħafna jekk taf taqrahom

'Jidher ċar li s-supremazija tal-Labour kienet qed tintemm'

Meta joħorġu s-sondaġġi jkun hemm ħafna interpretazzjonijiet, kif ukoll ħafna allegazzjonijiet. Hemm ukoll min jimmaġina li jkun hemm min jaħbi u jgerfex fin-numri. Fil-biċċa l-kbira, dawk li jagħmlu s-sondaġġi huma nies serji u forsi jkun hemm min jipprova jenfasizza punt flok ieħor, imma jibqa’ l-fatt li n-numri ma jkunux ivvintati. Fuq il-mezzi soċjali jkun hemm xi kultant mewġa ta’ insulti u insinwazzjonijiet li jippruvaw ipinġu realtà mhux vera ta’ min jagħmel is-sondaġġi.  

Imma ejja nħarsu lejn in-numri u nieħdu eżempju ċar. 

Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena l-oħra kien hemm tliet sondaġġi. Kienu ħarġu bi tliet ċifri; li l-Labour kien se jirbaħ, imma l-MaltaToday qalet b’24,000 vot, it-Torċa b’27,500 u s-Sunday Times bi 30,500. Meta ħareġ ir-riżultat kulħadd baqa’ sorpriż għax il-Labour kien rebaħ bi 8,454 vot. Kulħadd kien ġab ir-riżultat pjuttost żbaljat. Anke l-PN kienu sorpriżi. 

Deher ċar li s-supremazija tal-Labour kienet qed tintemm. 

Ovvjament, il-problemi endemiċi tal-PN – nuqqas ta’ tmexxija b’saħħitha, dgħufija fil-viżjoni ekonomika, u l-mażżra tal-grupp Repubblika ma għenu xejn lill-PN. Imma min-naħa l-oħra kien hemm messaġġ ċar li l-PN seta’ jegħleb is-supremazija tal-PL. 

F’dawn l-aħħar xhur, minkejja l-andament mexxej fl-ekonomija, il-Gvern ta’ Robert Abela wera li hu arroganti u intolleranti. Veru li l-ekonomija tfisser kollox għal ħafna nies, imma huwa veru wkoll li l-ekonomija biss mhux biżżejjed biex taħdem kontra l-apatija ta’ eluf ta’ eks votanti Laburista li huma mdejqin bil-Gvern tagħhom. 

Illum nafu bi tliet sondaġġi: tal-MaltaToday b’distakk ta’ 12,000 vot, ta’ Marmara (eks Torca) bi 15,000 vot, u tas-Sunday Times bi 17,000 vot. Jekk nagħmlu xebh żgħir ma’ dak li ġara f’Ġunju, ma tantx qed naraw aħbarijiet sbieħ għal-Labour. In-numri mhumiex vanġelu, imma meta jitqabblu flimkien, ikellmuk u jgħidulek storja. 

More in Politika