Claudette Buttigieg | X’jimpurtani?

'Ma nistgħux nassumu li għax tkellimna fil-parlament u spjegajna fid-dettall l-impatt tal-emendi fil-liġi li tirregola l-inkjesti maġisterjali mela issa n-nies qed jifhmu kollox'

Madwar id-dinja qed jinħass dejjem aktar it-tnaqqir fil-fiduċja li għandhom in-nies fil-klassi politika. L-ikbar żball li nistgħu nagħmlu hija li ninjoraw din ir-realtà jew li nwaħħlu fin-nies li mhumiex jifhmuna. Il-verità hi li biex nirbħu l-fiduċja tan-nies, irridu nkellmu lin-nies bil-lingwaġġ li jifhmu, irridu nispjegaw u nerġgħu nispjegaw bil-għan li nipperswadu lin-nies fuq dak li qed ngħidu. U jekk ma jirnexxilniex, allura hemm bżonn li nerġgħu nispjegaw. 

Jekk inħarsu lejn l-avvenimenti li ġraw f’pajjiżna f’dawn l-aħħar ġranet u ġimgħat, fosthom id-dibattiti mqanqla fil-parlament, nindunaw liema huma dawk l-affarijiet li n-nies fehmu bla spjegazzjoni ta’ xejn.  

Filwaqt li huwa ta’ tħassib kbir li l-Gvern immexxi minn Robert Abela jrid ineħħilek id-dritt li titlob għal inkjesta maġisterjali, in-nies, fil-maġġoranza kbira tagħhom, għadhom ma rrealizzawx li din l-emenda permezz tal-abbozz numru 125, hija verament serja u tista’ tolqot lil kulħadd. 

Min-naħa l-oħra, in-nies fehmu tajjeb li s-serqa ta’ 200 kilogramma reżina tal-kannabis minn post sigur taħt il-kustodja u l-ħarsien tal-armata, hija inaċċettabbli u li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika.  

Ma nistgħux nassumu li għax tkellimna fil-parlament u spjegajna fid-dettall l-impatt tal-emendi fil-liġi li tirregola l-inkjesti maġisterjali mela issa n-nies qed jifhmu kollox. 

Issa ġie stabbilit, u m’hemmx dubju, li l-intenzjoni aħħarija wara dawn l-emendi hija biex Robert Abela jżomm mal-patt imxajtan u jipproteġi lil dawk il-persuni li, minħabba inkjesti maġisterjali diversi, jistgħu jispiċċaw il-ħabs. Persuni involuti fl-iskandli tal-isptarijiet, tal-Electrogas, tas-17 Black, tal-wind farms fil-Montenegro, tal-Panama Papers, u ħafna iktar. 

U għalkemm persuni u entitajiet irrispettati ħafna f’pajjiżna diġà tkellmu fuq dawn l-emendi, ħafna nies jibqgħu distakkati u ma jifhmux eżattament x’qed jiġri. U l-Partit Laburista hekk irid. Id-diskorsi dispreġġattivi min-naħa ta’ Ministri tal-Gvern u membri parlamentari Laburisti fuq kull min esprima ruħu pubblikament kontra dawn l-emendi huwa tal-mistħija. Persuni bħal Prim Imħallef Emeritus Silvio Camilleri, il-Professur Kevin Aquilina, il-Professur Tonio Borg u entitajiet bħal-Kamra tal-Avukat, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Malta Employers. Għax skont id-deputati tal-Gvern, ĦADD minn dawn li tkellmu kontra l-emendi ma jifhem u kollha qed jikkonfoffaw kontra l-Gvern. 

Issa jien m’għandix dubju li hemm min qed jaqra dan l-artiklu u jgħid, “X’jimpurtani?” Għax iċ-ċittadini, li mhumiex politiċi korrotti jew qrib persuni kriminali, ma jaħsbux li huma wkoll jistgħu jiġu bżonn inkjesta maġisterjali. U allura jaħsbu li din l-emenda m’għandhiex tinteressahom. 

Hemm diversi eżempji ta’ kif u meta ċ-ċittadini jistgħu jiġu bżonn li jitolbu inkjesta maġisterjali. Se nsemmi eżempju wieħed, li semmejt fid-diskors tiegħi fil-Parlament ta’ Malta nhar l-Erbgħa li għadda. Bħal dan l-eżempju hemm oħrajn. 

Ejja nieħdu l-każ tal-vjolenza domestika. Każijiet li saru u seħħew f’pajjiżna. Mara tirrapporta diversi drabi li hija inkwetata għax l-eks raġel jew sieħeb tagħha jista’ jweġġagħha jew ipoġġilha ħajjitha f’periklu. Tagħmel numru ta’ rapporti lill-Pulizija, imma sfortunatament, minħabba diversi raġunijiet (nuqqas ta’ speditezza, dewmien fil-proċeduri, nuqqas ta’ staff fuq każijiet bħal dawn, eċċ), din il-mara tinqatel. Il-familja tal-vittma għandhom dritt jiftħu inkjesta maġisterjali biex jaraw x’wassal għall-mewt ta’ din l-għażiża tagħhom. 

Bl-emendi li qed iressaq il-Gvern ta’ Robert Abela, dan id-dritt se jitneħħa. Il-Gvern ta’ Robert Abela jrid li int, li ma sibtx ħajt ta’ kenn mill-pulizija, terġa’ tmur għand il-pulizija u tipprova tieħu raġun. Dan kollu daħk fil-wiċċ. Jekk diġà naqsuk, jekk il-konsegwenzi tan-nuqqas tagħhom wasslu għal traġedja, taħseb li se jtuk raġun issa? Ma taħsibx li hija inkjesta maġisterjali biss li tista’ ttik it-triq għal ġustizzja vera? 

Għalhekk għandu jimpurtak minn dak li qed jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela. Għax ma tistax tgħid meta int u l-familja tiegħek tiġu bżonn inkjesta maġisterjali. Jalla qatt, imma jekk tiġi bżonnha, dan id-dritt se jitneħħielek. 

U jekk smajt lill-esponenti tal-Gvern Laburista jgħidulek bil-kontra, ftakar li dawn qed jimxu fuq il-kitba ta’ Orwell fejn l-affarijiet huma bil-kontra ta’ dak li jintqal. “Mhux se jitneħħa dritt” tfisser li se jitneħħa! It-tnawwir tad-demokrazija jissejjaħ “titjib”! L-ostaklu għall-ġustizzja issa sar “protezzjoni tal-vittmi.” Nies involuti f’tixħim, korruzzjoni, frodi, u ħafna aktar issa saru vittmi! 

Fil-ħin li qed nikteb dan l-artiklu, il-qorti sabet li fuq il-każ ta’ 17 Black u l-Electrogas tista’ tmexxi kontra Konrad Mizzi, Keith Schembri, u persuni oħra qrib il-Partit Laburista u kumpaniji involuti f’dan l-iskandlu. Għax taf int, il-kaxxi tal-evidenza li kien ressaq Dr Simon Bussuttil ma’ kienx fihom pizza! Bl-emendi li jrid idaħħal Robert Abela, dawn il-persuni ma kinux jitressqu għax dan kollu qed isir għax intalbet inkjesta maġisterjali. 

Inti għandek għażla. Tista’ ma’ tagħtix kas, tgħid li ma jimpurtakx, imma meta tiġi bżonn dan id-dritt ma ssibux. Jew tista’ ssemma’ leħnek u tħeġġeġ oħrajn jagħmlu bħalek. Tista’ tingħaqad mal-poplu fil-protesta li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu 2025. Il-preżenza tiegħek tagħmel differenza kbira. Turi li f’dan il-pajjiż hemm min jimpurtah. 

More in Politika