Albert Buttigieg | U ejja, come on!
'Nistqarr li qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn kollox jgħodd u kollox jgħaddi. Jidher li għal xi wħud, kollox huwa aċċettabbli u kollox huwa ġustifikat. Jidher li għal xi wħud, il-prinċipji u l-valuri huma biss tajbin għal oħrajn u mhux għalihom ukoll.'

Hekk kien qalilna l-Eks Ministru Scicluna meta kien tfaċċa skandlu ieħor f’sensiela ta’ skandli li kellna matul dawn l-aħħar snin!
Nistqarr li qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn kollox jgħodd u kollox jgħaddi. Jidher li għal xi wħud, kollox huwa aċċettabbli u kollox huwa ġustifikat. Jidher li għal xi wħud, il-prinċipji u l-valuri huma biss tajbin għal oħrajn u mhux għalihom ukoll.
B’dispjaċir insostni li l-Gvern Laburista mhux biss iħeġġeġ u jinkuraġġixxi din il-mentalità imma propju jagħti dan l-eżempju.
Għal diversi drabi matul dawn is-snin, il-Gvern Laburista quddiem skandlu wieħed isbaħ/agħar mill-ieħor ħa din l-attitudni, ‘u ejja, come on’, ‘business as usual’, u ‘no big deal’.
Il-Ministru Byron Camilleri jidher li huwa wkoll maħkum minn din il-mentalità.
Għaldaqstant, il-Ministru Byron Camilleri ma jafx jew ma jridx jifhem li hemm responsabbiltà politika li bħala Ministru għandu jġorr.
Dan l-aħħar każ huwa eżempju ċar: 260 kilogramma droga nsterqet mill-aktar post f’Malta li suppost huwa sigur. Il-ħallelin daħlu mingħajr problemi, bil-kalma kollha u għamlu festa. 260 kilogramma mhumiex pakkett tas-sigaretti li ħadd ma jinduna jekk jittieħed!
Għalkemm jidher li kien hemm persuni mtellgħa l-Qorti, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li kien hemm serqa f’post li suppost huwa l-aktar post sigur, tant li l-Qorti kienet ordnat li din id-droga tinżamm hemm!
F’każijiet bħal dawn hemm tliet livelli ta’ azzjoni. L-ewwel livell huwa dak tal-pulizija li tressaq dawk li jkollha l-provi li għamlu r-reat; it-tieni livell hu li jittieħdu passi dixxiplinari/amministrattivi fuq min kien ta’ għajnuna għal dawn il-ħallelin. Żgur li kien hemm inside information; filwaqt li f’każijiet ta’ natura gravi bħal din ikun hemm it-tielet livell. Dan huwa li l-Ministru jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dan kollu!
F’pajjiżi normali, hekk iseħħ ... anzi xi drabi jseħħu riżenji minn Ministri għal ħwejjeġ ferm iżgħar!
Irrid ngħid li l-Ministru Camilleri kellu sensiela ta’ skandli fuq ħoġru biex jerfa’ r-responsabbiltà u għażel minflok li jibqa’ fuq is-siġġu!
Tajjeb niftakru li:
-
Kien hemm erbatax-il persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li wettqu suwiċidju! Dan ifisser li erbatax-il persuna qatlu lilhom infushom. Ħadd ma joqtol lilu nnifsu għalxejn. Dawn il-persuni ħasdu ħajjithom għaliex tilfu kull tama ġewwa l-ħabs.
-
L-Ombudsman, fir-rapport fuq dak li kien qed iseħħ fil-ħabs, stqarr li l-ħabs sar donnu, ‘fabbrika ta’ tortura’ u li kien hemm diversi abbużi oħra fuq il-pruġunieri. Il-Ministru mhux biss ma rriżenjax imma ħareġ jiddefendi lid-direttur u wara pressjoni neħħieh u tah impjieg ieħor ta’ €100,000! Min-naħa l-oħra, il-Gvern għajjar lill-Ombudsman li kiteb ir-rapport tiegħu minn wara l-iskrivanija!
-
Kien hemm ukoll l-iskandlu tal-ID cards foloz fejn mijiet ta’ indirizzi ntużaw biex jinħarġu ID cards foloz.
U waqt li l-Prim Ministru jsemmi l-merti tal-Ministru (u m’għandix problema ngħid li wettaq ħwejjeġ tajbin) imma fl-istess waqt għażel li quddiem dawn l-iskandli jieħu l-attitudni li kollox jgħaddi, business as usual!
B’dispjaċir intenni wkoll li din hija l-istess attitudni li l-Gvern qiegħed juża quddiem il-problema tad-droga fil-pajjiż.
Taħt skuża jew pressjoni ta’ voti, il-Gvern għamel l-użu tal-kannabis legali b’numru ta’ regolamenti biex ma jkunx hemm abbużi. Suppost l-użu tal-kannabis huwa regolat b’ħafna regolamenti.
Kull min ixomm jaf li l-pajjiż huwa mifqugħ bir-riħa tal-kannabis! Ma tistax tgħaddi minn ċerti toroq jew tpoġġi tieħu kafè li ma xxommx din ir-riħa!
Huma diversi familji li jinsabu inkwetati u mħassba li minħabba l-attitudni ta’ dan il-gvern, id-droga saret normalizzata u aċċettabbli. Anke l-Caritas/Oasi qalu li l-Gvern innormalizza t-teħid tal-kannabis.
Din l-attiduni fejn kollox jgħaddi qed twassal għal nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet. Fil-fatt, f’mistoqsijiet parlamentari li għamilt, ħareġ li l-Gvern jibża’ jinforza l-liġi li għamel huwa stess! Fil-mistoqsija 25292, staqsejt kemm kien hemm persuni li kienu taħt l-effett tal-kannabis u kienu qed isuqu. Ir-risposta kienet li ma nqabad ħadd! F’mistoqsija 21898, staqsejt kemm kien hemm persuni mħarrka ġewwa Paceville bejn Mejju u Ottubru minħabba li jikkunsmaw il-kannabis fil-pubbliku, li skont il-liġi hija illegali. Ir-risposta kienet li f’sitt xhur sħaħ kien hemm persuna waħda! Nidħaq jew nibki?
Konklużjoni
Il-PN, anke jekk fil-Parlament ma jingħatax il-ħin biex ikun hemm diskussjoni, se jkompli jitlob li tinġarr ir-responsabbiltà politika.
Ma nistgħux nibqgħu ngħixu f’kultura fejn kollox jgħaddi u kollox aċċettabbli.
Fil-ħajja mhux kollox jgħaddi u mhux kollox aċċettabbli.
Mhux kollox huwa ‘u ejja, come on’!