Editorjal | Id-dibattitu dwar id-difiża f’Malta

'Wasal iż-żmien li nifhmu d-differenza bejn stat u partit'

Il-kummenti fuq id-difiża, bir-ritratti tal-bofors mitluqin u minsija, m’għandhomx ikunu r-raġuni biex ikollna diskussjoni matura fuq id-difiża. Għandna bżonn diskussjoni serja fuq id-difiża u ċertament għandha tibda billi nistaqsu kif nixtiequ u naħsbu x’se nirrispondu għal ċerti jew potenzjal ta’ tħeddid. Il-bofors jaħdmu jew ma jaħdmux ftit li xejn jistgħu jikkontribwixxu għal difiża moderna fis-sena 2025.  

Jekk il-Partit Nazzjonalista ried iqajjem jew iqanqal diskussjoni dwar id-difiiża seta’ jagħmel dan b’kont konkret u strutturat. Ċertament il-problema ewlenija hija li rridu nistaqsu kif se naġixxu bħala pajjiż. S’issa d-difiża kienet dipendenti fuq il-buona volontà ta’ pajjiżi ġirien u anke donazzjonijiet minn pajjiżi ġirien. Ma kien hemm ebda ħsieb fuq il-prijoritajiet u t-tip ta’ theddid li jista’ jinqala’. Irridu naraw jekk aħniex lesti nonfqu aktar fuq id-difiża billi jkollna mqar il-kapaċità naġixxu f’sitwazzjonijiet uniċi. U jekk hemmx bżonn li ninvestu f’oqsma li huma aktar sofistikati. 

Jidher li din id-diskussjoni hija assenti għalkollox. U wisq aktar redikolata minn stqarrijiet mill-kelliema taż-żewġ partiti l-kbar. Dan l-episodju wkoll jikxef it-taħwid li hemm fil-Gvern. Minflok ma kien hemm risposta meqjusa min-naħa tal-Gvern biex jiddefendi jew jirribatti l-kritika li qed issirlu, taqbeż il-kelliema tal-PL Norma Saliba u tirrispondi hi … bl-istess ton tas-soltu. 

Wasal iż-żmien li nifhmu d-differenza bejn stat u partit. 

Imma lura għas-suġġett tad-difiża. Dan l-editorjal jisħaq li wasal iż-żmien li jkollna strateġija nazzjonali u viżjoni għad-difiża fuq kull livell u għal kull eventwalità. Biex nagħmlu dan jeħtieġ nuru maturità kbira u interess komuni. 

More in Politika